28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007
Politika bis-sehem tas-soċjetà

Frank Fabri

L-ogħla istituzzjoni fl-organizzazzjoni tal-Partit Laburista hi l-Konferenza Ġenerali li tlaqqa’ fiha numru ta’ delegati li jirrappreżentaw il-friegħi u l-istrutturi nterni kollha fi ħdan il-Partit.
Għalhekk kull diskussjoni u deċiżjoni meħuda fi ħdan il-Konferenza Ġenerali jirriflettu qabel xejn fehma politka Laburista rappreżentattiva daqskemm demokratika.
Il-Konferenza Ġenerali mhix laqgħa ta’ ftit mumenti u lanqas mhi xi laqgħa bejn ftit persuni magħżulin. Hi mera li tirrifletti ħidma preparatorja twila min-naħa tal-Partit Laburista u xempju ta’ konsultazzjoni wiesa’ li llum saret tinkludi lill-partijiet kollha kkonċernati fl-oqsma soċjo-ekonomiċi u kulturali tal-pajjiż.
Illum il-politika tal-Partit Laburista qed titfassal fil-miftuħ bil-parteċipazzjoni u s-sehem tas-soċjetà rappreżentattiva. Hi politika li qed tirrifletti s-sehem u l-esperjenzi taż-żgħażagħ, ta’ l-anzjani, tal-professjonisti, ta’
l-ambjentalisti, tal-bdiewa, tan-nisa, tas-self employed, tal-Għawdxin, tal-familji u tal-bqija.
Illum il-Partit Laburista qiegħed jirrifletti stil pjuttost kontemporanju fit-tifsil tal-politika tiegħu. Illum qed naraw proċess wiesa’ biżżejjed li jagħti spazju konsiderevoli lil kulmin b’xi mod iħoss li jista’ jagħti kontribuzzjoni f’xi qasam soċjo-ekonomiku u kulturali ta’ pajjiżna.
Matul dawn l-aħħar sena u nofs qed naraw li l-Konferenza Ġenerali Laburista qed ittella’ quddiem id-delegati numru ta’ dokumenti li jittrattaw politikament l-oqsma soċjali, ekonomiċi u kulturali li fuqhom tissejjes it-tmexxija ta’ pajjiżna. Dawn huma l-oqsma tal-ħajja li jolqtu u jinteressaw mill-qrib lil kulħadd. Illum il-Konferenza Ġenerali qed tressaq quddiem id-delegati dokumenti tekniċi ħafna li jinkludu viżjoni ċara u pjan strateġiku tanġibbli, prattiku u possibbli daqskemm probabbli. Inħoss, bħala delegat u kandidat prospettiv, li b’dan il-mod il-Partit Laburista qed jirnexxilu jiddistingwi ruħu mill-Partit Nazzjonalista fejn deċiżjonijiet ewlenin, saħansitra deċiżjonijiet interni, qed jittieħdu fil-magħluq minn grupp żgħir ta’ persuni magħżulin.
Is-sena li għaddiet il-Konferenza Ġenerali Laburista approvat żewg pjani ta’ politika dwar l-ambjent u t-turiżmu. Il-Konferenza Ġenerali li tlaqqgħet madwar sitt xhur wara approvat ukoll il-pjani ta’ politika Laburista għall-edukazzjoni, għas-saħħa, għall-industrija u għal Għawdex.
Fil-Konferenza Ġenerali Annwali li se tittlaqqa’ fil-jiem li ġejjin, il-Partit Laburista se jiddeċiedi u jkollu politika deċiżiva fuq numru ieħor ta’ pjani u stqarrijiet ta’ viżjoni. Dawn il-pjani u stqarrijiet ta’ viżjoni jinkludu l-oqsma ta’ l-anzjani, in-nisa, iż-żgħażagħ, il-familja, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-self employed, il-Kunsilli Lokali, it-teknoloġija ta’ l-informatika, il-biedja, il-koperattivi u ċ-ċivil.
Il-politika tal-Partit Laburista mhix imfassla minn xi persuna weħidha jew xi grupp żgħir, iżda tirrifletti l-kuxjenza nazzjonali l-aktar wiesa’ tal-poplu Malti.
Il-pass naturali li jmiss għall-Partit Laburista wara l-Konferenza Ġenerali jkun it-tfassil tal-manifest elettorali li jissejjes fuq il-pjani kollha ta’ politika u stqarrijiet ta’ viżjoni approvati.
Nantiċipa li l-Partit Laburista fuq il-bażi ta’ l-esperjenza li għaddej minnha se jkollu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss manifest elettorali li jappella ħafna għaliex minsuġ diġà bejn is-soċjetà kollha rappreżentattiva.
Daqskemm se jkun manifest elettorali tal-Partit Laburista bl-istess mod jista’ jkun deskritt bħala manifest tal-poplu Malti u Għawdxi.
Filwaqt li l-Konferenza Ġenerali tagħti siġill Laburista, l-istess siġill jinteressa u jirrifletti wkoll il-fehma mifruxa fil-pajjiż.
Dan jawgura tajjeb ħafna għall-ġejjieni immedjat tal-Partit Laburista li mħejji tajjeb ħafna biex jibda jwettaq il-politika tiegħu mis-siġġu tal-Gvern daqskemm jawgura tajjeb ukoll għal Malta li tinħtieġ tmexxija għaqlija, deċiżiva u serja fl-oqsma soċjali, ekonomiċi u kulturali biex titmexxa u timxi ’l quddiem fl-oqsma kollha u terġa’ tabilħaqq tikseb il-kompetittività li jixirqilha.

Frank Fabri hu delegat u kandidat Laburista

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt