28 ta' Jannar 2007 • Nr 13

Arkivji




 

 

28 ta' Jannar 2007
Mitra nkwiet

Il-ġurnata minn kmieni turik, jgħid il-Malti. Hekk ġara lill-patri Dumnikan meta ismu xxandar u tħabbar li kien intagħżel biex ikun l-Arċisqof il-ġdid.
Iktar ma beda għaddej iż-żmien iktar ġibed is-simpatija tal-poplu u t-tbissima kontinwa tiegħu u l-mod kif jitħallat man-nies komplew iqajmu entużjażmu. Il-poplu rrisponda b’merħba kbira li tah waqt iċ-ċelebrazzjonijiet kollha li saru, bil-qofol ta’ dan l-entużjażmu jintlaħaq jumejn ilu meta saret iċ-ċerimonja tal-ħatra tiegħu bħala Arċisqof ġdid ta’ Malta Kattolika.
Jidher li dak li għamel sena ilu l-Isqof Grech f’Għawdex, l-Arċisqof Cremona jista’ jagħmlu f’Malta. Bil-ħatra tagħhom dawn iż-żewġ isqfijiet relattivament żgħar fl-età qed jagħtu dehra ġdida lit-tmexxija tal-Knisja u joħorġuha mill-istaġnar li kienet fiha u li minħabba f’hekk kibret il-bruda u l-antagoniżmu lejn din l-istituzzjoni.
Ma jfissirx li ta’ qabilhom jaħtu għal dan kollu. Imma rridu nammettu li minkejja kull intenzjoni tajba fl-Isqfijiet ta’ qabel, iż-żmien kien beda jagħmel tiegħu!
Fil-korsijiet ta’ Kana l-qassisin iħobbu jgħidu lill-għarajjes li ż-żwieġ tibda tkun taf xi jfisser hekk kif jispiċċa l-honeymoon. Fil-bidu kollox jidher sabiħ u frisk. Il-bidu jkun għadu żmien ta’ entużjażmu u ħolm. Iżda l-ħajja miżżewġa m’hix żmien ta’ honeymoon il-ħin kollu.
L-istess nistgħu ngħidu għall-Arċisqof il-ġdid. Il-kbir għadu ġej u kemm se jibqa’ l-entużjażmu għalih għadu kmieni biex wieħed jgħid. Għad irid jgħaddi mill-mumenti tal-prova biex naraw jekk l-impatt li ħalla f’dawn il-jiem jibqax iħalli effett minn issa ’l quddiem fuq il-poplu Malti.
Ammetta hu stess li għandu għadma iebsa xi jgerrem u jittama fl-għajnuna t’Alla biex jegħleb id-diffikultajiet. L-ikbar sfida li għandu quddiemu hija kif jipperswadi lin-nies li għandhom jgħixu skond dak li jemmnu. Li l-Knisja twettaq dak li tippriedka.
Għandu bosta pontijiet x’jibni. Qabel xejn irid iġib daru fl-ordni. Irid ikun jidher li jagħmel distinzjoni bejn il-missjoni li għandu bhala kap spiritwali ta’ l-Insara u bħala kap amministrattiv ta’ istituzzjoni.
Kif se jnissel fiduċja fil-Knisja jekk fuq il-pulptu jippriedka kif Kristu għex il-faqar imbagħad ikun imdawwar minn Monsinjuri li l-faqar ma jafux fejn joqgħod? Ma jfissirx li qed nippretendu li l-Knisja u dawk li jiffurmawha jiġu fi stat li ma jkollhomx għaxja ta’ lejla. Imma hemm bżonn li jdur dawra f’daru u jġib lil kulħadd f’postu.
Irid ikun ċar mal-poplu u jistqarr li f’dak li hu twemmin m’hemmx ċaqliq u tidwir. Fejn jidħol tagħlim fundamentali jrid jintqal li dak li ġie dikjarat fl-imgħoddi se jibqa’ jgħodd għall-ġejjieni. L-istil u l-interpretazzjoni jistgħu jinbidlu imma s-sustanza ma tinbidilx. Ikun min ikun l-Arċisqof ma jagħmilx differenza fejn jidħol it-tagħlim bażiku tal-Knisja Kattolka. Ma jistax ikun li jibqa’ jkollna qassisin antikwati; qassisin moderni; qassisin tradizzjonalisti; qassisin liberali; qassisin ribelli; qassisin Nazzjonalisti u qassisin Laburisti; jew qassisin tal-klikka tal-Kurja u l-qassisin minsijin jew emarġinati. Ma jistax jibqa’ jħalli li l-messaġġ jasal skond min ikun il-messaġġier. F’din il-konfużjoni kif tista’ titnissel il-fiduċja? Għalfejn ngħollu l-aspettativi tan-nies bla bżonn?
Trid tidher u tinħass id-distinzjoni bejn il-missjoni tal-Knisja bħala promotur tal-fidi tar-reliġjon u l-funzjoni tal-Knisja bħala amministratur ta’ istituzzjoni nazzjonali. Ma jistax ikun li jibqa’ dan it-taħwid fl-imħuħ tal-poplu li meta l-Knisja tagħżel is-silenzju jew is-segretezza, biex ma ngħidx in-nuqqas rampanti ta’ trasparenza, tkun qed tagħmel dan għax għandha l-fakultà tad-domma tal-fidi! Jiġifieri fejn jidħlu materji amministrattivi l-Knisja għandha tagħti spjegazzjoni ta’ għemilha.
In-nisrani devot jasal biex jemmen li fit-twemmin li jħaddan hemm il-misteri li ma jistgħux ikunu spjegati għax il-moħħ tal-bniedem ma jwassalx jifhem il-kobor ta’ dak li hu divin. Imma l-poplu ma jifhimx kif il-Knisja taħbi l-għemil ta’ saċerdoti li jkunu abbużaw mill-pożizzjoni tagħhom. Jitħawwad il-poplu meta jara l-Knisja tiddefendi l-kummerċ ġust imbagħad tidħol fin-negozju ta’ proprjetà fejn l-inġustizzja u l-isfruttament huma ovvji.
Ma jistax ikun li l-Knisja tippriedka li hija ma tridx timponi t-twemmin tagħha imma trid tuża l-persważjoni, imbagħad tħalli lil min jużaha għall-interessi tiegħu bħal fil-politika, fin-negozju jew f’oqsma fejn il-Knisja m’għandhiex tirfes.
Ma jistax ikun lanqas li gruppi fil-Knisja jikkundannaw il-paganiżmu tal-festi tal-parroċċi mbagħad minħabba interessi finanzjarji ssib qassisin li fid-deher jew minn wara l-kwinti jinkoraġixxu r-rivalità bejn il-każini. Jekk ma ssibx ukoll li dawn id-diretturi ‘spiritwali’ jużaw il-pożizzjoni tagħhom biex jibnu l-imperu personali fil-parroċċa ħalli jirreżistu l-“vot ta’ l-ubbidjenza” meta jiġu suġġetti għal dan.
Il-Knisja trid tgħid fil-beraħ x’inhi s-soluzzjoni tagħha għall-fatt li l-attendenza għall-quddies ta’ nhar ta’ Ħadd litteralment marret il-baħar; għalfejn il-vokazzjonijiet taru mar-riħ u għalfejn qed tagħżaq fl-ilma fi tħejjija għaż-żwieġ bin-numru ta’ separazzjonijiet ikomplu jiżdiedu ta’ kuljum u b’mentalità li “aħjar ngħixu flimkien mingħajr ma niżżewġu” tkompli tinfirex b’rata mgħaġġla. X’qed tagħmel il-Knisja biex terġa’ ddaħħal sens ta’ valuri fost is-soċjetà tagħna jagħmel iktar sens milli toqgħod tbeżża’ jew takkuża lil ħaddieħor bil-ħtija tal-materjaliżmu, egoiżmu u konsumiżmu sfrenat.
Il-Knisja Maltija tinsab fi kriżi. Kriżi ta’ kredibbiltà u nuqqas ta’ fiduċja mill-poplu. U għalhekk għandha bżonn tisma’ iktar milli titkellem. Billi jinbidel l-Arċisqof mhux se jsiru mirakli. Trid tinbidel mill-qiegħ b’mod radikali jekk trid terġa’ tikseb ir-rilevanza tagħha fost il-poplu.
Qabel iċ-ċerimonjal u s-simboliżmu, qabel it-tradizzjoni u l-pontifikazzjoni, il-Knisja trid tagħraf tiżen għalfejn in-nisrani Malti sar jemmen f’Alla imma ma jridx jaf bil-Knisja jew bil-qassisin; għalfejn il-Knisja saret meqjusa daqslikieku kienet organizzazzjoni politika li jinteressaha tagħmel pussess fuq il-fidili tagħha – qisha xi partit politiku – jew tagħmel il-flus mill-ħidma kummerċjali jew soċjali tagħha; għalfejn id-devozzjoni nbidlet f’ossessjoni; għalfejn hawn min jippreferi jkun spiritwali imma mhux reliġjuż.
Żġur li l-Arċisqof Cremona jista’ jikkontribwixxi biex itejjeb is-sitwazzjoni. Iżda quddiemu għandu sfidi kbar u piżijiet tqal. Għandu żgur mitra inkwiet. Sinċerament nawguralu li jagħmel suċċess fil-ħidma tiegħu imma minflok ma noqgħod ngħaddilu l-kumplimenti nħossni iktar komdu jekk nagħtih parir umli – “l-ewwel pass li trid tagħmel huwa wieħed: put your house in order. Imbagħad tkun verament il-bniedem tal-poplu u għall-poplu”.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt