21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
X’kien jgħid?

Naf li l-logħob bin-numri mhux xi ħaġa ġdida, jew rari, fil-politika. Iżda naf ukoll li din l-aħħar kontroversja li nqalgħet dwar reviżjonijiet u mhux reviżjonijiet fil-figuri ta’ l-istatistika messha kienet, kif jgħidu l-Ingliżi, maltempata f’kikkra tè.
L-akkuża tal-Laburisti li t-tibdiliet saru biex b’xi mod jgħinu lil Lorenzo Gonzi ma tagħmilx sens għax żgur li dan it-tibdil ma kienx se jagħtih xi vantaġġ politiku, imqar temporanjament. Wisq nibża’ li din kienet solament inizjattiva ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Istatistika li m’għandux bżonn il-permess tal-Gvern tal-ġurnata biex jieħu inizjattivi bħal dawn.
Għax l-affarijiet hekk jaħdmu f’din il-patria tagħna: l-istituzzjonijiet li fuq il-karta huma indipendenti mill-Gvern jaġixxu b’indipendenza vera meta jkun hemm Gvern tal-PN u l-Oppożizzjoni tużahom biex isawwat lill-Gvern tal-PN… filwaqt li meta jkun hemm Gvern tal-Laburisti dawn għandhom il-modi tagħhom kif jikkontrollaw dawn l-istituzzjonijiet, mhux biss biex ma ssirx ħsara lill-gvern, iżda wkoll biex isawtu lill-PN fil-Gvern! Donnu li dan il-kuntrast lampanti qiegħed ingastat fl-istess natura taż-żewġ partiti.
Jidher il-kap ta’ l-Oppożizzjoni kkonsidra t-tibdiliet li saru bħala opportunità tad-deheb biex jiskredita lill-uffiċċju ta’ l-istatistika f’mument meta l-ekonomija bdiet tirpilja u allura l-istatistika se tibda tirrifletti dan il-moviment pożittiv.
Li jiskantani mhux il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni iżda l-mod fjakk kif il-Gvern irreaġixxa għal din il-bawxata. Kien hemm is-Segretarju Parlamentari li ħareġ bit-trovatura li dak li kienet qed tagħmel l-Oppożizzjoni kien manuvrar intiż biex jimmina l-proċess li bih Malta se taddotta l-munita komuni Ewropea f’Jannar li ġej u xejn aktar. Iva kellu jkun eks Ministru Laburista, Lino Spiteri, biex jikteb li fost ir-reviżjonijiet kien hemm dik li żiedet it-tkabbir ekonomiku reġistrat fl-1997 (u allura tpoġġi l-Gvern ta’ Sant f’pożizzjoni aħjar) kif ukoll oħrajn li jnaqqsu sostanzjalment id-dħul gross nazzjonali fi żmien meta Gonzi kien Prim Ministru? Fuq dan, allajbierek, il-PN ma qalu xejn! Dan meta Sant u sħabu sostnew b’qawwa u forza li l-bidliet kienu sempliċi manipulazzjoni biex is-snin tal-Prim Ministru Gonzi jidhru aħjar milli huma fil-verità!
Kulħadd jaf kif Sant juża l-istatistika: meta jkunu jaqblu ma’ l-argument jew il-pożizzjoni tiegħu jikkwotahom, imbagħad meta ma jkunux jiskreditahom! Ifakkarni f’dak li darba qal l-Amerikan Andrew Lang dwar politiku partikolari: ‘He uses statistics as a drunken man uses lamp-posts – for support rather than illumination’
Iżda din id-darba Alfred Sant ma qagħadx ifettaq. Għażel li anki jinjora dak li jaqbillu għax ma riedx iħawwad l-imħuħ tas-segwaċi tiegħu. L-għan ewlieni tiegħu kien li jiskredita x-xogħol ta’ l-Uffiċju ta’ l-Istatistika… u, kif għedt, ir-reazzjoni fjakka tal-gvern u ta’ l-istess uffiċju ma fixklitu xejn.
Li għalija turi kif f’ċerti ċirkostanzi l-makna ta’ l-informazzjoni jew propaganda, tal-Gvern mhix qed taħdem kif għandha tkun, anki jekk issa l-elezzjoni bdiet toqrob sewwa. Donnu li l-PN jaf jattakka iżda qajla jaf jiddefendi!
Kellna lill-partit
fl-Oppożizzjoni kuljum itambar dwar l-istess ħaġa, anki jekk bl-aktar mod inġust u żleali, u ma kienx hemm risposti pronti u adekwati għall-akkużi. Naturalment il-partit fl-Oppożizzjoni skorja u rebaħ punti mhux mistħoqqa, aktar u aktar għax fil-verità ċ-ċirkostanzi ma kinux riżultat ta’ xi azzjoni tal-Gvern, minkejja dak li ppruvat timplika
l-Oppożizzjoni.
Eh! Kemm se ndumu biex nifhmu li ulied id-dlam għandhom aktar ħżunija minn ulied id-dawl?

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt