21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
Free for all

Alla jbierku dan il-pajjiż għandu liġijiet fuq kollox. Sa waslu biex m’ilux ippubblikaw liġi li tipprojbixxi l-importazzjoni tas-siġġijiet ta’ l-elettriku, s’intendi mhux dawk li jinbiegħu mix-showrooms ta’ Fino jew Arcidiacono, imma dawk li jixxukkjawk ħaj, speċi ta’ siġġu toaster.
L-istess avviż legali jipprojbixxi l-importazzjoni ta’ giljottini, mhux dawk li jużaw f’xi stamperija imma dawk li jaħsdu l-irjus, u tal-forok li reġgħu saru moda bir-reality show makabru tat-tgħallieq ta’ Saddam Hussein li daqskemm ma kontx naħmlu meta kien ħaj, seraq ħafna simpatija u ħniena fl-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu.
Riżmi fuq riżmi ta’ liġijiet u volumi kontra volumi ta’ regolamenti fuq kull ħaġa taħt il-kappa tax-xemx li għal dan il-pajjiż, s’intendi, bdiet tiela’ mill-1 ta’ Mejju ta’ l-2004.
Imma f’ħaġa waħda biss m’għandniex liġijiet gwappi daqs ta’ l-Unjoni Ewropea, apparti d-divorzju s’intendi, għax fejn jidħol il-finanzjament tal-partiti m’hemm l-ebda liġi li tgħidlek x’għandek tagħmel imma teżisti sitwazzjoni ta’ anarkija u arbitrarjetà assoluta fejn kulħadd iqabbel fejn jaqbillu u jagħmel dak li jrid u li jfettillu.

Fundamentali għad-demokrazija
Din hi kwistjoni li mad-daqqa t’għajn tista’ tidher pjuttost teknika u li ma tolqotx lin-nies direttament f’ħajjithom. Għal kuntrarju il-bużillis ta’ minn fejn il-partiti jġibu l-flus biex ilaħħqu ma’ l-ispejjeż kbar li jidħlu għalihom, hi kwistjoni fundamentali għat-tħaddim sew tad-demokrazija u tista’ taffettwa d-drittijiet tagħna bħala ċittadini li suppost għandna niġu ttrattati ndaqs quddiem il-Liġi u li l-partit fil-Gvern ma jiddiskriminax favur min jgħinu finanzjarjament a skapitu ta’ min ma jgħinux. Bħalma ġara tista’ tgħid fil-bqija tad-dinja, il-mod ta’ kif issir il-politika f’Malta ma jingħarafx minn kif kienet issir 30 jew 40 sena ilu.
Dak iż-żmien kien ikun biżżejjed xi trakk tal-ġebel misluf mingħand xi ħadd, mejda u nofs tużżana siġġijiet tal-Formica, u xi erba’ loudspeakers forma ta’ trombi u kulfejn tara ħitan miksija u nfaxxati bl-uċuħ kollha tbissim sfurzat tal-kandidati. Illum il-ġurnata l-kampanji politiċi ttrasformaw irwieħhom għal kollox u marru hi-tech u addio mass u corner meetings u posters imwaħħlin bl-addoċċ bil-kolla tad-dqiq mal-ħitan.
In-nies mehdija kif inhuma b’ħajjithom minn biċċa xogħol għal oħra, għal min għandu, m’għadhomx jikkonkorru bl-eluf għall-attivitajiet politiċi kif kienu jagħmlu dari. U bħalma jgħid il-qawl dwar il-muntanja li kellha tmur għand Mawmettu meta dan ma riedx imur għandha, jekk il-folol m’għadhomx ifittxu l-politika, biex tasal fid-djar tan-nies il-politika qed ikollha tissellef l-għodod tal-marketing, tas-sondaġġi u tar-reklamar kummerċjali.
Il-politika saret tiddependi wisq fuq il-media u ferm aktar fuq impjegati full-timers u part-timers milli fuq il-voluntiera li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed isiru speċi rara. Għodod moderni u mezzi ta’ komunikazzjoni li ma ssibhomx imħawlin taħt xi siġra barra t-triq imma li jiswew il-mijiet kbar ta’ l-eluf tal-liri.

Triq fil-baħar
Trid tqis ukoll il-fatt li minn kampanja elettorali darba kull ħames snin issa morna għall-kampanji elettorali żgħar, kull sena, f’terz tat-territorju fejn ikun hemm l-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali u kampanja medjana darba kull ħames snin tal-Parlament Ewropew.
Dan kollu jfisser spejjeż u kontijiet ta’ miljuni kbar ta’ liri li minn x’imkien qegħdin jiġu. Jgħidu x’jgħidu l-partiti politiċi li qed jiġbru l-ftit mingħand il-ħafna u mhux il-ħafna mingħand il-ftit, dan kollu kliem fil-vojt li qajla jista’ jitwemmen għax m’hemm l-ebda mod kif jista’ jiġi vverifikat kemm hu minnu jew le.
L-impressjoni ġenerali fost il-pubbliku hi li hawn xi kuntratturi u negozjanti li bil-flus li jagħtu lill-partiti mhux triq fil-baħar qed jixtru imma tip ta’ assigurazzjoni għal kulma jistgħu jiġu bżonn, għax
bil-linja diretta li jiftħu maċ-ċentri tal-poter għandhom ħabel jew spaga li meta jkollhom bżonn jiġbduha. U mhux se jiddejjqu jiġbduha.

Cowboys
Fost in-nies teżisti perċezzjoni qawwija li l-liġijiet ta’ dan il-pajjiż huma dgħajfa ma’ min hu b’saħħtu u b’saħħithom ma’ min hu dgħajjef. Għax bħalma jgħid il-qawl, il-forka għall-iżvinturat, u s’intendi min ħareġ b’dan il-proverbju żgur ma kellux lil Hussein f’moħħu.
F’xi każijiet ċelebri bħal ta’ dak il-kuntrattur gwapp, biex inkun semmejt biss wieħed, li bena iktar min-nofs lukanda fuq art pubblika u dnubietu kienu maħfura bl-impożizzjoni ta’ xi multa redikola, huma inspjegabbli sa ċertu punt għax fejn ma jifhimx il-moħħ tifhem ir-ruħ.
Il-cowboys jiġu ppremjati f’dan il-pajjiż mhux għax tal-partiti jħobbu jaraw ħafna films ta’ John Wayne imma għax fil-mument kruċjali s-sassla tal-partit issib il-ħbieb fis-suq li jimlewhielu.
Proprju hawnhekk jinsab il-qofol tal-kwistjoni kollha ta’ kif id-demokrazija u s-saltna tal-Liġi f’dan il-pajjiż jistgħu jkunu mhedda minħabba li l-finanzjament tal-partiti politiċi mhuwiex regolat bil-Liġi.
Għax filwaqt li fil-prinċipju suppost li aħna lkoll ċittadini ndaqs ta’ dan il-pajjiż, fil-prattika dawk in-negozjanti li jgħalfu l-partiti bl-eluf kbar tal-liri jistgħu jinfluwenzaw l-affarijiet favur tagħhom u jġibu l-boċċa qrib il-likk ferm aktar minn Ċikku l-Poplu. Erġajna fejn konna madwar 100 sena ilu meta min kellu l-flus u l-proprjetà kellu aktar minn vot wieħed u min kien ta’ fuqu senduqu ma kienx ikun jaf x’laqtu u lanqas nofs vot ma’ kien ikollu.

Demokrazija sostenibbli
L-International Institute for Democracy and Electoral Assistance (IDEA), li hu istitut inter-governattiv ibbażat fl-Isvezja li jippromwovi demokrazija sostenibbli mad-dinja kollha, jelenka diversi safeguards u kontrolli li jistgħu jiddaħħlu fil-liġijiet tal-pajjiż biex ikunu limitati l-possibiltajiet ta’ abbużi f’dan il-qasam.
L-iktar pajjiżi li għandhom liġijiet iebsin huma l-Istati Uniti, il-Belġju, l-Italja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Ungerija u l-Estonja fejn saħansitra hu kontra l-Liġi li kumpaniji li jkunu ngħataw tenders u kuntratti tal-Gvern li dawn jagħtu donazzjonijiet lil partiti politiċi.
Fil-pajjiżi tal-Punent ta’ l-Ewropa jeżistu liġijiet li jobbligaw kemm lill-partiti u anki lil min ikun tahom donazzjoni ’il fuq minn ċertu ammont stabbilit, li dik id-donazzjoni jagħmluha pubblika.
F’ħafna pajjiżi bħall-Awstralja, il-Belġju, il-Kanada, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Ġappun, l-Olanda, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti donazzjonijiet anonimi huma illegali. Fil-Belġju l-partiti politiċi huma obbligati li jiddikjaraw donazzjonijiet ta’ ’l fuq minn 125 Ewro fis-sena (Stati Uniti: $200; Irlanda: 5,079 Ewro; Italja: 2,582 Ewro; Renju Unit: £5,000) u l-ebda individwu ma jista’ jagħti iktar minn 500 Ewro lill-partit wieħed f’sena (Stati Uniti: $25,000; Franza: 4,600 Ewro; Irlanda: 3,649 Ewro; Italja: 10,239 Ewro; Portugall: 10,500 Ewro; Spanja: 55,000 Ewro). Il-partiti fil-Belġju ma jistgħux jonfqu aktar minn miljun Ewro f’kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali (Stati Uniti: m’hemmx limitu; il-Portugall 3 miljun Ewro).
L-iskop ta’ dawn il-ħafna ceilings, thresholds, għetiebi, soqfa u x’naf jien hu wieħed: li iktar ma tkun kbira donazzjoni, l-iskop warajha iktar ikun ovvju li xxaħħam u tvara aktar milli biex tkun tajt minn qalbek u in bona fede.
Skond George Saliba li għandu kariga għolja fl-Uffiċċju Elettorali ta’ Malta u li fir-rapport ta’ l-IDEA hu deskritt bħala espert, jirrapporta li f’Malta hawn free for all u the sky is the limit għax ma jeżistu regolamenti ta’ xejn f’dan il-qasam u la hemm ammonti massimi ta’ kemm jistgħu jingħataw bħala donazzjonijiet u lanqas dwar x’jista’ jintefaq mill-partiti f’kampanja elettorali. Ħlief għal eċċezzjoni waħda li nissuġġerilek qabel tismagħha żżomm żaqqek biex ma taqsamhiex bid-daħk. Skond il-Liġi l-kandidati ma jistgħux jonfqu aktar minn Lm600 matul il-kampanja elettorali. Dan hu ammont redikolu li ma jirriflettix il-valur reali tal-flus illum u nżamm baxx apposta biex żgur jinkiser u kulħadd ikollu jagħlaq għajnejh.
Fl-1995 kien sar tentattiv imqanżaħ permezz tal-Kummissjoni Galdes biex isiru xi miżuri konkreti u tanġibbli f’dan ir-rigward. Imma wara l-pubblikazzjoni tar-rapport li sar minn din il-Kummissjoni inevitabbilment kien spiċċa miet kollox fuq ommu wara ftit. Kien il-Partit Nazzjonalista li oriġinarjament welled id-dibattitu fuq dan is-suġġett permezz tal-White Paper ‘Il-Bidla Tkompli’, imma kienu l-istess Nazzjonalisti li abortew id-diskussjoni bil-pożizzjoni li ħadu fil-Kummissjoni Galdes.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt