Is-suq tal-proprjetà hu l-mira ta’ ħafna. Smajna u qrajna ħafna kummenti u proposti li x’ħin tagħsarhom ftit tista’ toħrog ħlief tgergir u ħerqa biex isir xi ħaga. Jista’ jsir ħafna iżda bla proposti konkreti, realistiċi u li jistgħu jitwettqu fil-kuntest ta’ suq liberu bħalma għandna f’Malta ma naslu mkien.
Ma ninsewx li 80 fil-mija tal-Maltin huma sidien ta’ djar, min ta’ ħafna u min ta’ ftit, u żgur li ħadd ma jrid jara l-valur tal-proprjetà tiegħu jinżel. Kulħadd irid soluzzjoni soċjali ġusta iżda l-ġustizzja ma ssirx jekk inħaddmu skemi ta’ aktar tassazzjoni jew ta’ restrizzjonijiet. Irridu nkunu immaġinattivi u pożittivi. Is-soluzzjonijiet stil Robin Hood għadda żmienhom.
Il-Knisja, permezz ta’ wieħed mill-ħafna kumitati djoċesani li għandha, daħlet fil-kwistjoni tas-suq tal-proprjetà. Ma rridx nidħol fil-merti tar-rapport li nħareġ għax fih ħafna supposizzjonijiet u jirfes fuq materja li ma nafx kemm huma kompetenti fihom dawk li ndaħħlu fil-kwistjoni. Imma kulħadd għandu dritt għall-opinjoni basta min jitkellem ma jaħsibx li hu infallibbli għax warajh għandu l-Knisja. Il-kwistjoni tal-proprjetà tolqotna lkoll u hi kontroversjali għall-aħħar. Għalhekk ħadd m’għandu jitkellem qiesu qaddis aktar minn ħaddieħor.
Jien tkellimt ċar, għidt lill-Knisja biex qabel ma titkellem dwar il-proprjetà aħjar toqgħod attenta. Il-Knisja u l-proprjetà qishom l-porvli u n-nar għax huma ħafna u ħafna l-Maltin li jafu ħafna stejjer fejn tidħol il-proprjetà u l-Knisja. Huma ħafna u ħafna l-Maltin li ma tantx baqgħu b’togħma tajba.
Illum il-Knisja qiegħda, sa ċertu punt gallarija imma mhux daqstant. Ma jfissirx li l-Knisja m’għandhiex tinsisti għal aktar ġustizzja. Imma ejja ma ngħaġġlux, aktar u aktar jekk min jitkellem għandu l-mezz li jintervjeni. Ħa nispjega.
L-art li llum hi amministrata mill-Uffiċċju Konġunt bejn il-Gvern u l-Knisja wara t-trasferiment li kien sar mill-Knisja għall-Gvern fuq prezz miftiehem u mħallas mill-poplu Malti hi proprjetà li jista’ jkollha influwenza kbira fuq il-prezz ta’ l-art fis-suq ħieles.
Hi art li kieku tintuża bil-għaqal tista’ tinfluwenza l-għadd ta’ art, djar u appartamenti għall-użu ta’ koppji żgħażagħ u oħrajn li jridu jixtru darhom u llum ma jifilħux iħallsu l-prezzijiet kbar li hemm fis-suq. Il-Knisja tista’ tipproponi soluzzjonijiet hi stess f’qasam fejn hi għandha impatt kbir.
Il-punt li għamilt jien fuq din il-kwistjoni hu li Ganni u Peppu jistgħu jikkummentaw biss u jgħidu x’għarukaża iżda l-Knisja, li dwar is-suq tal-proprjetà taf ħafna u li għandha d-diretturi tagħha fl-Uffiċċju Konġunt, għandha tagħmel aktar milli sempliċiment tgerger. Il-mistoqsija tiegħi, u li sal-lum għadha ma tweġbitx minkejja li ntqal ħafna, hi sempliċi: xi proposta għamlet il-Knisja fuq il-Kumitat ta’ l-Uffiċċju Konġunt biex ikun assigurat li l-art tal-Konġunt tfittex tkun reġistrata?
Ma nafux kemm hemm art amministrata mill-Uffiċċju Konġunt li hi fabbrikabbli u kemm minnha tista’ titpoġġa fuq is-suq u jekk titpoġġa fuq is-suq għandhiex titpoġġa mhux bi prezz kummerċjali kif qed isir illum iżda bi prezz soċjali. Meta nikteb “titpoġġa fuq is-suq” mhux biex jinfaqa’ s-suq u jaqgħu l-prezzijiet kif issuġġerixxa xi ħadd.
L-Uffiċċju Konġunt hu wieħed mill-akbar proprjetarji ta’ art f’Malta. Wara t-tibdiliet riċenti fil-konfini ta’ l-iżvilupp illum aktar art li taqa’ taħt dan l-uffiċċju saret fabbrikabbli u tista’ tintuża b’mod intelliġenti biex tikkalma l-ġirja sfrenata ta’ prezzijiet għoljin fis-suq tal-proprjetà u biex jinbnew aktar djar li jistgħu jintlaħqu mill-bwiet tal-Maltin li ma jifilħux għall-prezzijiet tas-suq ħieles. Intenni l-kliem, “tikkalma r-rata li biha jogħlew il-prezzijiet”, għax ħadd ma jrid jara waqa’ fis-suq – la l-proprjetarji, la l-banek u la ħadd – għax ikollna riċessjoni.
Iżda sfortunatament, għal raġunijiet li ħadd barra l-Uffiċċju Konġunt ma jafhom, dan l-Uffiċċju għadu lanqas biss irreġistra l-proprjetà kollha li taqa’ taħtu. Barraminnhekk ftit li xejn nafu b’xi skemi ġodda li qed iwettaq jew għandu maħsuba biex il-volum kbir ta’ proprjetà li għandu tintuża biex tittaffa l-problema kbira ta’ l-għoli tal-proprjetà. Il-prezzijiet jogħlew l-aktar minħabba l-iskarsezza ta’ art tajba għall-bini. Min jixtri l-art bl-għoli ma jistax ibigħ bl-irħis. In-nefqa tal-bini mhux tant għolja u żviluppatur ma jagħmilx aktar minn 25 fil-mija profitt. Għalhekk il-problema hi l-prezz ta’ l-art.
Jien ilni s-snin biex f’kull opportunità li kelli nagħmel proposti kif din il-proprjetà tista’ tintuża skond il-kriterji miftiehma bejn il-Gvern u l-Knisja. Fil-BICC u f’seminars dwar is-suq tal-proprjetà ipproponejt li din l-art tintuża biex il-privat jibni djar u appartamenti moderni fuqha li jkunu jistgħu jinbiegħu bi prezzijiet baxxi. Dan għaliex meta mill-prezz tal-bini jitneħħa l-prezz ta’ l-art fuq l-ispejjeż tal-kostruzzjoni biss, il-prezz tal-bini lest ma jkunx għoli.
Jistgħu jinbnew comprehensive estates moderni li joffru bini modern u ambjent sabiħ, b’kollox mibni u bi flus il-privat bla ma l-Gvern joħroġ xejn ħlief l-art. Jien nemmen li jekk l-art ta’ l-Uffiċċju Konġunt tgħaddi għand il-privat bi prezz nominali, u mhux kif qed isir issa bil-prezz tas-suq u tkun trasferita b’kundizzjonijiet ċari li tintuża biss għal bini residenzjali u mhux għal spekulazzjoni, fuq is-suq joħroġ biżżejjed bini bi prezz baxx biex il-Maltin, speċjalment il-koppji ġodda, isibu proprjetà bi prezz ġust.
S’intendi hawn min jgħid: jekk l-Uffiċċju Konġunt jista’ jaqla’ fuq il-proprjetà li taqa’ taħtu, għax għandu jbigħ bl-irħis?
Hawn hu l-punt: il-Knisja u l-Gvern x’iridu, ikomplu, jgħollu l-prezzijiet u jsallbu aktar nies, jew jgħinu biex tinstab soluzzjoni? Għax faċli titkellem meta tista’ tagħmel ġustizzja iżda tħares biss lejn il-profitt issir qisek negozjant kwalunkwè.
Il-Kumitat Djoċesan qal li l-profitti li jagħmel l-Uffiċċju Konġunt minn fuq l-art li jitfa’ fis-suq bi prezzijiet kummerċjali jmorru fil-Fond ta’ l-Iskejjel tal-Knisja. Imma meta l-art ta’ l-Uffiċċju Konġunt tinbiegħ bi prezz kummerċjali, x’vantaġġ ikunu ħadu l-koppji żgħażagħ u dawk kollha li jridu jixtru jew jikru bi prezz ġust?
Hekk staqsa b’mod sinċier Dun Anġ Seychell din il-gimgħa.
Il-proposta tiegħi tkopri wkoll it-trasferimenti li jsiru wara l-ewwel bejgħ, f’każ ta’ bejgħ minn min ikun xtara l-ewwel darba. La l-art tingħata bl-irħis il-vantaġġ għandu jibqa’ jitgawda anki meta terġa’ tinbiegħ.
Għalhekk il-ħtieġa li din l-art tinbiegħ b’kundizzjonijiet li jiżguraw li din ma tintuża qatt għall-ispekulazzjoni fuq il-valur ta’ l-art. Din il-kundizzjoni qatt ma saret fuq bejgħ ta’ proprjetà, la tal-Gvern u lanqas tal-Knisja. Fil-fatt ħafna art li qed tkun spekulata llum bi prezzijiet esaġerati hi art li jew kienet tal-Gvern jew tal-Knisja.
F’ekonomija mibnija fuq is-suq ħieles il-Gvern m’għandux jintervjeni bil-kontrolli imma jista’ biss jimmanuvra bil-proprjetà tiegħu u ta’ l-Uffiċċju Konġunt u bi programm intelliġenti ta’ għajnuniet fiskali li jippremjaw il-prattiċi tajbin .
Meta nisma’ nies bħal Stefan Buontempo tal-MLP jissuġġerixxi sussidji, jew bħal ta’ l-Alternattiva jissuġġerixxu taxxi ġodda, ninkwieta għax ninduna kemm għad għandna nies li l-ekonomija moderna ma jifmuhiex.
Il-GRTU ipproponiet u stinkat biex iddaħħal fl-aħħar baġit skemi li jqajmu s-suq tal-kiri tal-proprjetà jew tal-bejgħ tal-proprjetà b’ċens biex min ma jiflaħx iħallas il-prezz tax-xiri jkun jista’ jew jikri jew jixtri b’ċens.
Il-proposta tal-GRTU hi li l-Gvern ifittex joħloq rata ta’ taxxa vantaġġjuża. Il-GRTU ssuġġeriet taxxa f’ras il-għajn ta’ 5%, kemm fuq dħul minn kera kif ukoll minn ċens. B’hekk is-sidien ta’ l-art ikunu mħajra jibnu u jpoġġu fuq is-suq bini għall-kiri jew għal bejgħ b’ċens jew taħlita ta’ parti cens u parti bejgħ.
Il-GRTU issuġġeriet ukoll li min jixtri jkun ukoll ivvantaġġjat bit-taxxa biex dak li jħallas f’kera jew f’ċens ma jbatihx f’taxxa qawwija fuq il-ħlasijiet li jagħmel.
B’dawn l-iskemi s-sidien tal-proprjetà u żviluppaturi jkunu mħajra jżommu flushom fl-investiment ta’ djar u appartamenti għax anki jekk flushom ma jdaħħluhomx lura mill-ewwel bħalma jsir f’każ ta’ bejgħ, ir-ritorn ta’ flushom maqbuda fil-proprjetà li tinbiegħ b’ċens jew tinkera jkun xieraq b’paragun mar-ritorn fuq investimenti f’kontijiet bankarji jew investimenti oħra fejn it-taxxa hi iebsa ħafna aktar minn 5%.
Il-Gvern ukoll ikollu aktar kirjiet u ċnus dikjarati għall-fini tat-taxxa għax illum kważi ħadd ma jiddikjara dan it-tip ta’ dħul.
Xogħol il-Gvern illum hu li b’miżuri intelliġenti jilħaq għanijiet miftiehma bla ma nitħarbtu mit-triq li qbadna ta’ ekonomija libera.
Il-kwistjoni tal-prezzijiet tal-proprjetà tista’ titranġa. Mhux bil-priedki imma b’miżuri f’waqthom u mhux bil-kontroll.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt