Ftit tal-jiem ilu fil-Parlament Indjan nqala’ kjass sħiħ. Waqt intervent ta’ Parlamentari mara tant inħoloq storbju li l-ispeaker tal-kamra kellu jissospendi s-seduta.
Din il-parlamentari staqsiet għaliex kulħadd kien qiegħed ikarkar saqajh biex tgħaddi liġi li tiffavorixxi lit-33 fil-mija tal-Membri Parlamentari eletti jkunu nisa.
Hi storja antika ħafna, li kulmeta kien hemm xi proposta radikali biex tavvanza d-drittijiet tan-nisa, dejjem sabet xi ftit reżistenza. Meta fl-1947 il-Partit Laburista ta lin-nisa d-dritt tal-vot, il-Partit Nazzjonalista kien qal li dawn tajbin biss għall-kċina u b’din il-liġi konna se nlibbsu lill-mara l-qalziet twil. Dan mhux f’Malta biss ġara, iżda f’ħafna pajjiżi oħrajn.
Wieħed irid jiftakar li f’dinja tal-politika maħkuma u dominata mill-irġiel, in-nisa mhux faċli jakkwistaw l-ugwaljanza soċjali u politika tagħhom. Iridu mir-raġel biex jieħdu d-dritt u sa ċertu punt, meta r-raġel jagħti dan id-dritt, ikun qiegħed jiżra’ l-kompetizzjoni sesswali. Ir-raġel bħal donnu jaf li l-mara tagħmel biċċa xogħol aħjar mir-raġel. Il-ftit Prim Ministri nisa li kellha d-dinja, relattivament is-suċċess tal-mara, kien ħafna akbar minn tar-raġel – ismijiet bhal Indira Gandhi, Margaret Thatcher u Golda Meir nibqgħu niftakruhom mhux wisq għax kienu Prim Ministri nisa, iżda għax qallbu ta’ taħt fuq id-dinja li sabu.
Iżda d-dinja qiegħda tinbidel b’rata mgħaġġla u l-mara qiegħda ta’ kuljum issib ruħha fid-dinja tax-xogħol fuq kull livell u kullimkien. Iżda jibqa’ l-fatt li f’sens ġenerali, madwar id-dinja kollha, l-istrutturi ta’ l-istat huma kontrollati mir-raġel u għalhekk għad għandna sistemi patrijarkali li jeskludu l-parteċipazzjoni tal-mara f’livelli ta’ deċiżjoni. Il-Ġnus Magħquda ilha snin tinsisti dwar riformi biex jagħtu ċans lill-mara. Imma mhux il-pajjiżi kollha lesti jagħtuha dan iċ-ċans.
F’dinja ta’ l-irġiel il-mara qisha tarbija li telqet tiġri. Bħal tarbija trid tagħtiha ċerti vantaġġi li mingħajrhom ma tikbirx. Ir-riserva ta’ kwota favur il-mara naqbel magħha u għandna nikkunsidrawha f’kull livell tas-soċjetà.
Kulfejn daħlet din id-diskriminazzjoni pożittiva n-nisa dejjem imxew ’il quddiem. F’pajjiżi li għadhom lura bħall-Irwanda, li fl-1994 kellu ġenoċidju ta’ kważi miljun ruħ ħafna minnhom nisa u tfal, daħħlu l-kwota parlamentari u llum 49 fil-mija tal-Membri Parlamentari huma nisa.
F’Malta, fejn hawn aktar nisa milli rġiel, għandna ħames nisa biss u milli jidher flok morna ’l quddiem morna lura, għax fl-imgħoddi l-preżenza tagħhom kienet aktar sinjifikanti.
Ftit qegħdin nirrealizzaw li f’soċjetà maskili bħal Malta, il-kwota favur il-mara hi neċessarja. Il-Partit Laburista Malti hu wieħed fost is-76 partit soċjalista li daħħal din il-kwota biex hemm eżatt 20 fil-mija. Il-Partit Nazzjonalista ftit taż-żmien ilu mexa fuq dan l-eżempju iżda għad hemm ħafna x’nagħmlu.
Pajjiżi li għandhom tradizzjoni liberali u emanċipatorja ilhom żmien li ħasbu għal dan tant li bdew anke jinsistu għall-preżenza tal-mara fi strutturi privati wkoll. In-Norveġja se tkun l-ewwel pajjiż li daħħlet kwota ta’ 40 fil-mija favur il-mara b’liġi safejn jirrigwarda l-ħatra ta’ diretturi mhux biss f’kumpaniji tal-Gvern iżda anke f’kumpaniji privati. Nista’ naħseb xi tkun ir-reazzjoni ta’ l-FOI, FOM u l-GRTU kieku nagħmlu proposta bħal din f’Malta?
Ladarba l-partiti daħħlu l-kwota favur il-mara fl-istrutturi tal-partit issa għandhom isibu l-kuraġġ jipproponuha anke fuq livell ta’ elezzjoni li f’ċerti oqsma, partikolarment dak politiku, il-mara għandha bżonn palata.
Ir-raġuni hi li parti trid mir-raġel biex tingħata d-dritt u parti għadha timida biex tersaq ’il quddiem. F’ċerti oqsma oħra, bħal per eżempju studji universitarji u akkademiċi, din il-kwota ma kienx hemm bżonnha, għax illum il-preżenza tal-mara fil-kampus u anke istituzzjonijiet bħall-Qrati, hi wahda sinjifikanti jekk mhux ukoll li fi ftit snin tissupera lir-raġel.
F’pajjiż bħall-Indja, fejn fis-soċjetà tradizzjonali l-mara tiekol wara li tkun l-ewwel temgħet lill-baqra, wasal biex ikollhom il-kwota parlamentari favur in-nisa. Fl-Irwanda, li jinsab warajna fl-oqsma kollha, qabżuna wkoll f’dan l-aspett. Aħna li llum f’għaqda politika Ewropea fost l-aktar avvanzati fid-drittjiet tan-nisa, din il-kwistjoni ma jidhirx li qiegħda fuq l-aġenda tad-diskussjoni nazzjonali u dan meta kollox jindika li hemm bżonn kwota ta’ din ix-xorta fl-istituzzjonijiet kollha fil-pajjiż.
Intemm billi nagħmel riserva. Ma naqbilx li din il-kwota għandha tibqa’ għal dejjem, jew kif kien hemm min ippropona, li ssir xi dritt fundamentali fil-kostituzzjoni. Din għandha tkun miżura temporanja fit-tul.
Din il-kwota għandha tkun biċċa għodda mhux biex għal dejjem tkun xi xorta ta’ diskriminazzjoni pożittiva favur il-mara, iżda biex biha ngħinu u nassistu għal bidla kulturali fil-kultura tagħna. Meta din il-bidla sseħħ ikun ifisser li t-tarbija kibret, telqet timxi u taf tfendi għal rasha. Allura ma jkunx hemm aktar ħtieġa għal din il-kwota.
Peppi
Għamilt żmien naħseb li aħjar jekk ikun hemm diskriminazzjoni pożittiva favur in-nisa biex b’hekk jintegraw ruħhom f pożizzjonijiet li tradizzjonalment kienu dejjem merfugħa għall-irġiel. Biddilt il-ħsieb u llum assolutament ma naqbilx.
Ma naqbilx primarjament għax nifhem meta jingħad minn xi wħud min-nisa li dan hu insult. Li bħal donnu ċedejna li nbiddlu l-kultura biex insibu mezz maġiku kif in-nisa jispiċċaw fil-karigi li bid-dritt dejjem kellhom sehem għalihom. Mhux għax huma nisa, iżda għax huma persuni. Mhux l-istess, imma ndaqs ma’ l-irgiel.
Inpoġġi lili nnifsi fis-sitwazzjoni. Jagħżluni f’kumitat mhux għax riedu jagħżluni iżda għax hemm klawsola li tgħid li la jiena raġel għandu jkolli post garantit. Kif inħossni kieku? Inħossni qiegħed hemm mhux għax kapaċi, mhux għax riduni, iżda għax hekk kellhom jagħmlu. Mhux daqstant għax jiena Peppi iżda għax jiena raġel. Insult li taqbeż li jiena Peppi u tagħti importanza li jiena raġel.
Mhux biss kif inħossni jiena iżda anke kif iħossuhom dawk li nkun fosthom. Jekk jiena, għax raġel, intgħażilt bħala manager, kif se jħarsu lejha dawk fit-tim li se jaħdmu miegħi?
Jarawni bħalma jħarsu lejn xi bażuzlu ta’ xi Ministru li jkun intgħażel mhux għall- kapaċitajiet tiegħu jew tagħha iżda għax hu bażuzlu. U jittrattawni ta’ bażuzlu. Żgur tkun diffiċli biex naħdem, biex nikseb il-fiduċja li persuni f’karigi bħal dawn għandu bżonn ikollhom.
Hi kwistjoni ta’ mentalità. Hi kwistjoni ta’ kultura li trid tinbidel. Ma nistgħux nibqgħu naħsbu fin-nisa qishom huma mwielda biex irabbu lit-tfal. Iżda kif tgħid li l-omm tista’ toħroġ taħdem u r-raġel jibqa’ jrabbi lit-tarbija, qisek għidt xi ereżija.
Din naraha diskriminazzjoni l-aktar kontra l-irġiel li qed ikunu misruqa mid-dritt li flimkien mas-sieħba tagħhom jagħżlu min jibqa’ d-dar l-iktar biex irabbi. Naf li hawn min jgħid… irabbuhom flimkien. Ovvja. Iżda għaliex l-għażla li xi ħadd jibqa’ d-dar iktar mill-parti l-oħra bħal donnha dejjem taqa’ fuq il-mara?
Meta ngħidu li l-mara maħluqa biex tgħaddi l-ewwel snin mat-tarbija iktar mir-raġel inkunu diġà qed nagħtu lok biex il-mara ma tkunx tista’ taċċetta li jkollha ċerti karigi impenjattivi. Din hi l-mentalità bażwija li vvintajna aħna li trid tinbidel. Il-mara u r-raġel jistgħu jrabbu lit-tfal bl-istess imħabba, anke jekk bi stili differenti kif wara kollox hemm diversi stili ta’ ommijiet u missirijiet differenti.
Flok diskriminazzjoni pożittiva ejja naħsbu li nneħħu dik negattiva. Ejja naħsbu biex ikollna aktar ħinijiet tax-xogħol addatati kemm għal mara u kemm għar-raġel li jagħżlu li jrabbu. Ejja naraw li jkun hawn ċentri fejn wieħed jew waħda jkunu jistgħu jħallu lil uliedhom. Ċentri professjonali li aktarx jagħmlu ġid anke lill-istess tfal. Għax għandhom it-tfal jibqgħu kkakkmati mal-ġenituri jew ma’ dawk li jieħdu ħsiebhom?
Hi kwistjoni ta’ mentalità li trid tibda tinbidel mill-iskola. Mill-kotba u l-istejjer li jaqraw it-tfal meta jkunu żgħar u li jagħtu stampi ta’ familja b’omm postha aktar fil-caring professions u lil missier f’karigi tat-tmun.
Fl-edukazzjoni għadna nisħqu fuq il-ħtieġa li niċċelelebraw id-differenza bejn il-mara u r-raġel izda naċċertaw ruħna li din ma tkunx tfisser li m’aħniex indaqs.
Naħseb li trid tinbet il-kultura li qabel ma aħna Maltin, qabel ma aħna rġiel jew nisa, qabel ma aħna Kattoliċi jew Musulmani, aħna persuni. Minn hemm irid jitlaq kollox.
Anke li tiddiskuti jekk il-mara għandhiex ikollha ċerti karigi nħossu insult. Jew jekk il-mara għandhiex tkun daqs ir-raġel jew jekk ir-raġel għandux ikun daqs il-mara. Għalhekk fuq din se nieqaf hawn għax ma niflaħx imqar inġib argument wieħed. Id-diskussjoni hi perikoluża għax tagħti lok li xi ħadd jaħseb li jista’ ma jkunx il-każ.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt