21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
Venda b’sogru fil-Mosta

Franica Pulis

Claire Vella, studenta ta’ 20 sena minn Ħal Għaxaq, nhar l-10 ta’ Jannar qabdet karozza tal-linja għall-Mosta għax kellha bżonn tiċċara xi affarijiet ma’ tal-kulleġġ li tattendi dwar titjira li kienet se tagħmel f’qasir żmien.
Dakinhar inzertat qabdet karozza b’numru differenti li xorta wasslitha l-Mosta imma waqqfitha fil-venda ta’ Triq l-Isperanza, venda f’nofs ta’ triq li suppost tintuża biss biex trikkeb il-passiġġieri.
Kif niżlet minn tal-linja sabet ma’ wiċċha vann li ma waqqafx fil-ħin. “Kif inżilt minn tal-linja x-xufier tal-vann tajjarni. Kont fortunata għax seta’ anki qatilni dak il-ħin.”
Eżatt kif laqatha l-vittma ntilfet minn sensiha għal ftit sekondi. Kif ġiet f’tagħha bdiet tħoss uġigħ kbir fi spallitha.
Claire ittieħdet mill-ewwel l-isptar f’ambulanza fejn kienet ċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi. Fil-fatt Claire għandha ksur fi spallitha x-xellugija, l-istess driegħ li tuża biex tagħmel id-disinni għall-istudji tagħha.
Safrattant il-Pulizija kitbet lill-Kunsill Lokali tal-Mosta biex jaraw x’passi jistgħu jittieħdu biex jitnaqqas il-periklu għall-passiġġiera.
F’kumment lil din il-gazzetta l-vittma ħasset li ġietha tajba li ma korrietx aktar gravi milli hi issa. Iżda jinħass sew is-sens ta’ rabja għas-sitwazzjoni li biddlitilha ħajjitha mil-lejl għan-nhar.
“Ħlejt sena. Din kienet l-aħħar sena tiegħi biex nieħu d-diploma. Issa ħa jkolli nkompliha s-sena d-dieħla għax l-MCAST taħdem b’sistema ta’ moduli li trid bilfors tattendi għalihom kif ukoll iddaħħal fiż-żmien il-proġetti manwali li jien ma nista’ nagħmel l-ebda bħalissa. Biex tgħaxxaq ċertu suġġetti ma kontx bdejthom peress li kont sejra barra. Tlift scholarship u tlift diploma!” qalet Claire b’ton imweġġa’.
Claire kien baqgħalha biss ftit jiem biex titla’ tistudja barra fl-Università ta’ York. Kienet intagħżlet mill-kulleġġ tagħha stess biex tagħmel dan l-ischolarship bis-saħħa tal-programm Socrates Erasmus.
Tort ta’ l-inċident issa se jkollha tibqa’ hawn u lanqas biss tista’ tleħħaq ma’ sħabha peress li idha x-xellugija ma tistax tużaha biex tpinġi u anki tbati jekk tirkeb tal-linja biex tmur l-iskola minħabba l-iskossi.
Kellimna lis-Sindku tal-Mosta, Joseph Demartino, dwar din il-venda perikoluża li ilha hemm għal dawn l-aħħar seba’ snin.
Skond Demartino fil-bidu l-kunsill ried jagħmel il-venda fi triq oħra għax ir-residenti gergru li ma ridux nies jistennew quddiemhom mill-ħamsa ta’ filgħodu.
Imma l-Assoċċjazzjoni tax-Xufiera tal-Linja ma qablitx li ssir band’oħra għax il-membri tagħha ma kellhomx is-servizzi neċessarji tagħhom fil-post issuġġeriet. Ippruvaw jagħmlu l-venda fuq in-naħa l-oħra tat-triq, post li żgur hu inqas ta’ periklu minn fejn qiegħed, imma kif qal is-sindku “ħadd ma jieħu gost b’xarabank għoli sular quddiem darhu”.
Demartino jsostni li dan hu l-ewwel inċident li sar hemmhekk.
Wara r-rapport li sar lill-Kunsill tal-Mosta mill-Pulizija dwar il-venda s-sindku ssuġġerixxa li ssir sleeping policeman biex il-karozzi jnaqqsu mill-veloċità li jkunu ġejjin biha huma u sejrin lejn Triq il-Kostituzzjoni.
Forsi b’daqsxejn ħsieb minn qabel seta’ jiġi evitat dan l-inċident gravi u t-tbatija li se jkollha tgħaddi minnha Claire.

fpulis@mediatoday.com.mt

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt