21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
L-iskjavi u l-papiet

Fiż-żjara li għamel il-Prim Ministru fil-Vatikan din il-ġimgħa tella’ miegħu bħala rigal minjatura tal-pittura tal-Caravaggio li turi l-qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann il-Battista.
Minn naħa l-oħra l-Papa Benedittu XVI ta lil Lawrence Gonzi pinna, minjatura ta’ waħda mill-erba’ kolonni li jżommu l-baldakkin fuq l-altar tal-Basilica ta’ San Pietru.
Forsi ftit huma dawk li jafu li mijiet ta’ snin ilu l-Papa Klement VIII ta lil Malta rigal partikolari ħafna li fil-ħajja moderna tal-lum żgur jitqies bħala skandaluż għall-Kristjaneżmu.
L-istoriku ta’ l-Ordni ta’ Malta, Bartolomeo Dal Pozzo, kiteb li fl-1595 dan il-Papa ta lil Malta 100 skjav. L-iskjavi kellhom jintużaw abbord il-flotta ta’ l-Ordni. Madankollu għal xi raġuni dawn l-iskjavi qatt ma waslu f’Malta.
Hemm dokumentat li Malta tliet snin wara rreċiprokat b’rigal ieħor meqjus bħala xejn aċċettabbli għaż-żminijiet tal-lum. Jingħad li fl-1598 Malta tat lil Papa Klement VIII 100 arma li kellhom jintużaw mill-armata tal-Papa fil-gwerra ta’ l-Ungerija.
Dawn ir-rigali huma dokumentati fil-ktieb Historia della Sacra Religione Militare ta’ Bartolomeo Dal Pozzo u l-ktieb Arms and Armour of the Medieval Knight minn David Edge u John Miles Paddock.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt