“Ċempilt lil Joseph Ratzinger fl-20 ta’ April ta’ l-1976. In-numru tat-telefon tiegħu fid-dar f’Regensburg fil-Ġermanja kien 094191421.”
Huwa l-mod kif Dr Heinz-Joachim Fischer, espert fil-filosofija u t-teoloġija, jibda biex jiddeskrivi lil Joseph Ratzinger. Fischer hu wkoll ġurnalist li ilu jaf personalment lill-Papa attwali għal dawn l-aħħar 31 sena. Korrispondent mill-Vatikan għal gazzetta Ġermaniża Heinz-Joachim jaqsam magħna ħsus u ġrajjiet partikolari li għadda ma’ Ratzinger.
Jgħid li l-ewwel darba li ltaqa’ mal-qassis l-impressjoni li tah kienet li “Ratzinger jista’ jagħmel użu aħjar mill-ħin li kieku mhux qed ikun intervistat.”
Minn naħa l-oħra l-kuntatti bejn il-ġurnalist u Joseph Ratzinger issuktaw. Heinz-Joachim jitkellem dwar ikliet li Ratzinger kien ikollu fl-appartament tal-ġurnalist.
“Qatt ma kien jiġi b’idu vojta. Kien jurik li qed jieħu gost li ġie mistieden.”
Darb’oħra Joseph Ratzinger tah żewġ fliexken ta’ port rari ħafna li l-qassis kien qala’ rigal. “Wieħed ftaħtu diġà. Insejt meta. Forsi f’Novembu ta’ l-2002 meta Ratzinger laħaq Dean tal-Kulleġġ tal-Kardinali? Il-flixkun l-ieħor għadu d-dar tiegħi miksi fit-trab. Għadni ma nafx meta se niftħu.”
Dr. Fischer, li kemm-il darba ġie Malta fuq xogħol, jikkonfermali l-istess ħsus li ħassejt meta ltqajt mall-Papa ftit sigħat qabel. Jiddeskrivi lil Ratzinger bħala “bniedem mistħi ħafna, l-aktar ma’ nies li ma jafx personalment, kważi kważi b’rispett lejn l-istess persuna li għandu quddiemu Ratzinger dejjem jibqa’ ftit lura. Aktar iħossu komdu wara xi skrivanija jikteb u jħarbex dawk il-ħsibijiet profondi tiegħu.”
Fischer għadu f’kuntatt personali mal-Papa? B’Taljan imżewwaq b’aċċent Ġermaniż il-ġurnalist jistqarr “Nikkonferma li r-relazzjoni ta’ bejnietna għadha hemm u għadha speċjali ħafna. Inħossni marbut b’sigriet professjonali li fuq dawn il-kuntatti issa ma niżvela xejn aktar.”
Il-professur Dr Heinz-Joachim Fischer hu l-awtur ta’ bosta kotba fosthom ‘Pope Benedict XVI - A personal Portrait’
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt