21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
15-il sekonda mal-Papa

B’ħarsti merfugħha ’l fuq fil-Loggia di Raffaelo fil-Vatikan għajnejja bla ma jridu jistrieħu fuq affreski mill-isbaħ. Ix-xogħol ta’ Pomarancio jsaħħrek.
L-ilwien tant huma mżewġa tajjeb flimkien li l-ebda kulur ma jiddomina lill-ieħor. Id-deheb, l-aħmar, l-aħdar u l-blu jagħmlu l-affreski għaġna sinjura ta’ kuluri li bħal donnhom iserrħulek il-vista ta’ għajnejk.
Nintebaħ li bqajt nimxi b’rasi mwaħħla ’l fuq sakemm is-soru mill-Ufficio Stampa tal-Vatikan li qed tikkumpanja lil uħud mill-ġurnalisti Maltin tispjegali x’se jiġri minn issa ’l quddiem. L-irħam ta’ l-art bħal donnu mera, tant hu mogħruk tajjeb li nista’ nara fih id-dettalji tal-baskett iswed żgħir li qed inġorr… mera fil-veru sens tal-kelma.
B’dawn l-istampi f’moħħi qajla kont qed nistenna li fi ftit minuti oħra se nispiċċa wiċċ imb’wiċċ mall-Papa Benedittu XVI. Wisq anqas kont qed nobsor li anki jekk għal ftit ħin kont se nitkellem personalment miegħu.
Għax ftit sigħat qabel il-Vatikan aċċetta li għal-laqgħa tal-Prim Ministru Malti mal-Papa jidħlu jirrappurtaw biss erba’ ġurnalisti Maltin. Nistqarr li bħala ġurnalista dan il-ġest ġabli togħma morra meta naf li barra l-Vatikan baqgħu jistennew fil-kesħa erba’ ġurnalisti sħabi. Dan hu wieħed mill-ħafna burokraziji żejda li rajt fil-Vatikan. L-entourage Malti kellu jtella’ l-ismijiet tal-ġurnalisti bil-polza.
Idejja f’id il-Papa Benedittu XVI inħossni bħal farka żgħira. Temmen jew ma temminx fir-reliġjon, f’dawk il-ftit sekondi mal-Papa tinża’ minn kull tip ta’ emozzjoni ta’ din ix-xorta.
X’ħin ninżel f’nofs inkin quddiemu xuftejja jmissu t-tarf tas-swaba’ ta’ idu l-leminija. F’dak il-kwiet ilsienek jeħillek u t-tfaqqiegħ tal-kameras tar-ritratti bħal donnu jgerrixlek aktar il-konċentrazzjoni. Għal ftit sekondi biss għajnejh jiltaqgħu ma’ tiegħi. Donnu l-ħarsa li jtik hi bis-serqa. Xagħru qotni jispikka aktar milli minn fuq kull stampa jew filmat li rajt qabel.
F’dawk il-ftit sekondi Joseph Ratziner tani sensazzjoni li hu bniedem mingħajr emozzjonijiet. Forsi hi l-mistħija tiegħu, naħseb bejni u bejn ruħi. Xi ħaġa li aktar tard jikkonfermahieli ħabib intimu tiegħu f’intervista esklussiva ma’ Illum. Dak il-ħin l-uniku sentenza li rnexxieli ngħid lil Papa kien li jisimni Julia u li naħdem mal-Mediatoday. Ilsieni jerġa’ jeħel u waqfa ta’ żewġ sekondi nħossha eternità. Din id-darba kulma joħroġ minn fommi hi sentenza oħra qasira “għandi xewqa li tbierek iż-żewġ familji tiegħi.”
Fi kważi ġest robotiku li jfakkarni f’politiku ewlieni Malti, il-Papa jgħidli: “God bless you. God will bless you all.” U minn hawn, kif jgħid il‑Malti, barra bid-daqq.
Niddeċiedi li lil moħħi nikkundizzjonah biex minn issa ’l quddiem inħares lejn dak il-Joseph Ratzinger li naf mill-kotba li kiteb hu stess. F’Milestones Memoirs 1927-1977 rajt bniedem bħal kull wieħed u waħda minna. Bħal meta Ratzinger jitkellem dwar kif ħassu meta it-teżi tiegħu ma kenitx aċċettata: “qisha laqtitni sajjetta, id-dinja ħassejtha se ċċedi fuqi.” Bl-istess mod nippreferi ’l dak il-Joseph b’emozzjonijiet tad-demm u l-laħam meta tilef lil missieru: “Ħassejt id-dinja aktar vojta. Parti mid-dar tiegħi kienet trasferita lejn id-dinja l-oħra.”

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt