21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
Karozza miftuħa, skorta u laqgħat mal-poplu

Karl Stagno-Navarra

L-inawgurazzjoni ta’ l-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta Monsinjur Paul Cremona nhar il-Ħamis li ġej se tkun okkażjoni popolari li fiha l-poplu se jkun qed jipparteċipa u jakkumpanja lill-istess Isqof elett lejn iċ-ċerimonja solenni fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann.
Skortat minn muturi tal-Pulizija, l-Isqof Paul Cremona se jkun riekeb f’karozza miftuħa u se jasal il-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann fil-Belt b’rotta li se tibda mill-knisja parrokkjali tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema.
Il-Pulizija se tkun qed torganizza t-traffiku tul ir-rotta kollha li se tara lill-Isqof Cremona għaddej mix-xatt f’Tas-Sliema, il-Gżira, Ta’ Xbiex, l-Imsida, il-Furjana u l-Belt.
Ir-rotta stabbilita mill-pulizija malli l-korteo ta’ karozzi jasal fil-Floriana hi li l-Isqof Cremona jiddawwar lejn in-niżla tal-lukanda Phoenicia, jgħaddi minn Marsamxett u jasal lejn Dar il-Mediterran minn fejn jidħol għal Triq il-Merkanti minn fejn se jitla’ sal-knisja parrokkjali ta’ San Duminku.
Hemmhekk l-Isqof se jinżel mill-karozza u jidħol fil-knisja fejn bħala membru ta’ l-Ordni Dumnikan jattendi għal funzjoni qasira.
Malli tintemm din il-funzjoni, l-Isqof Cremona jerġa’ jirkeb il-karozza miftuħa u din id-darba skortat mill-kavallerija tal-Pulizija se jitwassal sal-Kon Kattidral ta’ San Ġwann għall-quddiesa ta’ konsagrazzjoni.
Fi tmiem il-funzjoni l-Isqof Cremona se joħroġ mill-Kon-Kattidral u jiltaqa’ mal-folla u jbierek lill-fidili f’Misraħ San Ġwann.
L-għada l-Ġimgħa l-Isqof Cremona se jkollu okkażjoni oħra biex jiltaqa’ man-nies f’diversi lokalitajiet.
Dakinhar l-Isqof se jmexxi ċelebrazzjoni ewkaristika fil-Kattidral ta’ l-Imdina u biex jasal hemm se jerġa’ jkun riekeb f’karozza miftuħa u skortat minn muturi tal-Pulizija minn Tas-Sliema sa l-Imdina.
Tul ir-rotta l-Isqof Cremona se jieqaf għal ftit minuti biex jiltaqa’ man-nies ħdejn il-pont ta’ Manoel Island, fin-naħa t’isfel tat-Triq li tagħti lejn il-knisja ta’ Ta’ Xbiex, quddiem il-knisja ta’ l-Imsida, jitla’ t-telgħa ta’ l-Isptar San Luqa, jieqaf quddiem il-Knisja tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun, quddiem il-Knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun, quddiem il-Knisja ta’ Sta Venera, ħdejn ir-roundabout ta’ Fleur de Lys, waqfa ftit ’il fuq miċ-ċimiterju ta’ Ħ’Attard, waqfa oħra fis-Saqqajja fir-Rabat u d-dħul fl-Imdina.
F’diversi lokalitajiet qed jitlesta armar mal-każini u djar filwaqt li fil-Belt il-komunità Dumnikana qed tħejji merħba kbira lill-Isqof il-ġdid
.

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt