Kien l-istess assistent ta’ Jason Micallef, Joe Falzon, li żvela fil-laqgħa ta’ l-eżekuttiv tal-Partit Laburista li s-segretarju ġenerali ma kienx ħallas it-tessera tal-partit għall-aħħar tliet snin.
Falzon sostna li għalhekk Micallef ma setax jikkontesta għall-post ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit. Joe Falzon, li kien galoppin kbir ta’ l-eks Ministru Laburista Alex Sciberras Trigona snin ilu, illum jinsab fil-kamp ta’ Michael Falzon, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.
Il-fatt li Falzon żvela l-aħbar dwar it-tessera ta’ Micallef quddiem l-eżekuttiv eżatt meta ngħalqu n-nominazzjonijiet kien interpretat bħala tpattija lil Jason Micallef. Mhux magħruf min wassal din l-informazzjoni għand l-Istampa Nazzjonalista. Il-ħruġ ta’ din l-informazzjoni jkompli jikkonferma li d-differenzi fil-Partit Laburista għadhom jeżistu qatigħ.
Micallef kien strumentali biex Nathalie Attard, l-assistenta ta’ Michael Falzon, ma tibqax fl-eżekuttiv. Attard kienet membru ta’ l-eżekuttiv u allegatament kienet wara l-ħruġ ta’ l-informazzjoni lill-Istampa Nazzjonalista. Dawn l-akkużi qatt ma kienu ppruvati u kienu deskritti bħala ivvintati u bla bażi minn Attard.
Mistoqsi minn din il-gazzetta, Micallef sostna li jippreferi ma jikkummentax dwar il-każ. Joe Falzon, minn naħa tiegħu, qal li ma jiddiskutix affarijiet tal-partit anki meta mistoqsi jekk ħassx li mbarrazza lill-partit u lil Jason Micallef bl-aġir tiegħu.
Kien mistoqsi wkoll jekk kienx informa lil Michael Falzon dwar dak li kien se jagħmel fil-laqgħa ta’ l-eżekuttiv. Hawnhekk hu għażel li jerġa’ ma jikkummentax.
Il-bieraħ In-Nazzjon ippubblikat artiklu fuq il-paġna ta’ quddiem iffirmat minn ‘Delegat Laburista’. L-istess artiklu ntbagħat ukoll lil din il-gazzetta. Mistoqsi jekk kellux suspett min kien li ħareġ dan l-artiklu lill-Istampa Joe Falzon reġa’ tenna li hu ma jiddiskutix affarijiet interni tal-Partit.
Id-dikjarazzjoni ta’ Joe Falzon waqt l-eżekuttiv u wara li għalqu n-nominazzjoniet kienet ikkritikata internament għaliex l-azzjoni ta’ Falzon kienet biss distruttiva. “Kieku kellu daqsxejn sens kien jiġi b’nomina ġdida għal Segretarju Ġenerali. B’li għamel, u l-fatt li din l-aħbar waslet għand l-Istampa, kompliet tkabbar il-ferita bejn il-fazzjoni ta’ Alfred Sant u Michael Falzon.
“F’dan il-mument li jinteressana hu li nirbħu l-elezzjoni u mhux li nappoġġjaw lil wieħed jew lill-ieħor. U jekk inkunu kostretti nagħżlu, nagħżlu lil Alfred Sant. L-attakk fuq Jason Micallef huwa attakk fuq Dr Sant,” temm jgħid uffiċjal għoli lill-gazzetta Illum.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt