21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
Il-Papa għamel il-homework fuqi – Gonzi

Julia Farrugia

Tard wara nofsinhar, b’xena dominanti tal-koppla tal-Vatikan li kmieni filgħodu kienet mgħottija biċ-ċpar tqil, il-Prim Ministru jaċċetta li għall-gazzetta Illum jiżvela xi mumenti intimi li għaddew bejnu u l-Papa Benedittu.
Lawrence Gonzi jgħid li nħasad f’ħin minnhom meta l-Papa semmielu ż-żmien li hu għamel attiv fl-Azzjoni Kattolika.
“F’mument minnhom ħasadni u ma kontx naf kif se naqbad nirreaġixxi. Kien infurmat dwar dak iż-żmien meta kont żgħir u kont attiv fl-Azzjoni Kattolika. U l-Papa għamel il-homework u kien infurmat li kont nagħmel xogħol fil-volontarjat,” sostna Gonzi.

Bl-Istat Malti jindokra lill-Knisja Kattolika u b’politiċi li għadhom ixejru l-bandiera tar-reliġjon, m’għandhiex tkun sorpriża li l-Papa jkun infurmat sew fuq il-Prim Ministru Malti.
Jista’ jagħti l-każ fid-dinja tal-lum li Gonzi hu wieħed mill-ftit kapijiet ta’ Stat li l-Papa u l-Vatikan iħossuhom komdi miegħu.
Bid-daħka tipika tiegħu Gonzi jikkonferma wkoll li kien hu li semma lill-
pro-zijuh, l-Arċisqof Mikiel Gonzi, fid-diskursata li kellu mal-Papa.
“Iva, f’mument minnhom semmejtu jien. Irringrazzjajtu ta’ l-Isqfijiet il-ġodda u ta’ l-Arċisqof Mercieca li ħa l-Episkopat wara l-Isqof preċedenti li kien pro-ziju tiegħi.”
Fuq iż-żjara bejn Lawrence Gonzi u l-Papa ntqal ħafna f’dawn il-jiem. F’dak li għandu x’jaqsam protokoll u burokrazija din iż-żjara fil-Vatikan ma kenitx wisq differenti minn żjarat statali oħra, iżda fil-kuntest Malti, laqgħa mal-Papa dejjem tkun iktar speċjali.
Skond Gonzi l-Papa wera x-xewqa li jżur Malta iżda il-meta, dak li fl-aħħar mill-aħħar jinteressa lill-Maltin, jibqa’ suġġett ta’ l-impenji internazzjonali tal-Papa ddettati mill-protokoll u l-esiġenzi tal-Vatikan.
Iżda żgur li wieħed ma jistax ma jirrikonoxxix il-fatt li eżerċizzju bħal dan ġab miegħu wkoll mileage politiku. Għax ngħiduha kif inhi, jekk il-Papa jilqa’ l-istedina tal-Prim Ministru Malti u jaċċetta li jiġi Malta fix-xhur li ġejjin u jagħmel dan qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, allura fil-veru sens tal-kelma dik tat-18 ta’ Jannar 2007 ta’ Gonzi fil-Vatikan tibqa’ żgur meqjusa bħala żjara Papali!
Jekk dan ma jseħħx, m’għandix dubju li f’pajjiż fejn il-Knisja Kattolika għadha b’saħħitha ħafna, fil-promos politiċi ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali se naraw fin fin ritratti jew filmati ta’ din iż-żjara fil-Vatikan.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt