21 ta' Jannar 2007
Appartamenti lussużi f’Baċir numru wieħed
Karl Stagno-Navarra
Il-Gvern aċċetta l-prinċipju li fl-iżvilupp propost għall-Baċir 1 f’Bormla jistgħu jittellgħu sa 200 appartament li għandhom ikunu mifruxa fi tliet żoni tal-proġett multi-miljunarju.
Dan ikkonfermah Jesmond Mugliett, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban, f’kummenti lil din il-gazzetta fejn ħabbar ukoll li l-Gvern qed jimmira li jressaq il-proġett propost għal riżoluzzjoni fil-Parlament qabel il-btajjel tas-sajf.
F’applikazzjoni mressqa ftit tal-ġimgħat ilu quddiem il-Mepa, il-konsorzju Romegas magħmul minn imprendituri u periti Maltin u barranin, spjega li l-proġett għandu jinkludi l-iżvilupp ta’ appartamenti li jkunu mifruxa fi tliet żoni tal-proġett fil-qalba ta’ Bormla.
Ir-residenzi se jitħalltu ma’ l-istrutturi storiċi eżistenti li se jinbidlu f’vetrina għas-snajja’ tradizzjonali marbuta mat-tbaħħir flimkien ma’ attrazzjonijiet marittimi u ċentru kummerċjali.
“Bħalissa ninsabu f’fażi kruċjali ta’ taħdidiet mal-konsorzju,” spjega l-Ministru Mugliett li żvela kif għall-ewwel darba l-Gvern qed jitlob li jingħata wkoll rigal minbarra ċ-ċens għall-art li se jgħaddi f’idejn il-privat.
“Il-Gvern u l-konsorzju qed jaħdmu id f’id fuq ħafna affarijiet importanti, partikolarment dwar l-investiment involut,” qal Mugliett.
Esperti tal-Mepa huma rappurtati li huma involuti fin-negozjati li għaddejjin fi sforz li jassistu u jiggwidaw lill-partijiet lejn it-tfassil tal-proġett.
Hemm stennija kbira għall-proġett min-naħa tal-Bormliżi. Madankollu r-riġenerazzjoni taż-żona mill-privat b’appartamenti lussużi jikkuntrasta mar-realtà soċjali taż-żona.
Il-Bormliżi qed isqsu kif se jagħmlu biex ilaħħqu mal-prezzijiet għas-servizzi offruti wara li jsir il-proġett.
F’intervista ma’ din il-gazzetta f’Novembru li għadda l-Arċipriet ta’ Bormla, Dun Joe Mifsud, qal li l-Baċir jista’ joħloq attività kummerċjali u jiġġenera x-xogħol. Iżda qal ukoll li kull proġett għaż-żona jrid ikollu xejra soċjali.
“Iridu jkunu ħwienet u prezzijiet għall-bwiet tal-familja: ċentru soċjali għal min irid joħroġ ukoll bit-tfal. Nixtieq nara n-nies t’hawn jaħdmu għax hawn għandna numru kbir ta’ nies bla xogħol,” sostna l-Arċipriet ta’ Bormla.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt