21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
Se jinqata’ t-tisrip fil-by-pass ta’ Wied il-Għajn

Xogħlijiet oħra f’Birkirkara u ż-Żurrieq

Karl Stagno-Navarra

Il-by-pass ta’ Wied il-Għajn, Triq Valletta fiż-Żurrieq u parti mill-by-pass ta’ B’Kara huma tliet toroq arterjali oħra li mistennija jinqalgħu din is-sena u jinbnew mill-ġdid.
L-offerti għax-xogħol se jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin u l-Gvern qed jimmira li jkun għażel il-kuntratti sal-bidu tas-Sajf li ġej.
Ix-xogħlijiet involuti huma kbar, partikolarment fil-by-pass ta’ Wied il-Għajn, fejn l-intenzjoni tal-Gvern hi li jara t-triq tinqala’ u tinbena kompletament mill-ġdid kif ukoll li jitneħħa t-tisrip żejjed li fiha.
Il-proġett li qed ikun disinjat mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq flimkien ma’ l-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) jinkludi t-teħid ta’ għelieqi u artijiet f’ċerti partijiet bl-iskop li t-triq tkun aġġustata b’mod li tiġi dritta.
“Safejn nistgħu se nikkoreġu l-iżbalji koroħ ħafna li saru fil-bini ta’ dik it-triq li saret fl-1982,” spjega l-Ministru Jesmond Mugliett.
Xogħol intensiv ieħor mistenni jsir fi Triq Valletta fiż-Żurrieq li nbniet fuq il-ħamrija u ċediet f’ħafna partijiet minnha sforz il-piż tat-traffiku u l-inġenji l-kbar li jgħaddu minnha ta’ kuljum.
F’Birkirkara il-parti li se tinqala’ u tinbena mill-ġdid hi dik li mir-roundabout ta’ l-Iklin twassal sar-roundabout ta’ Ħal Lija.
Fil-kummenti tiegħu l-Ministru Mugliett spjega li l-kuntratturi li se jintgħażlu jkunu marbuta bi kriterji stretti fl-użu ta’ materjali u ħin biex ilestu.
70 fil-mija tal-finanzjament se jsir mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fondi Struttrali u għaldqstant se jsiru spezzjonijiet regolari mhux biss mill-ADT iżda wkoll minn spetturi ta’ l-UE.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt