21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
Xirjiet erotiċi

Franica Pulis

In-nisa huma ħafna aktar avventurużi mill-irġiel fis-sess u jibdew jesperimentaw b’ġugarelli erotiċi f’età ferm iżgħar skond l-esperjenza ta’ negozjant Malti li jimporta oġġetti u prodotti għall-adulti.
Għal dawn l-aħħar erba’ snin Ranier Zammit beda jbigħ prodotti għall-adulti permezz ta’ l-internet, negozju li daħal għalih għax kien iddejjaq fix-xogħol li kellu qabel li kien ilu jagħmel 15-il sena.
Zammit jispjega lil din il-gazzetta kif l-ewwel kuntatt mal-klijenti tiegħu jsir permezz tas-sit www.toysfourplay.com.
“Ħafna drabi niltaqa’ mal-klijenti f’post li jindikawli huma biex inwasslilhom il-prodott li jkunu ordnaw fuq l-internet,” Zammit jgħid.
Hu beda dan ix-xogħol għax ħass li f’Malta kien hemm bżonn ta’ dan il-kummerċ. Skond hu bosta Maltin meta jsiefru jfittxu li jidħlu fi ħwienet erotiċi.
“Għax għandhom jistennew li jsiefru biex iġibu dawn l-affarijiet?” jistaqsi Zammit.
Fost il-500 prodott li jirreklama fuq is-sit tiegħu għandek issib vibrators ta’ kull tip u għamla, kondoms, kostumi erotiċi, ħwejjeġ ta’ taħt u affarijiet oħra li jgħinu biex tiżżewwaq relazzjoni sesswali.
Skond Zammit il-klijenti tiegħu jiġu minn kull settur tal-ħajja inklużi ġurnalisti, avukati, għalliema, mekkaniks u nisa tad-dar. L-iktar regolari huma dawk bejn il-25 sena u l-40. In-nisa ħafna drabi jibdew jesperimentaw b’dawn l-affarijiet kif jagħlqu l-20 sena filwaqt li l-irġiel normalment jibdew meta jagħlqu t-28.
Zammit jagħmel differenza bejn l-oġġetti li jixtru xerrejja ta’ età iżgħar għal dawk ikbar. Dawk ta’ età ikbar jixtru l-aktar ħwejjeġ u ġugarelli erotiċi filwaqt li l-kondoms jinxtraw iktar miż-żgħażagħ.
Zammit jgħid li klijent ta’ età ikbar normalment ikun f’relazzjoni stabbli u għalhekk l-affarijiet li jixtri jkunu għall-partner fiss tiegħu.
“Il-kunċett li dawn il-prodotti jixtrihom the dirty old man mhux veru. Anzi jixtruhom nies li jkollhom partner fiss,” isostni Zammit.
Il-prodotti li jinxtraw min-nisa u l-irġiel ukoll huma differenti għalkemm jiddependi ħafna mill-gosti ta’ dak li jkun.
Ħafna drabi mara tixtri ħwejjeġ ta’ taħt aktar grazzjużi bħal xi baby doll filwaqt li raġel jixtri affarijiet li jistgħu jitqiesu aktar provokanti. Skond Zammit il-ħwejjeġ tal-ġilda mhumiex xi ħaġa li jolqtu lill-irġiel jew lin-nisa iżda huma iktar kwistjoni ta’ gosti tal-persuna jew tal-koppja.
Mhux il-każ li hemm xi distinzjoni kbira bejn in-numru ta’ klijenti Maltin għall-Għawdxin.
“Jekk nieħu lbieraħ, ngħidlek li għandi aktar Għawdxin imma dan mhux il-każ,” isostni Zammit.
Lill-Għawdxin normalment jibgħatilhom il-prodotti bil-posta reġistrata mgeżwrin sew biex ma jkunux jistgħu jinfetħu.
“Uħud mill-klijenti Għawdxin lanqas lill-pustier tagħhom ma jafdaw allura jippreferu jiltaqgħu miegħi,” kompla jgħid.
Spiss jiltaqa’ ma’ l-Għawdxin hawn Malta minħabba li jkunu xogħol hawnhekk. Ħafna mill-Għawdxin li jixtru mingħandu kellhom xi tip ta’ kuntatt ma’ barra fis-sens li jew ikunu għamlu xi żmien emigrati mbagħad ġew lura jew spiss jivvjaġġaw minħabba xogħolhom. Iżda dawk li qed joqorbu lejn it-30 sena saru jixtru b’mod regolari anki jekk qatt ma ċċaqilqu mill-pajjiż.
F’erba’ snin xogħol uħud min-nies li jċemplulu għadhom jistagħġbu bil-prodotti li jimporta u ġieli anki jsaqsuh humiex legali f’Malta. Jista’ jkun li hawn nies li jassoċjaw dan it-tip ta’ erotiżmu ma’ pornografija li hi llegali hawn Malta ħlief għal xi rivisti li jaqgħu taħt il-ġeneru tas-soft porn. L-idea hi żbaljata għax dawn il-prodotti jintużaw biex tinżamm ħajja intima iżjed b’saħħitha u m’għandhomx x’jaqsmu ma’ pornografija.
Iżda Zammit jara differenza bejn klijent li kien iċempillu għall-ewwel darba meta beda n-negozju u ieħor li jċempillu għall-ewwel darba issa. “Hemm inqas mistħija minn qabel u anki tara differenza meta xi ħadd iċempillek għat-tieni darba.”
Għal Zammit il-privatezza tal-klijenti tiegħu hi essenzjali. Għalih importanti li x-xerrej iħossu komdu f’dak li qed jagħmel u ma jkollux biża’. Kull ordni tkun imgeżwra sew u dejjem issir telefonata qabel ma tkun imqassma biex il-klijent ikun avżat.
“L-iżjed ħaġa importanti f’dan ix-xogħol hu li tkun diskret f’dak li tagħmel,” jgħid Zammit.

fpulis@mediatoday.com.mt

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt