21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
Tila tal-konkos

Kurt Sansone

Il-konkos griż u kiesaħ li jkerrah uħud mit-toroq ewlenin qed iservi ta’ tila għal artist anonimu li saħansitra pitter karikatura perfetta ta’ Lawrence Gonzi u Alfred Sant jisparaw fuq xulxin.
Kulmin f’dawn l-aħħar ftit ġimgħat saq bil-karozza mill-by pass ta’ Birkirkara fid-direzzjoni lejn Santa Venera seta’ jinnota tpinġija li turi lil Lawrence Gonzi b’pistola f’idejh jispara lejn Alfred Sant li min-naħa tiegħu għandu machine gun imdendel fuq spallejh. Bejniethom il-kliem The boys aint done playing (Is-subien għadhom ma spiċċawx jilagħbu).
Bla dubju l-artist ħadem forma perfetta, dak li bl-Ingliż jissejjaħ stencil art, taż-żewġ mexxejja politiċi mbagħad uża spray iswed biex ħareġ id-dettal li llum iżejjen il-konkos.
Dan jidher li kien l-iktar kapolavur riċenti ta’ dan l-artist anonimu li wisq probabbli huwa responsabbli wkoll mill-graffiti li turi mara b’sidirha barra li tinsab fuq kolonna tal-konkos li hemm qabel ma tidħol fil-mini ta’ Santa Venera mid-direzzjoni tal-Marsa.
Tpinġija oħra fuq l-istess stil u li tagħti x’tifhem li hemm l-istess id moħbija warajha hija dik ta’ wiċċ l-attriċi Audrey Hepburn li tinsab fi tliet postijiet differenti fl-inħawi tal-pont li hemm faċċata l-isptar Mater Dei.
Din l-arti tat-triq minn artist misterjuż tixbah lil dik ta’ artist anonimu Ingliż magħruf bil-laqam Banksy.
Banksy huwa artist tal-graffiti minn Bristol li pitter għadd ta’ xogħlijiet f’postijiet pubbliċi f’Londra u fi bliet oħra madwar id-dinja. Ix-xogħol tiegħu għandu xeħta politika u umoristika. Banksy juża wkoll it-teknika tal-forom (stencilling) li skond kliemu stess tagħmilha iktar faċli li artist bħalu jlesti x-xogħol f’qasir żmien biex ma jinqabadx.
Fl-istess żona ta’ l-Università u l-isptar Mater Dei hemm iktar karikaturi iżda inqas ikkumplikati fid-disinn tagħhom li jagħtu daqxejn ħajja lill-konkos. Jista’ jkun li dawn mhumiex mill-istess id li pinġiet lil Gonzi u Sant.
Werqa tal-ħaxixa, tliet uċuħ ta’ mewt u ftit ’il bogħod, maġenb 18-il figura ta’ rġiel ħomor u suwed, il-kliem sprejjat mal-ħajt: Stupid Nazi God is a Lie (Nazisti stupidi Alla hu gidba).
Fil-passaġġ ta’ taħt it-triq li mis-Swatar tieħdok l-Università hemm ukoll karikatura ta’ wiċċ ta’ raġel bil-mustaċċi b’headphones f’widnejh. Bil-kontra tal-graffiti l-oħrajn din hi magħmula bl-idejn mingħajr l-użu ta’ xi forma.
Dak li xi wħud jistgħu jinterpretaw bħala vandaliżmu u ħmieġ jista’ jkun ukoll arti li żżejjen uħud mill-ikreh postijiet fejn il-kulur mudlam tal-konkos jieħu l-ħajja b’karikaturi li jqanqlu tbissima jew iniggżu l-kuxjenza.
ksansone@mediatoday.com.mt

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt