Raġġi qawwija ta’ xemx jistrieħu fuq is-sufan ħamrani fir-residenza ta’ l-Ambaxxatriċi Amerikana, Molly Bordonaro. Għad li d-9am, ix-xemx tagħtik l-impressjoni li hu xi jum sajfi.
Bejni u bejn ruħi niftakar li l-għada se nsiefer u bħas-soltu l-bagalja għadni m’għamilthiex. Imma t-tfajla li għandi quddiemi, Meskala Hamid ta’19-il sena, minkejja li fadlilha disgħat ijiem oħra biex issiefer diġà lestiet il-bagalji kollha. U bir-raġun! Meskala miessitha x-xorti li nhar l-Erbgħa flimkien ma’ 30 refuġjat ieħor tingħata ċ-ċittadinanza Amerikana. Din se tkun tfisser bidla kbira f’ħajjitha. Se tkun tista’ tgħix l-Istati Uniti, tistudja, taħdem u tgawdi mill-vantaġġi kollha li jgawdu ċittadini Amerikani.
Meskala titkellem ma’ Illum dwar il-ħajja ta’ terrur li kienet tgħix fl-Eritrea. Ta’ 15-il sena kellha tieqaf mill-istudji tagħha għax il-Gvern tal-pajjiż ried li bħal tfajliet u żgħażagħ oħra tidħol fl-armata bħala suldat. Xeni ta’ stupru u abbuż fiżiku ieħor kienu xeni komuni.
“Ma ridtx inkun trattata bħall-oħrajn u ddeċidejt li naħrab biex insib ħajja aħjar,” tistqarr it-tfajla.
Kien f’Settembru tal-2004 meta ż-żagħżugħa telqet fuq vjaġġ twil ta’ sogru. Dan għaliex fl-Eritrea jekk tkun taħt l-40 sena hu llegali li tivvjaġġa. Vjaġġ klandestin sakemm mingħajr mistenni Meskala spiċċat Malta. “Kien maltemp qawwi u fid-dgħajsa konna 180 persuna. Ikel ftit li xejn, b’kemm tibqa’ tgħix.”
Meskala tgħidli li f’qalbha se tibqa’ tiftakar lil Malta b’għożża kbira, l-aktar lil Mary Grace u Albert Genovese miż-Żurrieq, li għal dawn l-aħħar snin addottawha. L-istess tip ta’ mħabba sabitha fuq il-post tax-xogħol li kellha f’pajjiżna mal-kumpanija Good Earth fin-Naxxar.
L-Ambaxxatrici Amerikana Molly Bordonaro bis-soltu stil uniku fl-ilbies tagħha, tosserva bit-tbissima lit-tfajla waqt l-intervista. Wara ftit Bordonaro tispjegali li normalment l-Istati Uniti ma tiħux refuġjati minn pajjiżi Ewropej. Madankollu saret din l-eċċezzjoni minħabba ċ-ċirkustanzi uniċi ta’ Malta u l-ammonti kbar ta’ immigranti li għandha.
“Kull persuna għandha ġrajja partikolari. Bħat-tifel ta’ 15-il sena li tilef ħames qraba tiegħu għax għerqu fil-vjaġġ qabel daħlu Malta. Bħala omm, meta naf li dan it-tifel, l-istess bħal Meskala, se jingħaqad ma’ membru tal-familja tiegħu fl-Istati Uniti, jitgħallem u jgħix il-ħolma Amerikana, dan lili jagħtini sodisfazzjon kbir.”
Biswitna l-Konslu Michael Troje li kellu l-inkarigu li jintervista madwar 50 refuġjat sakemm finalment intgħażlu dawk li jikkwalifikaw għal dan l-eżerċizzju.
Meskala tistqarr li meta għamlet l-ewwel intervista qatt ma basret li se tintgħażel.
“Kont se ntir bil-ferħ meta tawni l-aħbar. Għandi z-ziju tiegħi jgħix Tampa fl-Istati Uniti u għandi seba’ mitt sena sakemm ningħaqad miegħu. La nasal hemm nixtieq nibda nistudja biex nilħaq infermiera.”
Għal nhar l-Erbgħa kollox lest. Minn hawn jibda l-vjaġġ, il-ħolma Maltija-Amerikana għal Meskala u l-ħbieb tagħha. jfarrugia@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt