21 ta' Jannar 2007
Il-Gvern f’kummiedja biex jimpressjona
Kieku Lino Farrugia, is-Segretarju tal-Federazzjoni tal-Kaċċaturi u Nassaba, irrepeta fil-pjazza tar-Rabat il-kliem li qal fi Brussels din il-ġimgħa, żgur li l-kaċċaturi miġburin hemm ma kinux iċapċpulu u jifirħulu.
Kien Lino Farrugia stess li fil-laqgħa qal lill-uffiċjali għoljin tal-Kummissjoni Ewropea, Patrick Murphy, Anne Teller, Patrick Wagerdt u Michael O’Brien, li l-kaċċaturi Maltin jiksru l-liġijiet u meta jisparaw jafu li qed jisparaw għall-għasafar protetti.
Din il-gazzetta għandha l-minuti tal-laqgħa u l-kliem preċiż bl-Ingliż ta’ Farrugia kien:“Yes, illegal hunting takes place and it is never by mistaken identity – the hunter knows exactly what he is doing.”
Iktar interessanti minn dan il-kumment kien dak ta’ Patrick Murphy li qal li l-laqgħa ma kellhiex tiġi interpretata bħala negozjati mal-Gvern u kienet sempliċiment laqgħa biex il-Gvern jirrispondi għall-fatt li l-Kummissjoni qed tgħid li l-kaċċa fir-rebbiegħa trid tieqaf u li l-insib irid jieqaf fl-2008. Ħaġa li jekk tiġri tista’ tfisser disfatta kbira fl-elezzjonijiet għan-Nazzjonalisti.
Hu fakkar li pajjiżi oħra kienu ppruvaw ikomplu l-kaċċa fir-rebbiegħa u ma rnexxilhomx. Dawn kienu l-Finlandja, l-Italja u Spanja.
F’Novembru l-Kummissjoni ħarget infringement procedure kontra l-Gvern Malti talli ħalla l-kaċċa fir-rebbiegħa mingħajr ma għamel ġustifikazzjoni. Il-Gvern Malti baqa’ ma rrispondiex.
L-Avukat Ġenerali Silvio Camilleri, li kien preżenti minflok ir-rappreżentant permanenti ta’ Malta għall-UE Richard Cachia Caruana, qal li l-Gvern Malti kien jemmen li ma kienx hemm alternattiva għall-kaċċa fir-rebbiegħa u kien se jikkummissjoni rapport indipendenti u oġġettiv biex jipprova dan.
Il-Kummissjoni rrimarkat li r-rapport ma setax ikun oġġettiv jekk il-Gvern Malti qed jinsisti li m’hemmx alternattiva għall-kaċca fir-rebbiegħa.
Patrick Murphy, uffiċjal għoli fil-Kummissjoni, qal: “Irrispettivament mill-emozzjonijiet, it-tradizzjonijiet u l-kultura, il-Kummissjoni trid tassigura li d-direttiva tal-għasafar tiġi implimentata fl-Ewropa kollha.”
Id-delegazzjoni tal-Gvern Malti, li kienet immexxija minn Philip von Brockdorrf, ippruvat minn kollox biex tagħti l-impressjoni quddiem il-Kummissjoni li l-Gvern Malti ma kienx se jaċċetta l-projbizzjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa jew it-tmiem ta’ l-insib fl-2008.
Il-Kummissjoni għamlitha ċara mad-delegazzjoni Maltija li dawk il-pajjiżi li marru l-Qorti Ewropea spiċċaw b’verdett kontrihom.
Lura lejn pajjiżhom id-delegazzjoni Maltija u dik tal-kaċċaturi spikkaw għall-fatt li kienu flimkien fis-sala tat-tluq fl-ajruport u fil-club class, jidħku u jiċċaċċraw. Meta rritornat Malta d-delegazzjoni tal-kaċċaturi ntlaqgħet minn kaċċaturi li ferħulhom minkejja li ftit li xejn kienu jafu x’intqal f’dik il-laqgħa li saret nhar it-Tlieta 17 ta’ Jannar. Li spikka kien il-kumment tal-Federazzjoni li faħret lill-Gvern għall- pożizzjoni tiegħu. Sa ftit ġimgħat ilu l-Federazzjoni kienet qed tattakka lill-Gvern.
Skond avviż legali ppubblikat il-bieraħ l-istaġun tal-kaċċa fuq l-art u l-baħar, kif ukoll l-istaġun ta’ l-insib se jagħlqu fit-30 ta’ Jannar.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt