Hu bla dubju wieħed mill-aqwa, jekk mhux l-aqwa, plejer tal-futbol li qatt ħareġ minn pajjiżna. Hu persuna li anke jekk qatt ma tkun iltqajt miegħu b’mod personali, is-simpatija li jiġbed lejh bħala ġentlom hi xi ħaġa li fih ma tistax ma tammirax.
Jien ftit nafu u f’dawn l-aħħar snin iffaċċjajtu biss f’okkażjonijiet ta’ xogħol. Iż-żminijiet is-sbieħ tiegħu ftit li xejn niftakarhom, jew inkella niftakarhom ftit ukoll. Imma mingħajr dubju ta’ xejn, meta fil-Ħamrun tisma’ bil-‘Mundu’, ma tistax ma tbaxxix rasek għal dak kollu li għamel lejn it-tim tal-lokal u għat-tim Nazzjonali Malti. Il-Mundu jibqa’ idolu fir-raħal ta’ San Gejtanu.
“Jien qatt ma kont bniedem kiesaħ. Dejjem tajt l-għajnuna tiegħi fejn stajt lil kulħadd. U naħseb dawn huma l-aktar affarijiet li n-nies iħarsu lejhom. Probabbli li b’hekk għadhom jirrispettawni sa llum. Anke meta kont mort mal-Luxol, il-Ħamruniżi baqgħu jħobbuni.”
Raymond Vella jibqa’ sinonimu mal-klassi u l-intelliġenza fil-futbol. Ir-rwol tiegħu f’nofs il-grawnd bħala playmaker jiddistingwih fi klassi unika li f’pajjiżna qatt ma rajna bħala…u diffiċli ħafna biex nerġgħu naraw.
Għalkemm jien Ħamruniż ftit niftakru. Imma aktar minn ċert li jersaq fejn jersaq fl-inħawi ta’ Strada Reali, għadu ikkunsidrat sal-lum bħala idolu. F’dawn l-inħawi mhux l-ewwel darba li tisma’ d-diskors, “Hawnhekk bħall-Mundu ma nerġgħu naraw qatt.”
Ma’ Ray kont miftiehem
il-Ħamis filgħodu. Appuntament
fix-xatt ta’ Ta’ Sliema f’żona magħrufa għat-traffiku li fiha biex tibla’ ċitazzjoni aktar faċli milli biex issib ħanut miftuħ u tieħu kafè.
Il-ħwienet biex inpoġġu x’imkien kienu kollha mimlija u għalhekk iddeċidejna li nsibu bank fi ġnejna żgħira għad-dell biex intaffu xi ftit mit-temp sħun ta’ dawk
il-ħinijiet.
Filwaqt li jippoża għal ftit ritratti jgħidli li l-futbol ma tantx għadu jsegwih. Ilu ma jitla’ Ta’ Qali jara xi partita żmien twil u aktar jippreferi joqgħod id-dar jew imur jilgħab xi logħba tal-5-aside ma’ sħabu tat-tim.
“Jien bniedem li nħobb ħafna l-isports u tinteressani kull dixxiplina. Inħobb inqatta’ ħafna ħin id-dar mal-mara nara t-televiżjoni. Naħdem ix-xatt u dejjem inkun imħabbat. Imma fil-ħin liberu ssibni jew id-dar jew nilgħab xi logħba futbol ma’ sħabi.”
Mill-ewwel ninnota li d-dehra tiegħu fil-media ddejqu. Kien u għadu l-istess. Minkejja li għandu biex, jiddejjaq li jidher fil-pubbliku.
“Iva, vera. Jien daqsxejn mistħi u ma tantx inħobb nidher. Nammetti li meta nismagħhom jitkellmu pożittiv fuqi bilfors li nieħu pjaċir. Tant kemm hu hekk li meta nara lili fuq it-televiżjoni kont neqleb l-istazzjon. Ma nafx għalxiex imma niddejjaq.”
Raymond Vella twieled fil-11 ta’ Jannar 1959. Miżżewweġ lil Mariella u llum joqgħod ix-Xemxija. Magħruf mal-poplu aktar bħala l-Mundu milli b’ismu proprju.
“Naħseb li l-laqam Mundu ġie fuqi għax jisimni Raymond. Ilhom jgħiduli hekk minn mindu kont żgħir. Għandu jkun Twanny Rocco kien qalagħhieli Mundu u baqgħatli.”
Insaqsih kif beda jilgħab il-futbol u kif wara ftit żmien sab ruħu fuq il-kotba ta’ Marsa.
“Inħoss li kienet xi ħaġa ġo fija mill-bidunett. Fi tfuliti kien hawn ħafna postijiet fejn nilagħbu. Illum hawn ħafna karozzi u ż-żminijiet inbiddlu. In-naħa tagħna kien hemm għalqa u t-tfal ta’ l-inħawi konna nintefgħu fiha għal sigħat sħaħ. Niftakar li darba kien ġie fuqi Twanny Rocco u qalli nkunx interessat nilgħab jekk jgħaqqad tim. Aċċettajt mill-ewwel. Ta’ 12-il sena kont dħalt iċ-ċentru u għamilt kors ta’ erba’ snin biex ta’ 16-il sena ffirmajt mal-Marsa. Niftakar li dak iż-żmien il-president kien il-mibki Luciano.”
Jibqa’ kurjuż il-fatt tat-transfer tiegħu għal ma’ Ħamrun Spartans. Konxju mir-rivalità li teżisti bejn it-tnejn, diġà kienet xi ħaġa kważi impossibbli biex plejer jiġi ċedut bejn dawn iż-żewġ clubs. Kurjuż aktar il-fatt li għal dak iż-żmien iċ-ċifra ta’ Lm8,000 li Victor Tedesco offra lill-Marsa għall-akkwist tiegħu kienet meqjusa biss bħala ġennata kolossali. Raymond jispjegali l-pressjoni li waqgħet fuqu dawk iż-żminijiet, l-aktar meta kien jisma’ diskors bħal “Is-Sur Tedesco xtara Mercedes!!”.
“Dak it-transfer kont ftit fortunat fih għax kienet xi ħaġa rari ħafna li plejer ta’ Marsa jmur ma’ Ħamrun jew bil-kontra. Però dik il-ħabta l-Marsa kienu jilagħbu fis-second division u l-Ħamrun kienu first, allura l-pika bejn it-tnejn kienet taffiet ħafna. Niftakar li kien bagħat għalija Victor Tedesco u kien tranġa kollox bejn iż-żewġ kumitati. Għal dak iż-żmien, Lm8,000 kienu ħafna. Kont nilgħab taħt pressjoni qawwija u ngħidlek il-verità ma kontx imdorri nilgħab hekk. Imma bl-għajnuna tas-Sur Tedesco u tal-plejers rabbejt il-kunfidenza u komplejt fi triqti.”
U allura, illum il-ġurnata, min hu t-tim ta’ qalbu, Marsa jew Ħamrun? Ray kien spontanju fir-risposta tiegħu u wieġeb b’mod diplomatiku.
“Il-Marsa hu l-post fejn twelidt u l-Ħamrun hu l-post fejn miegħu rbaħt ħafna fl-aqwa tal-karriera tiegħi. Meta jilagħbu l-Ħamrun inżomm mal-Ħamrun u meta jilagħbu l-Marsa nżomm mal-Marsa.”
U meta jilagħbu bejniethom?
“Nitlob biex jiġu draw biex ma jirbaħ ħadd u ma jitlef ħadd. Jien mal-Ħamrun lgħabt seba’ snin. Kull staġun irbaħt xi ħaġa u ma nista’ ninsihom qatt. L-aħjar tal-karriera għamlitha magħhom. Qatt ma kont nistenna li se nirbaħ daqshekk unuri. Sibt ħafna plejers li għenuni. Niftakar sew it-toroq tal-Ħamrun fiż-żminijiet tal-festi wara li konna nirbħu xi unur. Kulfejn tħares tara biss il-kulur iswed u aħmar.”
L-għajta li kull plejer ikun qed jistenna…
l-għajta tat-tim Nazzjonali. Insaqsih fuqha.
“Jien bdejt nilgħab mat-tim Nazzjonali bi sforz. Ma tantx kelli xorti ma’ coaches Maltin u meta kont niġi mgħajjat qatt ma ngħatajt ċans sew. Meta kont issejjaħt ma’ Gerald Camilleri għall-partita ma’ tim tal-militar, lilna t-tnejn biss ma daħħlux f’logħba sħiħa. Minn dakinhar iddeċidejt ma nilgħabx aktar. Imbagħad kien ġie Gencho Dobrev u għall-ewwel ma ridtx immur. Sibt min ikkonvinċini għax kien kowċ barrani. Minn hemm ’il quddiem bqajt għaddej. Sibt persuna bħal John Holland li mingħandu tgħallimt ħafna.”
Ġeneralment huma ħafna dawk il-plejers li hekk kif itemmu l-karriera jitħarrġu fil-kwalifiki ta’ coach. Għal Ray dan ma jeżistiex.
“M’għandiex ċans. Għall-kowċ trid aktar ħin u aktar konċentrazzjoni. Bil-ħinijiet tax-xogħol tiegħi tkun impossibbli. U issa, anke jekk insib il-ħin, ma nitħajjarx. M’għandix xewqa li nsir kowċ. Xorta għandi l-Foundation u l-license C u għamilt sentejn assistent ta’ Robert Gatt mat-tim Nazzjonali ta’ taħt il-21 sena. U kelli esperjenza oħra f’Għawdex max-Xewkija Nilgħab biss 5-aside.”
Tegħlibni l-kurżità u nsaqsih kif inhu sejjer it-tim li jilgħab miegħu, l-El Mundos.
“Is-sena l-oħra konna aħjar. magħna kien hemm l-ismijiet ta’ Carmel Busuttil, John Buttigieg u Silvio Vella. Imma qatt ma lgħabna kollha flimkien għax mhux dejjem inkunu nistgħu. Din is-sena dawn m’għadhomx jilghabu u għalkemm qegħdin ma’ ta’ quddiem, inhoss li hu diffiċli biex nirbħu l-kampjonat. Għadni nżomm ruħi attiv u ma rridx naqta’ mill-futbol għal kollox.”
Bħal kull sport ieħor, il-futbol joffri tipi differenti ta’ emozzjonijiet. Hemm dawk sbieħ imma hemm oħrajn inqas sbieħ. Raymond ma jaħbix il-fatt li t-telfa ta’ 8-0 kontra l-Olanda tibqa’ memorja kerha fil-karriera tiegħu.
“Kien ġiena kollox ħażin. Kulma bdejna nagħmlu beda jiġi kontrina u huma ma’ kull xutt li bdew jagħtu bdew jiskurjaw. Niftakar li fil-grawnd kien hemm plejers bħal Rijkaard, Gullit u Van Basten. Van Basten kien skorja ħamsa waħdu. Ma ninsiha qatt dik l-umiljazzjoni. Imbagħad, fl-Olanda tlifna 1-0. Memorji sbieħ niftakar ħafna. Ma ninsa qatt il-logħba kontra l-Ġermanja b’dawk l-eluf kollha li attendew. U oħrajn bħal ta’ kontra l-Portugall, l-Estonja u l-Italja. Mumenti li għalija huma imprezzabbli. Jien jgħiduli li l-aqwa logħba li għamilna hi dik kontra l-Ġermanja. Jien ma ngħidx hekk. Inħoss li għamilna logħob aħjar minn dik kontra l-Ġermanja. Probabbli li jgħidu hekk għax f’dik il-logħba kien hemm l-akbar folla tal-pubbliku li qatt segwa partita futbol f’Malta. U huma l-partitarji li jagħmlu l-atmosfera sabiħa.”
Ray kien jieħu pjaċir jilgħab l-aktar kontra il-Belt għax kien ikun hemm ħafna nies u atmosfera sabiħa preżenti fl-istadium. Tkellimna fuq dik il-partita bejn Ħamrun u Valletta li baqgħet tissemma sal-lum. Dak inhar Valletta kienu diġà dikjarati champions tal-futbol Malti u kienu tilfu l-aħħar partita tal-kampjonat kontra Ħamrun Spartans, proprju b’gowl fl-aħħar ħinijiet ta’ Raymond Vella.
“Kien xutt minn barra l-kaxxa. Konna 1-1 u kienu diġà bdew jaqbżu n-nies fil-grawnd biex imorru fuq il-plejers tagħhom. Għalihom kienet daqqa mortali. Għalina kienet xi ħaġa kbira għax dak iż-żmien in-nies kienu jirraġunaw li aħjar nitlef il-kampjonat milli nitlef mal-Belt.
“Jiddispjaċini li l-Ħamrun spiċċaw b’dan il-mod. Naħseb li dan ġara minħabba nuqqas ta’ ppjanar. Ma ħasbux li l-plejers kienu waslu biex jispiċċaw u riedu jinbidlu. Fil-preżent ma tantx nista’ ngħid fuq it-tim tal-Ħamrun għax m’għadnix insegwihom ħafna. Imma bħalma ħadd ma basar iż-żmien tagħna, jista’ jkun li jerġgħu jiġu dawn il-mumenti għall-Ħamruniżi.”
Insaqsi lill-Mundu l-opinjoni tiegħu fuq l-ex president Ħamruniż, Victor Tedesco.
“Victor Tedesco hu persuna intelliġenti ħafna. Naħseb li l-Ħamrun irbaħna dawk it-tazzi kollha, ħamsin fil-mija tal-mertu hu kollu tiegħu. Kien jaf il-logħba bl-amment u għalkemm kultant kien jitlef it-temperamet tiegħu aktar minn normal kien strumentali biex dejjem żamm l-għaqda u ħa nteress f’kollox. Parir kien dejjem lest biex jagħtih.
“Hu u l-kumitat li kellu miegħu ħadmu ħafna għal Ħamrun Spartans. Jien nawgura li għall-ġid tal-futbol Malti, l-Ħamrun jerġgħu jkunu fil-Premier malajr kemm jista’ jkun.
Qabel ma qsamna t-triq u morna ntaffu xi ftit griżmejna mill-qawwa tax-xemx li kompliet żdiedet, insaqsih jekk mill-ħafna ħin li jqatta’ d-dar iħobbx isegwi xi tim barrani u plejers partikolari.
“Inħobb nara l-ħafna l-futbol Spanjol u plejers bħal Messi, Deco u Ronaldhino. Qabel kont inħobb l-Ingliżi. Imma meta tkun plejer u tgħaddi minn xeba’ tagħjir u insulti mingħand l-Ingliżi stess bħal waiters, ma tibda tappoġġja lil ħadd ħlief it-tim tiegħek. “Minn dak inhar ’l hawn, emminni jekk ngħidlek li m’għandix tim barrani. Fuq bażi lokali, ma nistax ngħidlek min hu l-aqwa plejer Malti fil-preżent għax ma tantx għadni nsegwi. Forsi nazzarda ngħid Joe Brincat għax hu fadal minn ta’ żmieni. Miegħu kont niftiehem ħafna fil-grawnd. Imma ma ninsa qatt il-klassi li kellhom Carmel Busuttil, Raymond Xuereb u John Buttigieg.”
Il-karriera twila wisq. Kien diffiċli għal Raymond biex jiftakar f’dawk kollha li ried jirringrazzja. Filwaqt li jsemmi xi wħud, ngħinu jien fit-tiġdid tal-memorja.
“Nirringrazzja
lill-ġenituri u
lill-mara. Nies bħal Fr. Hilary, Twanny Rocco, Dr. George Abela, Dr. Joe Mifsud, Victor Tedesco u l-kowċis kollha li kelli. Tgħallimt ħafna mingħand Pippo Psaila, Pietro Ghedin, Robert Gatt, Horst Heese u George Deanov. Diffiċli biex niftakar f’kulħadd.
Fl-aħħarnett ngħid grazzi lill-poplu Malti kollu li tani l-appoġġ tiegħu tul dawn l-aħħar snin.”
Joffrili nieħdu drink flimkien qabel ma ninfirdu. Filwaqt li nixorbu tazza birra ninnota nies li għalkemm ilu ftit tas-snin nieqes mill-logħba baqgħu jsellmulu bi tbissima. Probabbli jafu li dak il-ħin kont fil-preżenza ta’ persuna unika għall-futbol f’pajjiżna!
mattard@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt