Fil-ġimgħat li għaddew it-tfal li kienu fis-swali pedjatriċi ta’ l-Isptar San Luqa kellhom iċ-ċans jiltaqgħu mal-buffu Zoltan Voros li mar iżurhom apposta biex jagħtihom spettaklu żgħir.
Voros hu wieħed mill-voluntiera li jaħdmu mal-Clown Theatre Foundation fl-Ungerija. Din hi organizzazzjoni filantropika mmexxija minn membri kollha bl-għan li jżuru sptarijiet u jgħinu lit-tfal morda jieħdu gost ukoll waqt li jqattgħu ħinhom l-isptar.
It-tobba, ġenituri u l-aktar it-tfal ikunu qed jistennew bil-ħerqa żjarat bħal dawn minħabba li jaljenaw lit-tfal b’mod pożittiv u jgħinuhom ifiqu aktar malajr.
Il-buffu, flimkien ma’ kollega ieħor, kienu mistiedna mill-Malta Feline Guardians Club biex jagħtu spettaklu lit-tfal waqt ix-show tagħhom. L-istess għaqda xtaqet li ż-żewġ Ungeriżi jduru s-swali tat-tfal fl-isptar.
Sar ftehim minnufih mad-Daniel Delicata Memorial Association biex jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa. F’erba’ sigħat, fis-swali ta’ Disneyland, Fairyland u Wonderland, il-buffu Zoltan irnexxielu jpoġġi tbissima fuq wiċċ il-ġenituri u uliedhom minkejja li kien hemm problema ta’ lingwa. Sagħtejn oħra qattagħhom fil-Young People’s Unit f’Ħ’Attard.
Id-Daniel Delicata Memorial Association irrangrazzjat lill-organizzaturi ta’ din l-attività li għenu jagħmlu l-ħajja tat-tfal morda fl-isptar aħjar, li hu anki l-motto tagħhom. Qalu li xtaqu li attivitajiet simili jsiru iktar ta’ spiss.
Kulmin jixtieq jagħti l-għajnuna tiegħu lil din l-assoċjazzjoni jista’ jċempel lil Maria Delicata fuq 21579145, 79408346 jew jibgħat email daniels@maltanet.net.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt