21 ta' Jannar 2007
Renzo Spiteri, kunċerti b’differenza
Franica Pulis
Il-kunċerti Intersections: The Art of Duo huma frott tal-laqgħa fiċ-Ċina bejn Renzo Spiteri u l-Amerikan Dr Dan Moore.
Spiteri u Moore iltaqgħu hemmhekk f’Mejju li għadda meta stidnuhom jagħtu għadd ta’ master classes kif ukoll idoqqu fil-Konservatorju tal-Mużika f’Beijing u f’bosta swali oħra ta’ prestiġju fl-istess belt.
Fid-drabi li Spiteri u Moore daqqew flimkien indunaw kemm għandhom ideat simili l-aktar fil-ġeneru ta’ mużika li jdoqqu u fl-esperimenti li jħobbu jagħmlu bil-mużika elettronika. Iddeċidew ikomplu jaħdmu flimkien u dan wassalhom għall-Intersections li se juru f’Malta dan ix-xahar u aktar ’il quddiem fl-Amerka.
Għal dan il-kunċert partikulari ż-żewġ mużiċisti se ‘jżewġu’ strumenti akustiċi tradizzjonali ma’ dawk elettriċi b’mużika għal kollox ġdida għall-udjenza Maltija għalkemm uħud mix-xogħlijiet tagħhom diġà nstemgħu barra minn Malta.
Bejn diskussjonijiet ta’ x’se jagħmlu kif ukoll qsim ta’ ideat, il-proġett ilu għaddej għal dawn l-aħħar ftit xhur. Spiteri jħoss li minħabba li qegħdin tnejn biss f’dan il-proġett qed ikollhom ħafna aktar ċans li jesperimentaw bil-kreattività tagħhom.
Renzo għadu kif temm xogħol mużikali ieħor għat-tnedija tal-ktieb Particles of Fate li saret din il-ġimgħa. Meta staqsejtu kif iħossu li jrid jipprepara għal żewġ xogħlijiet li mhumiex bogħod minn xulxin wieġeb bi tbissima: “Stressat! …Sfida kbira! It-tnejn differenti imma qed nieħu gost.”
Rigward jekk jippreferix jaħdem fuq mużika biss jew meta jkun hemm taħlita ta’ arti, Spiteri qal li m’għandux preferenza.
“Dment li nħoss li hemm taħlita ta’ l-arti li hi valida, inħossni tajjeb. Meta taħdem ma’ artisti oħrajn trid tirrispetta l-arti tagħhom ukoll għax hi riċerka u sfida ġdida.”
Il-kunċerti Intersections se jsir fit-Teatru ta’ l-Università l-Qadima l-MITP, il-Belt Valletta bejn is-26 ta’ Jannar u t-28. Jibda fit-8pm. Il-biljetti jinkisbu mill-Kavallier ta’ San Ġakbu fuq 21 223216 jew boxoffice@sjcav.org. Għal aktar tagħrif żur www.renzospiteri.com jew ċempel 9949 0815.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt