21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
Raġel Ordinarju: Ivan Grech

Franica Pulis

Ivan Grech hu l-kantant tal-grupp Malti Winter Moods. F’Novembru li għadda ħarġu Ordinary Men, ir-raba’ album tagħhom li bħalissa jinsab għall-bejgh fil-ħwienet kollha tal-mużika.
Ivan kien it-tielet wieħed li ngħaqad mal-band li issa ilha għaddejja għal aktar minn 20 sena. Winter Moods kellhom iċ-ċans idoqqu Franza, Ċipru, l-Italja u l-Ġermanja u rebħu bosta premjijiet f’Malta fosthom il-Malta Music Awards u l-Bay Music Awards, li rebħuhom aktar minn darba.

Bħalissa hu żmien tajjeb għal Winter Moods. X’inhu l-proġett li jmiss?
Qed nippjanaw xi kunċerti fl-Irlanda u l-Iskandinavja imma l-iktar qed naħdmu fuq kunċerti live f’Malta biex nippromwovu l-album il-ġdid tagħna.

Ordinary Men, kontu qegħdin tistennew reazzjoni daqshekk pożittiva?
Aħna ma nieħdu xejn for granted. Kull album hu differenti u għandu l-istorja tiegħu. Kien l-aħjar feedback li qatt kellna s’issa anki bħala bejgħ. Laħaq udjenza akbar ukoll. U issa bis-single Marigold komplejna nżidu l-udjenza.

Meta jinkiteb l-album ikollkom maħsuba t-tip ta’ mużika għalih?
Le, il-kitarrist ikun qed isib riff bil-kitarra u miegħu tingħaqad il-bqija tal-band. Jien nibda nkanta magħhom spirtu pront. Ħafna milli nivvinta dak il-ħin ironikament jintuża fid-diska. Kif tinstab il-mużika u l-melodija ta’ tliet diski mbagħad immorru fl-istudjo nirrekordjawhom. Jingħaqad magħna l-producer tagħna, David Vella li l-kelma tiegħu tiswa daqs tagħna u nibdew naħdmu fuq is-sound tagħhom fl-istudjo.
Qatt ma naħsbu minn qabel kif għandha tinstema’ l-mużika, l-iktar minħabba li fl-istudjo naħdmu fuq affarijiet li normalment fil-garaxx ma nagħmluhomx.

Minn xiex inhuma ispirati d-diski?
Kemm jien u kemm Joseph Rizzo niktbu fuq affarijiet li għaddejna minnhom. Per eżempju Lonely Vegas hi dwar ħabib tiegħi li kien jilgħab il-flus.
Spiss nirreferi għall-adoloxxenza tiegħi wkoll. Ommi mietet meta kelli16-il sena u ftit warajha miet ħija wkoll, li kellu biss 23 sena. Affettwatli ħafna ħajti.

Martek hi l-maniġjer tagħkom. Kif għażiltuha?
Debbie, peress li hi mill-Isla wkoll, kienet ilha taf bil-band minn meta kienet żgħira. Meta ħriġna Morning Ale bdiet tiġi aktar għall-kunċerti tagħna u bdiet tgħin lill-band fuq PR. Iltqajna minn hemm u bdejna noħorġu flimkien.
Ħeqq, imbagħad għidt, la din qed timmaniġġja l-band aħjar niżżewwiġha. U issa qed timmaniġġja anki lili!

Kif kienu jarawkom in-nies ta’ l-Isla u kif jarawkom issa?
Dejjem kellna appoġġ kbir. Imma wara t-tieni album beda jkollna udjenza minn kullimkien mhux biss mill-Isla. Huma dejjem baqgħu jirrispettawna u huma kburin li aħna minn hemm.
Liema kunċert tgħożż l-aktar?
Dak ta’ Cologne fl-2004. Konna ħadna sehem f’kompetizzjoni Europa XXL fuq stazzjon tar-radju Ġermaniż jismu WDR2 bid-diska Come to You. Il-kompetizzjoni kienet miftuħa għal diski mill-10 pajjiżi li daħlu fl-Unjoni Ewropea dik is-sena. Il-poplu Ġermaniż kellu jivvota għall-aħjar diska u aħna ġejna l-ewwel. Il-premju kien li ndoqqu fir-Ringfest, fil-Ġermanja stess, li għalih jattendu eluf kbar ta’ nies. Doqna l-ħajja ta’ rockstar għal ftit jiem.

Hemm xi storja interessanti li tista’ tirrakkonta dwar xi ammiraturi tagħkom?
Ma tantx inħobb insejħilhom fans. Nippreferi ħbieb. Għandna ħbieb, bosta ħbieb li jagħmlu parti mill-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ li għalkemm ma jisimgħux kapaċi jħossu l-beat tal-mużika tagħna. F’kunċert minnhom telgħu fuq il-palk ħdejna jagħmlu Everyday Song u Water bil-lingwa tas-sinjali u jiżfnu magħhom. Kienet esperjenza ta’ l-għaġeb.

Qatt ħsibtu biex tibdew tkantaw bil-Malti?
Aħna għażilna li nkantaw bl-Ingliż biex nilħqu s-suq barrani. Fl-aħħar żewġ kunċerti bdejna ninkludu diska bil-Malti. Din kienet Xemx ta’ The Tramps li niżlet għasel ma’ l-udjenza. Biħsiebna nkomplu ndoqqu xi diski Maltin ’il quddiem.

X’se tagħmlu issa li telqilkom il-lead guitarist? Se ddaħħlu ’l xi ħaddieħor?
Ħsibna biex indaħħlu ’l xi ħaddieħor magħna però wara 20 sena flimkien diffiċli ħafna. Minflok ħa iktar xogħol il-kitarrist Melvin u bqajna ħamsa.

X’inhi l-ħolma ta’ dejjem?
Li jkollna kunċert kbir fuq skala nazzjonali li fiha aħna nkunu l-att ewlieni (il-main act). Imma dan irid isir fi żmien ippjanat tajjeb.

Kumment dwar it-tlett iklieb li għallqu f’Għawdex.
Tal-biża’! Il-pulizija għandhom jeħduha bħal daqslikieku nqatel bniedem. Min wettaq dan ir-reat hu ta’ periklu għas-soċjetà u għandu jieħu l-istess piena bħal li kieku qatel bniedem.

www.wintermoods.net

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt