21 ta' Jannar 2007
Turiżmu: x’nistennew wara l-burraxka
Karl Stagno-Navarra jintervista lil Josef Formosa Gauci, President ta’ l-MHRA
“Agħar minn dak li għadda minnu l-pajjiż fl-2006 fis-settur tat-turiżmu ma nistgħux immorru. Għaldaqstant fit-telgħa li għandna quddiemna minn issa ’l quddiem, lkoll għandna r-responsabbiltà li naħdmu biex intejbu u fuq kollox nikkoreġu s-sitwazzjoni.”
Dan hu l-kliem ta’ Josef Formosa Gauci, il-President il-ġdid ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) li jixhed it-tama u r-realiżmu ta’ min ħobżu jiddependi mit-turiżmu. Josef Formosa Gauci għandu 39 sena, hu kwalifikat bħala accountant u jmexxi stabbilimenti ta’ l-ikel li jagħmlu parti mill-grupp Farsons. L-esperjenza tiegħu fis-settur tat-turiżmu tmur lura s-snin u sa tliet snin ilu kien diġà membru fil-Kunsill ta’ l-MHRA u Viċi President ta’ l-istess assoċjazzjoni s-sena li għaddiet.
“Bħall-parti l-kbira tal-poplu Malti jien ukoll għandi ħobżi jiddependi fuq is-suċċess ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni li tiġbed t-turisti,” isostni Josef li jżid jispjega kif b’ħarsa lejn l-istatistika tas-sena li għaddiet, wieħed jintebaħ minnufih li mhux biss naqsu drastikament in-numru ta’ turisti li żaru Malta, iżda naqsu wkoll il-flus minfuqa minnhom u ovvjament in-numru ta’ ljieli li qattgħu fil-lukandi.
“L-istatistika turi kif kollox hu marbut bħal katina u kif jibdew jonqsu t-turisti tibda tara t-tnaqqis f’kull settur.”
Filwaqt li jtenni akkuża fil-konfront tal-Gvern li ma tax widen għal dak li l-MHRA kienet ilha twissi sa mill-bidu tas-sena dwar ix-xejra pjuttost negattiva li kienet qed tkun imbassra għas-sena 2006, il-President ta’ l-MHRA sostna fuq id-dieqa tiegħu u ta’ dawk kollha fis-settur li “wisq żmien inħela’ għalxejn meta fil-fatt setgħu kienu rranġati x-xejriet negattivi li kienu ovvji.”
“Il-Gvern dam kważi sitt xhur biex tagħna raġun u nduna li dak li konna qed ngħidu kien fil-fatt qed iseħħ,” jgħid Formosa Gauci. Itenni li sal-ġurnata li l-Gvern ammetta li s-sitwazzjoni kienet ħażina kien tard wisq biex wieħed jipprova jsalva l-istaġun tas-sajf.
Takkuża lill-Ministru għal dan, staqsejtu. “Le, ma ngħidx li għandna nippontaw subgħajna lejn il-Ministru, iżda nemmnu li l-Ministru jagħmel parti minn Gvern li għandu jassumi r-responsabbiltà kollettiva ta’ dak li seħħ,” iwieġeb b’lingwaġġ dirett iżda fl-istess ħin diplomatiku.
Imma x’ġara biex morna daqshekk ħażin fit-turiżmu s-sena li għaddiet?
“Jekk tħares lura tara għadd ta’ ġrajjiet li tefgħuna lura ħafna, fosthom il-kwistjonijiet kollha li nqalgħu fi ħdan l-Awtorità Maltija dwar it-Turiżmu (MTA) fejn filwaqt li rajna battibekki li wasslu għar-riżenja ta’ karigi importanti, il-ħatra ta’ chairperson ġdid, kaċċa għas-serp li allegatament ħareġ korrispondenza kunfidenzjali, ir-riżenja tal-bord kollu, il-ħatra ta’ bord ġdid, ir-riżenja tal-kap tad-dipartiment tar-reklamar u ristrutturar konfuż.
“Dan kollu ħoloq konfużjoni sħiħa u abbandun totali tar-responsabbiltajiet u d-dmirijiet kbar ta’ l-MTA li taħdem biex tattira lit-turisti lejn Malta.
“Għal xhur sħaħ ma sar l-ebda reklamar u isem Malta bħala destinazzjoni għall-btajjel ma dehret imkien fl-ebda pajjiż filwaqt li l-pajjiżi kollha kompetituri tagħna, partikolarment il-Kroazja, gawdew minn fuq l-għawġ li konna għaddejjin minnu,” isostni Josef Formosa Gauci.
Problema oħra serja li kkontribwiet għan-nuqqas ta’ turisti kien il-fatt li l-Gvern dam kważi sentejn biex iddeċieda li għandu jiftaħ għal titjiriet low cost.
“Il-lum il-kumpanniji ta’ l-ajru low cost huma realtà li wieħed ma jistax jinjora. Anzi, huma realtà daqshekk kbira li wieħed jeħtieġ li jiftaħ beraħ iżda b’għaqal lejn dawn il-kumpanniji li fi ftit kliem xejnu r-rwol tat-tour operators li kienu jissuplixxu t-turisti lejn pajjiżi bħal Malta, u l-lum spiċċaw jaħdmu kważi esklussivament lejn is-suq interkontinentali.”
Il-mistoqsija li jmiss hi ovvja: wara l-kumpanniji ta’ l-ajru low cost xi jmiss għal pajjiżna?
Josef Formosa Gauci hu kategoriku fit-tweġiba tiegħu: “Għadna biss fil-bidu u kif l-istatistika wriet kif mindu beda jopera r-Ryanair f’Ottubru li għadda għalaqna s-sena b’żieda pożittiva ta’ 12 fil-mija fejn jidħlu l-wasliet ta’ passiġġieri. Issa neħtieġu li nkunu għaqlija biżżejjed li nidentifikaw dawk l-ajruporti fis-swieq ewlenin tagħna minn fejn aktar titjiriet low cost jistgħu jibdew joperaw u jġibu t-turisti.”
Il-qofol ta’ l-argument hu liema se jkunu dawn l-ajruporti anki fid-dawl tal-qagħda li tinsab fiha l-Air Malta.
“Sitwazzjoni oħra li tefgħetna lura s-sena li għaddiet kienet dik li għad-domanda li seta’ kien hemm għal Malta ma kienx hemm biżżejjed postijiet fuq ajruplani li jew naqqsu l-frekwenza, jew saħansitra temmew it-titjiriet bi skeda minn u lejn ċerti destinazzjonijiet.”
Il-president ta’ l-MHRA jsemmi l-eżempju ta’ l-Italja, li matul l-2006 kien l-uniku pajjiż li Malta rat titjib fil-wasliet ta’ turisti hekk kif il-linja Meridiana ikkontribwiet fil-ġarr ta’ passiġġieri milli bl-Air Malta u l-Alitalia biss.
Għal Josef Formosa Gauci issa jmiss li tittieħed id-deċizjoni li jinfetħu aktar rotot għal-low cost, partikolarment mill-Ġermanja li hi suq importanti ħafna għal Malta.
“Ryanair qed jitolbu għal Bremen iżda l-Air Malta qed twissi li jekk dan l-ajruport jingħata lil low cost hi tirtira minn Hamburg. Dan hu raġunar assurd jekk mhux ukoll ridikolu,” isostni.
F’dan il-punt, Josef Formosa Gauci jisħaq fuq il-pożizzjoni ta’ l-MHRA ma’ l-Air Malta u spjega kif l-assoċjazzjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti ħafna li l-linja nazzjonali kellha lejn l-iżvilupp ta’ Malta u t-tisħiħ ta’ l-industrija tat-turiżmu fil-pajjiż matul dawn l-aħħar 35 sena.
“L-MHRA kienet u tibqa’ tesprimi appoġġ sħiħ lejn l-Air Malta u tħares l-interessi ta’ l-Air Malta bħala azjenda tal-poplu Malti u dan ħareġ ċar meta ma bqajniex nagħtu l-appoġġ tagħna għat-talbiet tal-kumpannija low cost EasyJet li wara li rrifjutaw li joperaw minn Luton flimkien ma’ Ryanair, riedu Bristol u Stanstead, u wara nsistew għal Gatwick li hu ajruport importanti wisq għall-Air Malta.”
F’din iċ-ċirkostanza Josef Formosa Gauci jispjega kif l-MHRA wriet biċ-ċar li tħoss li għandha taqbeż għall-interess nazzjonali, ma tibżax tagħmlu, anzi għandha l-kuraġġ li ssemma leħinha u tappoġġja lill-Air Malta.
“Nafu li l-Air Malta għaddiet minn ristrutturazzjoni u dieħla għal ristrutturazzjoni oħra importanti u filwaqt li nawguraw lill-Gvern, il-management kif ukoll lill-unions li jaslu għal ftehim li jista’ jagħti nifs ġdid lill-azjenda għall-ġejjieni, l-MHRA tappella lill-awtoritajiet biex ikunu konxji mir-responsabbiltajiet tagħhom lejn l-eluf ta’ Maltin li jiddependu mit-turiżmu.
“Mindu twaqqfet l-Air Malta sa ftit taż-żmien ilu sakemm saret l-ewwel ristrutturazzjoni, din il-kumpannija serviet lill-gvernijiet tal-ġurnata bħala l-post ideali fejn setgħu jibagħtu ħaddiema bl-addoċċ. Issa nittamaw li dan l-iżball ikun korreġut bir-ristrutturazzjoni li għaddejja u għalhekk it-trade unions li huma involuti fin-negozjati ma jużawx dan l-iżball biex jirrikattaw lill-pajjiż.
“L-MHRA tappella lill-partijiet kollha biex iħarsu lejn il-kwadru kollu u mhux lejn dak li hu settorjali għalihom biss. Din hi siegħa tal-prova importanti għas-sens ta’ rġulija u responsabbiltà lejn l-ekonomija u l-pajjiż kollu,” isostni.
Ma stajtx ma nagħmilx riferenza għall-kontroversja li għaddejja bħalissa dwar l-istatistika.
“Li noqogħdu ngħoddu lit-turisti wieħed wieħed u nidentifikawhom qalb dawk kollha li jgħaddu mill-ajruport hu redikolu. Neħtieġu niftakru li issa li Malta hi msieħba fl-Unjoni Ewropea. Dawk kollha li jżuruna mill-Ewropa ma jirreġistrawx aktar bil-karta ta’ l-imbarkazzjoni, anzi jibqgħu għaddejjin.
“Issa li noqogħdu nargumentaw dwar kemm waslu jew telqu u ssir kwistjoni politika tikxef l-immaturità fil-politika lokali.
“Ħallu lil min hu fl-istatistika jagħmel xogħlu u aħna tagħna. Allaħares issa nibdew nuru dubji fl-istatistika għaliex inkunu qed nisparaw f’saqajna u, għiduli min se jibqa’ jeħodna bis-serjetà,” jinsisti l-President ta’ l-MHRA.
Iżda Josef Formosa Gauci ma jarax biss in-negattiv fejn jidħol it-turiżmu. Anzi, hu pjuttost ottimist u fiduċjuż li l-iżbalji li twettqu u li l-pajjiż għadda minnhom iservu ta’ tagħlima importanti u li ma jerġgħux jitwettqu.
“Għal din is-sena għandna ntejbu s-sitwazzjoni minn kif ħallejniha s-sena li għaddiet. Mhux se jkollna xi suċċess straordinarju, iżda għallinqas għandna nibdew naraw titjib li għandu bil-mod jagħti riżultati li jagħmluna kuntenti.
“Biex inkun ċar, din il-bidla fir-rotta teħtieġ il-kontinwità mhux is-sulluzzu. Neħtieġu nkunu ffukati u naħdmu flimkien: il-Gvern, is-settur privat u dawk kollha involuti fis-settur.
“Jekk nibqgħu b’idejna fuq żaqqna u nippretendu li t-turist hu obbligat li jiġi Malta se nkomplu nieħdu tisbita wara l-oħra. Din is-sena ma nistgħux nibqgħu ċċassati, neħtieġu nkunu pro-attivi, aggressivi fir-reklamar, irridu nkunu għaqlija u nibżgħu għal kull turist li nattiraw.”
U Għawdex?
“Għawdex jimmerita attenzjoni partikolari, u l-MHRA qed tinsisti li l-Gvern għandu jiddeċiedi mingħajr dewmien li jagħti lura lil Għawdex is-servizz bl-ajru li jimmeritah.
“Il-Gvern għandu responsabbiltà kbira li ma jdumx ma jiddeċiedi fuq is-servizz bl-ajru lejn Għawdex u jagħti lura servizz kredibbli u mhux wieħed li jibda u jispiċċa fi żmien sitt xhur.”
Il-president ta’ l-MHRA temm b’appell ieħor lill-Gvern biex ma jixxaħħaħx fl-investiment li hu meħtieġ biex il-prodott Malta ma jitħallix żdingat.
“Diġà rajna dan il-Milied li f’Buġibba lanqas ma ttellgħu xi dwal jew dekorazzjonijiet fit-toroq. Rajna kif minkejja l-investiment kbir li sar fit-titjib fl-infrastruttura tal-lokalità mhux qed issir il-manutenzjoni neċessarja biex dak l-investiment ikun imħares. Ma nħallux liż-żoni turistiċi jispiċċaw ċimiterji,” appella Josef Formosa Gauci.
Bħal dak ir-reklam li għaddej il-ħin kollu fuq il-mezzi tax-Xandir li wara kull bieb hemm qalb kbira, Formosa Gauci jemmen li din verità u konvint li kull Malti u Għawdxi se jibqa’ jżomm dik it-tradizzjoni kbira ta’ ospitalità.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt