21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
It-tielet, ir-raba’ u l-ħames partit

Ma jidhirx li hemm xi limitu għan-numru ta’ persuni li qed jinġabru f’partiti oħra minn dawk li bħalissa għandna. Ma’ kull nhar ta’ Ħadd nitgħallmu kif dak u l-ieħor qiegħed jaħsibha.
Insibu persuni distinti u oħrajn ftit inqas li jridu jibagħtu l-messaġġi tagħhom lill-oħrajn. F’kelma waħda jfittxu u jaraw kemm hemm persuni li jifhmuha bħalhom. Mhux biss, imma wara jħarsu lejn il-pass iktar determinanti ta’ kemm minn dawn lesti li jingħaqdu fil-ħidma iebsa li partit politiku organizzat tajjeb jitlob. Dan il-proċess fih innifsu huwa ta’ ġid għax id-dibattitu politiku jitjieb jekk ikollu iktar vuċijiet.
Iktar ma jkun hemm persuni validi li jifhmu fil-politika tant aħjar. Dawn m’għandix dubju li jsaħħu l-ispina ta’ dawk li qegħdin fiha. Almenu nżidu fil-kontenut, fis-sustanza u fl-ideat iktar milli fil-ħmerijiet. Però jrid jingħad li hemm minn kollox f’din l-għalqa. Għax hemm min verament huwa tajjeb, ifforma ruħu u għandu opinjonijiet li jridu l-ħsieb u hemm dawk li jiġru f’din l-għalqa u kulma jkollhom hija opinjoni waħda fuq xi ħaġa. M’hemmx dubju li l-libertà li teżerċita d-dritt li tesprimi l-ideat tiegħek qatt m’għandha tintrabat jew tixxekkel. Imma altru dan u altru wieħed jippreżenta ruħu biex jirrappreżenta lill-oħrajn bid-demokrazija indiretta tagħna. Naħseb ilkoll nixtiequ li jkollna persuni li jifhmu x’inhu l-Istat u jkollhom f’moħħhom il-kunċett tas-soċjetà li jridu.
Waħda mit-tamiet tiegħi mad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea kienet proprju din. Li jkollna valur aqwa fil-politika. Politika ta’ ideat li għandhom il-bażi tagħhom fuq prinċipji etiċi u mhux biss fuq konvenjenza. Dan hu proċess li jitlob li jikber il-bżonn tal-għarfien tal-verità minflok li wieħed jaċċetta l-medjokrità ta’ dak li jingħad minn ħaddieħor jew agħar li jesprimi ruħu skond l-udjenza li se tisimgħu jew taqrah. Ittamajt u nibqa’ nittama f’dan il-pass lejn forum iktar determinanti fil-ħajja ta’ l-Ewropej u l-bnedmin. Nemmen li l-pajjiż beda jifhem li għandu jkollu bnedmin li għandhom il-kultura tal-politika fl-istituzzjonijiet tiegħu. Nies li kapaċi jlaħħqu ma’ ħaddieħor fuq id-diversi punti li jqumu fl-Unjoni.
Għalhekk nemmen li iktar ma’ jkun hemm persuni validi fil-politika tant aħjar. Jagħmlu ġid lil kulħadd. Dan jgħodd għall-partiti legalment iffurmati. Imma nixtieq ukoll nikteb dwar fuq aspett ieħor għax illum hemm ukoll il-kuntrast fix-xenarju bejn il-partiti uffiċjali u dawk li m’humiex. Meta kont student tgħallimt li l-mezzi tax-xandir huma t-tielet sieq f’kull demokrazija. Bl-opinjonijiet li jesprimu fir-realtà jkunu qed jikkontribwixxu għall-politika ta’ kuljum. Għalhekk bl-abbundanza ta’ gazzetti li hawn, xi ħaġa tajba, m’hemmx dubju li għandna numru ferm ikbar ta’ partiti milli qed naraw. Mhux ħames jew sitta iżda ferm iktar.
Anki dawn il-partiti mhux uffiċjali għandhom fuqhom r-responsabbiltà li jagħmlu politika tajba. Anki huma għandhom ifittxu li jressqu d-dibattitu fuq binarji li jħarsu ’l quddiem fit-tul. Ngħid dan għax xi kultant wieħed jinduna li ħafna edituri jinqasmu bejn l-aħbar tal-lum u l-politika fit-tul. F’mumenti jkun hemm anki importanza mogħtija proprju lil dak li jmur kontra l-linja tiegħu. Mhux faċli tmexxi gazzetta bħalma mhux faċli li tagħmel il-politika t-tajba. Iżda llum nara dejjem iktar lil min imexxi politika tajba fil-kitba jwassal lil min qiegħed fil-politika biex jersaq lejha u jikkonfronta ruħu magħha biex huwa wkoll jaħdem għall-politika t-tajba.
Għalhekk ħadt pjaċir naqra l-editorjal ta’ din il-gazzetta tal-Ħadd 7 ta’ Jannar fejn ingħad: “Fl-elezzjoni li ġejja, aktar minn qatt qabel, il-politiċi se jkollhom għadma iebsa biex jikkonvinċu lin-nies mill-ġenwinità tal-proposti tagħhom. Forsi fl-2007 nibdew naraw mod ġdid ta’ kif issir il-politika li tirrispetta l-intelliġenza tan-nies.”
M’hemmx dubju minn dan, anzi dawn huma pariri li jiswew mhux biss qabel elezzjoni ġenerali iżda l-ħin kollu. Però l-politika li tirrispetta l-intelliġenza tan-nies għandha bżonn ukoll ta’ gazzetti li jagħtu appoġġ lil min jipprova jwettaq dan.
Ċert li intom se ssegwu din il-linja.

Carmelo Mifsud Bonnici hu s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Ġustizzja u Intern

 

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt