21 ta' Jannar 2007 • Nr 12

Arkivji




 

 

21 ta' Jannar 2007
Id-divorzju: għażla personali

Ngħidu x’ngħidu d-divorzju jrid jidħol f’Malta. Jekk mhux għalissa imma fil-futur qrib. Anki jekk nafu li l-ġenerazzjoni ta’ politiċi li għandna llum fil-Parlament, minn fejn jgħaddu l-liġijiet, għadhom maħkumin minn mentalità akuta ta’ l-imgħoddi, biex ma noqgħodx ngħid li huma daqstant influwenzati mit-tagħlim nisrani.
Għad jasal iż-żmien fejn il-parlamentari tagħna se jkunu kostretti li jieħdu deċiżjoni favur id-divorzju jekk verament jemmnu fid-drittijiet ċivili, fl-inklużjoni soċjali u fir-rikonoxximent tal-politika Ewropea fir-rigward tal-funzjoni ta’ l-Istat fiż-żwieġ u d-drittijiet tal-familja fis-socjetà tal-lum.
Fost il-parlamentari tagħna hemm dawk li huma favur id-divorzju imma m’għandhomx il-kuraġġ jiddikjaraw dan fil-miftuħ għax jibżgħu li jitilfu l-voti. Sal-lum is-sitwazzjoni għadha tali li l-kelma ‘divorzju’ għadha ddarras lill-maġġoranza tal-poplu għalkemm il-minoranza li hi favur qed tikber b’rata mgħaġġla kuljum. Għad jasal żmien li l-partiti jkollhom jagħmlu u-turn għax jibdew jibżgħu jgħidu li huma kontra d-divorzju u dan iż-żmien mhuwiex ’il bogħod daqskemm nimmaġinaw!
Imissna nistħu nittrattaw dan is-suġġett mil-lenti politika tal-voti. Essenzjalment irridu nirrikonoxxu li l-kwistjoni tad-divorzju – indaħħluhx jew le – tħalli impatt kemm fuq is-socjetà tagħna b’mod ġenerali kif ukoll fuq l-individwi konċernati. Iktar minn kull ħaġa’ħra hi kwistjoni jew deċiżjoni personali ta’ min, skond il-kuxjenza tiegħu, iħoss jekk għandux ikollu d-dritt li jagħzel li jiddivorzja. Għalhekk ma nistgħux naqtgħu linja għad-dritt u ngħidu “le” għad-divorzju għax se titkisser il-familja u allura s-soċjetà; jew ngħidu “iva kollox sew” għax la hi għażla personali ħadd m’għandu jindaħal fil-biċċa.
L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li noqtlu d-diskussjoni u minflok nittrattaw dan is-suġġett b’moħħ miftuħ u matur nimlew ħalqna u widnejna bit-tajjar biex la nitkellmu u wisq anqas nisimgħu.
Irridu wkoll nirrikonoxxu u nirrispettaw il-pożizzjoni tal-Knisja dwar dan is-suġġett. Ħadd m’għandu jistenna lill-Knisja tagħmel xi forma ta’ kompromess dwar it-tagħlim tagħha fuq iż-żwieġ u allura dwar id-divorzju.
Il-Knisja tgħid ċar u tond li ż-żwieġ hu għal dejjem, fit-tajjeb u l-ħażin u r-rabta hi permanenti għax saret fil-preżenza ta’ Alla li dak li jgħaqqad hu ma jista’ jħollu ħadd. Jekk dan hux idealiżmu jew realiżmu hi kwistjoni oħra.
Fil-verità l-Knisja ma tagħmilx distinzjoni bejn żwieġ miġruf, żwieġ imkisser, żwieġ imbenġel u żwieġ b’saħħtu. Iż-żwieġ għall-Knisja hu dak li hu, jew iswed jew abjad. Jew kien dejjem jew ma kien qatt.
Fejn hemm id-disgwid, il-ġlied, is-swat, it-tradiment, l-infedeltà, l-inkompatibbltà għandu jkun hemm il-maħfra u allura kollox jerġa’ jiġi għan-normal!
Jekk il-maħfra hi iebsa wisq, allura l-Knisja tasal biex tbierek il-firda, anki fiżika, bejn il-miżżewġin u tirrikonoxxi s-separazzjoni uffiċjali li wkoll hi kundizzjonata minn restrizzjonijiet fil-parteċipazzjoni ta’ funzjonijiet reliġjużi; ċaħdiet għal bini ta’ relazzjonijiet oħra u astensjonijiet oħra. Din hi l-pożizzjoni tan-Nisrani skond il-Knisja Kattolika.
Iżda dan ma jfissirx li din bilfors għandha tkun il-pożizzjoni taċ-ċittadin, kemm ta’ dak li jħaddan it-twemmin Kattoliku u kemm ta’ min ma jħaddanx dan it-twemmin. It-twemmin reliġjuż ukoll hu dikjarazzjoni ta’ fidi fuq bażi personali.
Hu l-individwu li jagħzel, u allura jerfa’ r-responsabiltà, jekk għandux jipprattika dak li jemmen fih jew le. Għalhekk f’din il-kwistjoni rridu niddistingwu b’mod nett bejn id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ l-individwu bħala membru prattikanti jew inqas prattikanti tal-Knisja u d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ l-individwu bħala ċittadin ta’ Stat lajk. L-Istat hu fid-dmir li jirrikonoxxi l-għażliet li għandu jkollu ċ-ċittadin u mhux joħnoq il-libertajiet, anki jekk mhux fundamentali, ta’ l-individwu. F’dawn iċ-ċirkostanzi, mhux fejn jirrigwardja d-divorzju biss, l-Istat għandu joħloq il-mekkaniżmu neċessarju fejn filwaqt li ċ-ċittadin ikun jista’ jwettaq l-għażliet tiegħu fl-istess ħin ma tkunx qed tiġi preġudikata s-saħħa morali, ekonomika u soċjali tal-pajjiż.
Ir-rispett lejn id-dritt ta’ l-individwu m’għandu qatt iservi biex tiddgħajjef is-sinsla ta’ soċjetà. Għalhekk anki fil-kwistjoni tad-divorzju l-Istat ma jistax jabdika mir-responsabiltà tiegħu u jcaħħad id-drittijiet tal-għażliet li jista’ jkollu ċ-ċittadin, taħt premessi “reliġjużi” jew ta’ xorta oħra.
Il-funzjoni ta’ l-Istat hi għal kollox differenti u distinta mill-funzjoni, jew għas-saħħa ta’ l-argument, mill-missjoni tal-Knisja. Il-Knisja tgħid “le” għad-divorzju għax fih innifsu hu att li jmur kontra t-twemmin fundamentali tagħha.
L-Istat jista’ jgħid “le” għad-divorzju jekk jirriżulta li dan se jġib diżastru fis-socjetà. Iżda ma jistax jagħmel dan kapriċċożament. Għalhekk daqstant ieħor jista’ l-Istat jgħid “iva” għad-divorzju u jieħu dawk il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jassigura l-bilanċ bejn id-drittijiet ta’ l-individwu u d-dmirijiet lejn is-socjetà.
Ir-realtà hi waħda. F’Malta l-qagħda taż-żwiġijiet mhijiex differenti minn ta’ pajjiżi barranin. B’daqshekk ma jfissirx li aħna għandna naddottaw is-soluzzjonijiet li ħareġ bihom ħaddieħor għal pajjiżu. Imma rridu nsibu s-soluzzjonijiet adattati għalina.
L-Istat ma jistax jibqa’ b’għajnejh, widnejh u ħalqu magħluqin u ma jagħmel xejn. Inkunu nilagħbuha tad-dojoq jekk naħsbu li bil-liġi favur id-divorzju jkun ifisser li jekk il-miżżewġin jixbgħu minn xulxin jew jixtiequ jibdlu l-partner jkunu jistgħu jagħmlu dan faċilment. Inkunu boloh jekk bħala Stat nippromovu l-idea ta’ żwieġ temporanju u nattakkaw il-valuri tal-familja.
Iżda naħseb li nkunu ipokriti kemm-il darba ż-żwiġijiet nitfgħuhom f’keffa waħda u ma naċċettawx bejn żwieġ li jkun irnexxa u ż-żwieġ li ma rnexxiex. Fil-każ taż-żwieġ li jfalli wieħed jagħmel sew li jidħol fil-mertu tal-każ, fil-kawża u l-effett. Żgur li nsibu każi ġenwini u oħrajn mhumiex. Li rridu ninsistu hu li nagħtu rimedju lill-vittmi tal-każi ġenwini.
Bħalma l-Knisja sa ċertu punt tirrikonoxxi l-falliment taż-żwieġ meta taċċetta s-separazzjonijiet u l-annullamenti, hekk ukoll l-Istat għandu jaċċetta s-separazzjonijiet u d-divorzju. Id-divorzju m’għandux jitqies bħala soluzzjoni ta’ esperjenza qarsa tal-passat imma għandu jkun kunsidrat bħala rimedju ta’ riabilitazzjoni biex tkun tista’ tinbeda relazzjoni ġdida fil-ġejjieni. Hi kwistjoni li jkunu stabbiliti kriterji serji meta u għalfejn għandu jingħata d-divorzju.
Nafu li f’pajjiżna de facto hawn eluf ta’ koppji ddivorzjati. Min b’arranġament bonarju, min b’sentenza tal-qorti, b’separazzjoni legali, jew separazzjoni mhux uffiċjali. Iktar gravi minn hekk, għandna wkoll żwiġijiet, mhux wieħed u tnejn, għal għajn in-nies biss cioe’ miżżewġin li huma mifrudin taħt l-istess saqaf.
Inkunu qegħdin inraqqu l-pannu bil-qargħa aħmar meta nafu b’dan kollu u noqogħdu inwiegħdu li se nilleġislaw biex tinqered id-diskriminazzjoni fost dawk li jikkoabitaw; li se nagħtu d-drittijiet legali lis-separati ħalli jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji soċjali; se nagħmlu regolamenti biex nipproteġu lit-tfal li jitwieldu f’relazzjonijiet barra ż-żwieġ u mitt wegħda oħra mingħajr ma mmorru fuq ras il-għajn u nagħtu d-dritt tal-għażla lil min għandu każ ġenwin u jixtieq jinħall miż-żwieġ biex ikollu l-opportunità li jerġa’ jiżżewweġ jekk ikun jixtieq.
Iżda aħna hekk qisna mismutin li rridu nogħġbu lill-Alla u x-xitan f’daqqa jekk mhux biex noqogħdu nduru mal-lewża. Anki fil-kwistjoni tal-leġislazzjoni Ewropea dwar id-divorzju donnu se nippruvaw nilagħbuha tal-prima donna fost il-pajjiżi Ewropej u l-ewwel indikazzjonijiet juru li biex ma nħassrux festi ta’ ħaddieħor se nilagħbu bil-ġurisdizzjoni tal-Qrati Maltin fejn jidħlu kawżi taż-żwiġijiet.
Il-punt li rrid nagħmel jien hu sempliċi. Fejn jidħol id-divorzju n-Nisrani m’għandux għażla. Iżda ċ-ċittadin għandu jkollu din l-għażla. Mhix kwistjoni li noqogħdu nissensazzjonalizzaw; nilagħbu bl-emozzjonijiet; jew nilagħbuha tal-qaddisin iktar mill-Papa.
L-għażla għandha tkun ta’ l-individwu personalment li jrid jerfa’ r-responsabiltà ta’ għemilu u jserraħ il-kuxjenza tiegħu. L-Istat għandu jilleġiżla favur din l-għażla.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt