Is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa hi tad-daħk u twasslek temmen li l-Gvern irid jiġbed saqajn il-kaċċaturi u, agħar minn hekk, jinganna lill-bqija tal-poplu.
Il-pożizzjoni ta’ l-Ewropa hi ċara daqs il-kristall: il-kaċċa fir-rebbiegħa trid tispiċċa darba għal dejjem u dan skond direttivi li Malta addottat mad-dħul tagħha fl-UE.
Kull interpretazzjoni mod ieħor tad-direttivi Ewropej hi żbaljata u ntiża biss biex tipprova tixtri ż-żmien qabel ma tfaqqa’ l-bomba. Hu ovvju li l-Gvern Nazzjonalista qed jipprova jtawwal il-kwistjoni kemm jiflaħ biex il-mannara mill-Ewropa ma taqax qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Iżda l-Ministru għall-Ambjent jaf li l-uniku triq għal Malta hi li twaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Hu ngann li tipprova tbellagħha lill-kaċċaturi li l-Gvern jista’ jagħmel mod ieħor. Jista’ jkun li t-tfettiq tal-Gvern Malti jwassal għal kawża fil-Qorti Ewropea li tagħti ftit iktar nifs lill-kaċċaturi għas-sena jew sentejn li ġejjin. Iżda fl-aħħar mill-aħħar jekk Malta ma twaqqafx il-kaċċa fir-rebbiegħa pajjiżna jibda jħallas multa qarsa.
Il-Gvern u l-Federazzjoni tal-Kaċċaturi għandhom dmir jispjegaw biċ-ċar jekk dak li kien rappurtat fit-Times din il-ġimgħa li hemm bażi ta’ qbil huwiex minnu jew le u x’inhu dan il-qbil. Il-kaċċaturi wkoll għandhom jistaqsu lir-rappreżentanti tagħhom kif se jintlaħaq dan il-ftehim u x’se jfisser għalihom.
Din il-gazzetta tittama li l-Gvern ma daħalx f’xi ftehim sigriet li jekk l-Ewropa timponi xi penali l-Gvern ikun lest li jħallasha.
Hemm ħafna affarijiet iktar utli fejn jistgħu jintefqu t-taxxi tal-poplu u żgur li ħadd ma jrid li flusu jmorru biex titħallas multa li tippermetti lill-kaċċaturi Maltin ikomplu jisparaw fir-rebbiegħa.
Il-Gvern għandu jkollu l-kuraġġ li jieqaf darba għal dejjem lill-kaċċaturi. Il-logħob bil-kliem mhu se jwassal imkien. Iż-żmien li l-partiti politiċi jiftiehmu mal-kaċċaturi u jiffirmaw dikjarazjonijiet dwar kif se jibdlu l-liġijiet tal-kaċċa issa għadda. Triq waħda hemm: il-kaċċa fir-rebbiegħa trid tinqata’ u l-insib jispiċċa darba għal dejjem.
Dan hu li vvota għalih il-poplu fl-2003 meta ddeċieda li post Malta hu fl-UE.
Id-divorzju
Jidher li d-dibattitu dwar id-divorzju qabad ġmielu fil-pajjiż iżda sfortunatament wasal biss sa l-għatba tal-Parlament għax f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż dan is-suġġett għadu tabù.
F’dawn l-aħħar ġimagħtejn ħafna kienu dawk li tkellmu fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom, mal-ħbieb u ma’ tal-familja dwar id-divorzju u jekk għandhux jidħol f’pajjiżna. Id-dibattitu reġa’ qam wara l-pożizzjoni konfessjonali li ħa l-Gvern Malti fl-Ewropa li hedded li jfixkel dak li kienet qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea (KE) biex il-liġijiet dwar id-divorzju fl-Istati Membri jkunu armonizzati. Dan bl-ebda mod ma kien se jaffettwa lil Malta għax l-UE ma tistax u ma kellhiex
l-intenzjoni li tibda tgħaddi liġijiet dwar din il-materja.
Din il-gazzetta temmen li d-divorzju għandu jidħol f’Malta b’liġi mgħoddija mill-Parlament Malti u mhux b’impożizzjoni mill-UE. Is-sitwazzjoni hekk hi llum u hekk kienet se tibqa’ bil-proposta tal-KE.
Iżda biex nidhru iktar qaddisin minn Dun Ġorġ Preca l-Gvern Malti ried jagħmilha ċara li pajjiżna hu kontra d-divorzju.
Issa m’hemmx ħrafa ikbar minn din għax id-divorzju ilu aċċettat hawn Malta sa mis-Sebgħinijiet meta l-qrati Maltin kienu obbligati jirrikonoxxu u jirreġistraw divorzji li jinġiebu minn pajjiżi oħra. Anki koppja Maltija li żżewġet f’Malta u għandha l-flus li tmur tgħix barra tista’ ġġib id-divorzju u l-Istat Malti jkollu jirrikonoxxih.
F’Malta kattoliċissima d-divorzju qiegħed hemm biss għal min jiflaħ iħallas u dawk li ż-żwieġ tagħhom fallielhom ikollhom ifittxu soluzzjonijiet ‘Maltin’ li żgur mhux qed jagħmlu ġid lis-soċjetà.
Din il-gazzetta tappella lill-Membri Parlamentari biex jiddiskutu d-divorzju bl-akbar serjetà u tittama li jkun hemm xi ħadd li jippreżenta mozzjoni privata (private members’ Bill) bħalma kien għamel darba Joe Brincat biex id-divorzju jsir parti mil-liġijiet ta’ dan il-pajjiż.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt