14 ta' Jannar 2007 • Nr 11

Arkivji




 

14 ta' Jannar 2007
F’darek bil-biża’ tad-dejn

Fit-triq tan-negozjati biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, wieħed mill-iskolli ewlenin li kien isir ħafna plejtu dwaru, kien il-fatt li bis-Suq Komuni iċ-ċittadini kollha ta’l-UE jkunu liberi li jixtru kemm iridu proprjetà f’Malta mingħajr ebda xkiel. Bil-pagi għoljin li għandhom dawn ħdejn tagħna kien inevitabbli li minħabba f’hekk l-prezzijiet tal-proprjetà f’Malta jkomplu jisparaw iktar ’il fuq.
Għad-daqs żgħir tat-territorju tal-pajjiż u għad-daqs proporzjonalment kbir tal-popolazzjoni, Malta kien irnexxielha b’ħafna daqq ta’ trombi ġġib deroga, jew aħjar eċċezzjoni, għar-regoli tas-Suq Komuni, fis-sens li barranin mill-UE ma setgħux jixtru bi dritt iktar minn proprjetà waħda sakemm ma jkunux residenti ordinarjament f’Malta.
B’din id-deroga b’kollox l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea xorta kellha l-impatt tagħha fuq il-prezzijiet tas-suq tal-proprjetà.
Imma għall-mument il-punt mhux dan għax il-kwistjoni ta’ sħubija jew le fl-UE issa hi magħluqa u xi ħaġa tal-passat u llum għad fadal biss ftit skurdati u nostalġiċi li baqgħu għaddejjin bit-tħammim u l-garr ta’ l-imsaren li jridu joħorgu lil Malta mill-Unjoni Ewropea.
Interessanti hu l-fatt li l-UE, li kontinwament tiddetta r-regoli biex jitneħħa kull xkiel għas-suq ħieles, b’din id-deroga partikolari li tat lil Malta, l-iżgħar pajjiż fl-Ewropa, ippermettiet li ssir eċċezzjoni importanti għal dawn l-istess regoli tas-suq ħieles. Min issostni li m’għandux ikun hemm indħil jew pressjoni mill-gvern fuq il-forzi tas-suq lanqas fir-rigward ta’ affarijiet essenzjali bħal mhu post diċenti fejn tgħajjex familja, hi l-istess Unjoni Ewropea, il-paladin tal-liberalizzazzjoni u tas-suq ħieles, li ma tagħtihx raġun.
Imma jekk rridu nkunu sinċiera magħna nfusna, min jgħid li r-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq jaħdmu realistikament favur il-konsumatur f’Malta, ikun qed jirrakkonta l-akbar ħrafa. Assolutament mhux veru li s-suq jirregola lilu nnifsu permezz tal-kompetizzjoni. Sa minn żmien meta tneħħew il-kontrolli tal-prezzijiet fuq il-kavalli u l-makkarel ta’ żmien il-Perit Mintoff u għaddejna għall-era ta’ Mrs Mary Fenech Adami, li skond ir-raġel tagħha din kienet tmur bil-qoffa minn ħanut tal-merċa għall-ieħor biex tfittex l-orħos prezzijiet, mhux veru li qatt xi darba l-forzi tas-suq f’dan il-pajjiż ħadmu b’tali mod u manjiera favur tal-konsumatur Malti.
F’dan il-pajjiż hawn fenomenu pjuttost stramb fejn qisu ntleħaq patt sieket bejn l-importaturi ewlenin li ma jkunx hawn kompetizzjoni vera taħt ċertu livell ta’ prezzijiet. Hawn dawk li jissejħu cartels formali jew informali li jiffissaw il-prezzijiet u l-kompetizzjoni, jekk tista’ ssejħilha kompetizzjoni, tkun biss ’il fuq minn ċertu minimu.
Ir-regolaturi li suppost jgħassu fuq il-prattiċi tas-suq u jrażżnu fejn hemm bżonn l-eċċessi jew abbużi tal-forzi tas-suq biex iġibu rwieħhom skond ċerti standards, ħafna minnhom ma jiswewx tebaq fwiedhom.
Kien il-Ministru Ġorġ Pullicino stess li ammetta ftit taż-żmien ilu li avolja għaddiet tiegħu bl-eżerċizzju kontroversjali tat-twessiegħ tal-konfini taż-żoni ta’ l-iżvilupp tal-bini fejn b’daqqa ta’ pinna eluf ta’ bċejjeċ ta’ art saru fabbrikabbli, xorta waħda l-prezz tal-proprjetà mhux mistenni li jorħos.
Komplew jeqirdu l-ambjent u l-kampanja ħalli min għandu jħaxxen butu jħaxxnu, u xorta waħda ż-żgħażagħ tagħna se jibqgħu jinqerdu bil-prezzijiet esaġerati tal-proprjetà li hawn.
Minn ewl id-dinja meta oġġett ikun skars, minn ibigħ ikun qiegħed f’pożizzjoni ferm b’saħħitha li jista’ jiddetta l-prezz u jkun jiflaħ jistenna sakemm iġib il-prezz li jkollu f’moħħu.
Hu minn żmien il-gwerra meta tant kien hawn skarsezzi ta’ affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum li ħobża kienet tinxtara mhux bis-soldi imma bil-liri fil-black market. Imma fil-gwerra għall-inqas kien hemm il-Victory Kitchen fejn titrejjaq u x-xeltrijiet fejn tiskenn. Mentri llum il-ġurnata, għal dik li hi dar fejn toqgħod, jew timtela tilja dejn li tibqa’ tħallsu sa ma tixjieh, inkella ma nafx x’tista’ tagħmel bik innifsek. Jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk, se jkun hawn min jispiċċa joqgħod f’karavan is-sena kollha bħal m’hawn min jagħmel fis-sajf, ikollu jagħmel hekk is-sena kollha, iktar u iktar jekk bit-tibdil fil-klima se jibqa’ jkollna snin mingħajr xitwa bħal dis-sena.
Kulma jmur iktar u iktar żgħażagħ saru jibżgħu mir-responsabbiltajiet u l-piżijiet li jġib miegħu ż-żwieg. Ħafna qed jispiċċaw jiżżewġu iktar tard f’ħajjithom u oħrajn saħansitra qed jagħżlu li ma jiżżewġux. Mhux ta’ b’xejn hawn minn jaħbat jaqta’ qalbu meta jara li aktar ma jgħaddi żmien iktar qed ikun hawn koppji li ż-żwieg tagħhom jisfaxxa u jogħtor taħt il-piż esaġerat ta’ dejn u l-isforzi kbar li jkollhom jagħmlu biex ileħħqu miegħu.
L-ebda gvern tal-lum jew ta’ għada ma jista’ jibqa’ ċiċċi beqqi b’idu marbuta quddiem problema kbira bħal din. Il-gvern ma jistax iħares biss lejn is-suq tal-proprjetà minn perspettiva purament ekonomika ta’ kemm tiġġenera impjiegi l-industrija tal-kostruzzjoni jew minn lenti strettament fiskali ta’ kemm il-Gvern idaħħal flus mit-taxxi fuq il-proprjetà.
Il-gvern għandu jagħmel daqsxejn ta’ eżami tal-kuxjenza soċjali, jekk għandu waħda, dwar x’impatt qed iħalli fuq il-prezzijiet tal-proprjetà l-piż tat-taxxi li kiber sostanzjalment fis-snin li għaddew.
Fl-aħħar tal-ġurnata ż-żieda fit-taxxi li għandhom x’jaqsmu mal-proprjetà tiżdied fuq il-prezz u jispiċċa jiblagħha kollha kemm hi minn qed jixtri.
Bl-istess mod anki l-aħħar żieda fir-rata bażika ta’ l-imgħaxijiet kif dettata mill-Bank Ċentrali għandha l-effett li żżid l-ispiża kemm ta’ minn qed jissellef biex jixtri proprjetà fejn joqgħod kif ukoll ta’ min żviluppa proprjetà biex ibigħha bil-konsegwenza li proprjetà tiġi tiswa iktar għal min qed jixtriha.
Minn wara l-gwerra ’l hawn dak li jissejjah affordable housing f’pajjiżna għadda minn storja li kienet tibda mill-griebeġ li nbnew bil-fondi tal-War Damage ’l ġewwa mis-swar ta’ l-ibliet ta’ mad-dawra mal-port. Kienet tintuża wkoll il-ligi tar-requisition minħabba s-sitwazzjoni ta’ emergenża ta’ wara l-gwerra. Imma din il-liġi baqgħet tintuża snin twal wara u sfortunatament ġieli sar użu abbużiv minnha li ħoloq inġustizzji kbar.
Fis-Sittinijiet kien hemm imbagħad il-famuż boom tal-bini li gawdew minnu l-aktar għadd żgħir ta’ spekulaturi ħbieb tal-Gvern tal-ġurnata u s-settlers barranin.
Fis-Sittinijiet ukoll kien hemm il-famuża protesta ta’ l-istudenti universitarji mmexxija minn Henry Frendo u Louis Galea biex il-Maltin ikollhom djar xierqa fejn jgħixu. Fejnhom il-mexxejja ta’ l-istudenti llum?
Pari passu mat-titjieb fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiem kibru wkoll l-aspirazzjonijiet tan-nies anki f’dik li hi akkommodazzjoni soċjali. Beda l-iżvilupp suburban ’l hinn mill-konfini ta’ l-ibliet u l-irħula tradizzjonali inċentivat permezz ta’ skemi tal-Home Ownership Scheme (HOS), tqassim mill-Gvern ta’ plots b’xejn, ġieli ta’ kobor ferm ikbar milli kien hemm bżonn, bini mill-gvern ta’ diversi housing estates u skemi oħra attraenti ta’ sussidju fuq self. Illum il-ġurnata s-sitwazzjoni hi tali li mhux biss, għal raġunijiet ovvji, plots b’xejn m’għadhomx jitqassmu, imma saħansitra qed isir negozju kbir minn kuntratturi li xeħtu għajnejhom fuq bċejjeċ ta’ art li qabel kienu tal-HOS, li qed jixtruhom, iwaqqgħuhom u jerġgħu jiżviluppawhom f’blokkok ta’ appartamenti wara li jkunu ħallsu xi penali żgħira lill-Awtorità.
Proprju kif intqal fid-dokument li għadu kif inħareġ mill-Kummissjoni tal-Knisja Djoċesana Ġustizzja u Paċi, illum il-ġurnata qabdet id-drawwa li minbarra l-esate agent, qed jidħlu fin-nofs ukoll diversi aġenti u kumpaniji li jidħlu fuq il-konvenju bil-jedd li jissostitwixxu rwieħhom b’xi ħaddieħor fuq il-kuntratt. Bil-konsegwenza li l-proprjetà tispiċċa tbiddel l-idejn bosta drabi f’perjodu relattivament qasir ta’ żmien sakemm tasal għand is-sid aħħari li jixtrieha biex jgħammar fiha. S’intendi ta’ kull darba li l-proprjetà tibdel l-idejn, ikun hemm marka ’l fuq fil-prezz li jkun qed jogħla b’mod artifiċjali.
Jeħtieġ għalhekk l-intervent qawwi u immedjat mill-gvern li ma jistax jippretendiha ta’ gvern denn ta’ ismu jekk se jibqa’ ċass u impotenti quddiem sitwazzjoni kritika bħal din. Avolja l-partiti, fil-gvern u mhumiex, itendu li kemm jista’ jkun ma jirfsux il-kallijiet ta’ dawk li jagħlfuhom, hu meħtieġ li jsir xi ħaġa llum qabel għada dwar din il-problema A1 li qed tifni s-soċjetà tagħna.
Li jrid isir tnaqqis fit-taxxi fuq il-bejgħ u x-xiri tal-proprjetà u jiġu mposti taxxi fuq il-proprjetà li tinżamm vojta, dik li f’pajjiżi oħra tissejjaħ hoarding tax. Jonqsu spejjeż oħra ndotti mill-gvern innifsu bħal fees esaġerati tal-MEPA li jispiċċaw biex jirriflettu rwieħhom fil-prezz tal-proprjetà. Jieqaf t-tkaxkir tas-saqajn fuq it-tibdil li jeħtieġ isir fil-liġijiet tal-kera biex id-djar li qed jinżammu vojta, jitmermru u jaqgħu biċċiet jibdew jintużaw.

wenzumintoff@yahoo.com

Prezzijiet jogħlew

Skond ir-rapport tal-Kunsill Konsultattiv ta’ l-Industrija tal-Bini dwar l-istat ta’ l-Industrija
tal-Kostruzzjoni f’Malta għas-sena 2005

Appartamenti
Il-prezzijiet ta’ l-appartamenti fuq il-kuntratt żdiedu b’20.34% meta mqabbla mas-sena 2004. Iż-żieda f’dawn il-prezzijiet mill-2003 sal-2004 kienet ta’ 16.6%. Fl-ewwel 3 xhur ta’ l-2006 kien hemm żieda fuq il-prezzijiet tal-appartamenti ta’ 11.47%. F’perjodu ta’ sentejn bejn l-2003 u l-2005 kien hemm qabża ta’ 40% fil-prezzijiet ta’ l-appartamenti.

Mezzanini (Maisonnettes)
Bħala medja, il-prezzijiet għolew b’15.32% fl-2005 meta mqabbla ma’ l-2004, li waqt li għolew b’17.49 mill-2003 għall-2004. Fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2006 il-prezzijiet medji tal-mezzanini għolew b’9.67%. Fil-perjodu bejn l-2003-2005, il-prezzijiet fuq il-kuntratti għolew b’35.49%.

Terraced Houses
Bħala medja l-prezzijiet fuq il-kuntratti għolew b’9.3% fl-2005 meta mqabbla ma’ l-2004. Mill-2003 għall-2004 il-prezzijiet għolew b’9.97%, filwaqt li fl-ewwel tliet xhur ta’ l-2006, il-prezzijiet għolew b’13.42% meta mqabbla ma’ l-2005. Bħala medja, il-prezzijiet tat-Terraced Houses bejn l-2003-2005, għolew b’31%.

Fl-2005 il-prezz medju ta’ appartament bi tlett ikmamar tas-sodda u mezzanin bi tlett ikmamar tas-sodda kien bejn wieħed u ieħor Lm55,000 u Lm68,000 rispettivament.



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt