14 ta' Jannar 2007 • Nr 11

Arkivji




 

14 ta' Jannar 2007

Post Malta fl-Ewropa ħielsa

Is-sena 2007 ġabet magħha tliet ċelebrazzjonijiet għall-Unjoni Ewropea. L-ewwel waħda hi t-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea għal 27 pajjiż, meta issa daħlu wkoll ir-Rumanija u l-Bulgarija. It-tieni ċelebrazzjoni hi tal-50 anniversarju mill-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma li waqqfet l-Ewropa magħquda. It-tielet, l-2007 tfisser 20 sena mill- iffirmar tas-Single European Act.
Dan hu Att importanti ferm għas-sidien tan-negozji Ewropej għax jistabbilixxi l-pedament tas-suq intern Ewropew. L-Ewropa tkun magħquda mhux biss għax itiru l-fruntieri imma aktar għax jitlaq kull xkiel għall-kummerċ biex b’hekk wieħed jista’ jinnegozja bla diskriminazzjoni bl-istess kundizzjonijiet hu liema hu l-pajjiż. Bis-suq wieħed Ewropew jaħdem sewwa jkun ifisser żona Ewropea bi prosperità għal aktar minn 490 miljun persuna li llum tifrex minn Lisbona sa Costantia.
Il-firmatarji tat-Trattat ta’ Ruma kellhom viżjoni politika u morali u għanijiet ekonomiċi ċari. F’dinja li tinbidel b’pass verament mgħaġġel l-enfasi llum hi fuq l-impjiegi, it-tkattir ekonomiku, il-globalizzazjoni u l-bidla teknoloġika, il-kompettitività u l-Aġenda ta’ Lisbona. Wieħed jista’ jifhem li l-għanijiet li stabilixxew il-fundaturi ta’ l-Unjoni llum intlaħqu u għalhekk l-Unjoni Ewropea qed taħdem fuq għanijiet ġodda. Dan ma jfissirx li x-xogħol li baqa’ jsir biex l-għanijiet originali jintlaħqu hu żgħir. Baqa’ ħafna xi jsir. Importanti għalhekk li llum il-Kummisjoni Ewropea ssib mezz kif tikkonsolida dak li ntrebaħ biex l-Ewropa tkun tista’ timxi lejn l-għanijiet urġenti tal-lum.
L-enfasi tal-lum hi ekonomika. Jiġifieri għandu jsir biex tissaħħaħ l-kompettitività fuq livell Ewropew: ambjent leġislattiv aħjar u anqas ingumbranti, suq wieħed Ewropew li jaħdem tassew bħala suq ħieles b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi. Politika kummerċjali li tkun tassew liberali u timxi lejn l-innovazzjoni u aktar flessibilità u mobbiltà fis-suq tax-xogħol. Dan kollu jekk iseħħ jissarraf f’aktar xogħol u f’aktar ġid.
Fil-verità iżda sar ħafna diskors dwar kemm hu importanti li dan kollu jsir. Imma issa l-ħtiega urgenti hi li kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livelli ta’ Gvernijiet membri, dak li għandu jsir jitwettaq biex dak li ġie miftiehem sitt snin ilu f’Lisbona jsir. Tajjeb li l-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ministri u l-Gvernijiet imsieħba jkunu jafu x’inhi l-marda. Djanjosi tajba. Imma t-trattament aħjar. Il-pazjent ifiq irid u mhux ngħidulu biss x’għandu ħazin. L-Ewropa llum mimlija b’esperti li joħolmu ħafna u jipproponu ftit. Dan sindromu li f’pajjiżna nafuh sewwa: kulħadd jgħid u jgerger imma ħadd ma jipproponi s-soluzzjonijiet.
Dawk li waqqfu l-Ewropa magħquda ħasbu l-aktar dwar kif iwaqqgħu l-ħitan u l-fruntieri li kienu jżommu lil Ewropa politikament mifruda. Ħasbu li la jitneħħew il-fruntieri u l-ixkiel ta’ bejn pajjiż u ieħor il-prosperità li tirriżulta waħedha ġġib l-kumplament. Fil-verità l-ħitan, li kienu jżommu l-moviment ħieles ta’ ħaddiema, merċa, servizzi u kapitali, illum twarrbu. Iżda l-għan aħħari ta’ suq wieħed intern ħieles għadu ma ntlaħħaqx.
L-ostakli li baqa’ huma ħafna u x’uħud determinanti. Teżisti dik li tissejjaħ l-gold plating, il-privileġġi speċjali li jgawdu ċerti pajjiżi membri fl-implimentazzjoni tad-direttivi – il-liġijiet jgħoddu, imma mhux għal kulħadd indaqs. Hemm il-kwistjoni kumplikata tas-sistema ta’ trasferimenti finanzjarji, dik imsejħa multilateral interchange, sistema ta’ ħlasijiet bejn pajjiż u ieħor li effettivament tgħolli l-ispejjeż f’pajjiż wieħed a skapitu tal-pajjiż l-ieħor u b’hekk ikun assigurat li ma jaħdimx is-suq wieħed ħieles fejn jidħlu pagamenti u transferimenti ta’ ħlasijiet għax dak li jiġi irħis f’pajjiż wieħed ikun fil-fatt aktar għoli fil-pajjiż l-ieħor. Meta mbgħad niġu għall-bejgħ ta’ prodotti u servizzi bejn pajjiż u ieħor mhux biss is-sistema ta’ pagamenti tiddiskrimina, imma mbagħad issib ukoll nuqqas serju ta’ trasparenza.
Kummerċjant ma jkunx jaf eżattament ta’ xiex qed ikun iċċarġjat mill-istituzzjonijiet finanzjarji. Ftit huma n-negozjanti li jidħlu f’dawn l-irqaqat iżda s-sistema tal-pagamenti llum hi waħda li toħloq żvantaggi kbar għall-kompetizzjoni.
Barra minn hekk hemm wkoll in-nuqqas ta’ ċarezza fuq termini legali li ma jagħmluhiex possibbli li negozjant jipprevedi eżattament x’se jkun il-prezz aħħari ta’ kull tranżazzjoni. Dan meta suppost hu suq ħieles u r-regolamenti jgħoddu l-istess, kullimkien.
L-aktar li jsofru b’dan kollu huma n-negozji ż-żgħar għax il-kbar jifilħu jqabbdu l-esperti li jħollulhom il-kobob legali u tekniċi. Infiq fuq dan kollu għall-kbar jintilef meta x-xogħol ikun fuq kuntratti kbar. Għaż-żgħir, imma, dawn huma problemi bla qies, iqumu ħafna u jnaqqxu ħafna fuq l-prezz tal-prodott jew servizz tant li ma jagħmluhx kompetittiv.
Għalhekk is-suq wieħed Ewropew għadu suq dominat mill-intrapriżi l-kbar. Iż-żgħar fil-fatt għadhom ikkonċentrati l-aktar fis-swieq interni ta’ pajjiżhom.
Il-piżijiet li għadhom isofru l-kummerċjanti li jikkummerċjalizzaw prodotti bejn pajjiżi Ewropew u ieħor għadhom enormi u jagħmel tajjeb għalihom il-konsumatur. Il-kummerċjant ma jarax xi vantaġġi li jikkumpensaw għall-piżijiet u xkilijiet li jsib. L-infiq żejjed jgħaddihom imma l-konsumatur qed ikun imċaħħad minn għażla ikbar u prezzijiet aħjar. Il-pajjiżi qed isofru mill-impatt negattiv li jġib miegħu t-tfixkil fis-suq ħieles għax dan it-tfixkil mhux għajr forma sublimi ta’ protezzjoniżmu.
Min jirrappreżenta lill- ħaddiema jaħseb li dan l-ixkiel jipproteġi l-impjiegi. Fil-verità iżda joħnoq il-prosperità u l-ħolqien ta’ mpjiegi ġodda.
Min bħali llum hu attiv fuq livell Ewropew fl-oqsma tal-kummerċ jaf kif organizzazzjoni bħall- EuroCommerce, li hi l-organizzazjoni Ewropea li tirrappreżenta s-settur tar-retail, tal-wholesale u tal-kummerċ u li tagħha jien membu tal-Eżekuttiv Ewropew, qed tagħmel sforzi kbar biex jitneħħew l-intoppi kbar li baqa’ biex is-suq wieħed Ewropew ikun verament suq ħieles.
Mhux faċli iżda li dan isir malajr għax huma wisq l-interessi. Ħafna drabi l-politiċi, imbuttati mill-interessi ta’ gruppi b’saħħithom f’pajjiżhom, jgħidu ħaġa u jwettqu oħra. Aħna nbatu biex nispjegaw li llum ħafna battalji jridu jintrebħu fi Brussel. In-negozjant Malti għalhekk irid bilfors ikun rappreżentat fil-fora Ewropej u rappreżentant b’nies ta’ kalibru.
Imma pajjiżna donnu mħawwad dwar kwistjonijiet bħal dawn. Jien insegwi l-pożizzjonijiet li tieħu Malta f’livell Ewropew. Ninnota nuqqas serju ta’ konsistenza. Malta ma baqgħalha xejn xi tgawdi mill-protezzjoni u ħafna xi tgawdi mis-suq ħieles Ewropew. Aħna rridu minn dan is-suq. Malta stagħniet matul is-sekli kulmeta l-kummerċjant Malti kellu l-ħila jinnegozja f’suq ħafna u ħafna ikbar minn tagħna. Malta tirbaħ aktar milli titlef aktar ma’ l-Ewropa tneħħi l-ixkiel żejjed li jżommha fi stat ta’ protezzjoniżmu.
Sfortunatament iżda forzi b’saħħithom, kemm minn naħa tat-trade union, kif ukoll minn naħa tal-monopolji industrijali antiki, jistinkaw bil-mezzi kollha tagħhom biex idawru l-arloġġ lura.
Malta m’għandhiex tinqabad f’din il-logħba. L-istorja millennja ta’ Malta turina li meta aħna konna kapaċi ninnegozjaw il-prodott ta’ ħaddieħor u nbigħuh f’suq ħieles. Malta mxiet ’il quddiem.
Aħna kummerċjanti. Il-logħba tas-suq wieħed ħieles Ewropew malajr nitgħallmuha. Imma mhux bil-kumplikazzjonijiet ta’ sistemi riġidi li jagħmluha diffiċli għan-negozji ż-żgħar li jimirħu u jfendu. Ma nifhem qatt jien kif Malta ħafna drabi tilgħab il-logħba tal-kbar.
L-Ewropa llum qed tkun dominata minn mewġa ta’ protezzjoniżmu fuq livell nazzjonali u d-dħul ta’ aktar pajjiżi li sa lbieraħ kienu Komunisti, mhux jgħin biex ir-riħ tal-liberaliżmu jonfoħ aktar. Importanti li fl-2007, aktar minn qatt qabel, li t-tmexxija Ewropea jkollha l-viżjoni u l-kuraġġ politiku li jsarrfu l-kliem f’azzjoni.
Post Malta hu maġenb min għandu il-viżjoni u l-kuraġġ għall-bidla.
’Il quddiem mhux lura.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt