L-involviment ta’ l-Amerikani fl-Iraq kien traġiku u żbaljat mill-bidu tiegħu. Ma ħadux deċiżjoni waħda li ma komplietx tgħarraq u tkabbar is-sitwazzjoni, sakemm illum qegħdin nassistu għal spettaklu ta’ demm u mwiet ta’ gwerra ċivili u fratriċidja. It-tgħalliq ta’ Saddam Hussein kien il-quċċata ta’
l-iżbalji.
Kien jagħmel aktar sens li sparawlu meta sabuh f’dik it-toqba taħt l-art, bl-iskuża li pprova jisparalhom milli għallquh quddiem pubbliku globalizzat. Iżda fl-istil tal-Far West meta kienu jieħdu r-ritratti lil kull kriminal billi jwaqqfuh bil-wieqfa ħdejn it-tebut, l-Amerikani jgħidu x’jgħidu, riedu jagħmlu spettaklu mill-mewt ta’ Saddam.
Kienu għamlu xi ħaġa simili meta nqatel Che Guevara fil-ġungla tal-Bolivia, għalkemm ma hemmx paragun bejn Che u Saddam.
Inutli li l-Amerikani jippruvaw jaħslu idejhom mill-mod kif ġiet esegwita s-sentenza. It-Tribunal li ġġudika lil Saddam u oħrajn, għamlu x’għamlu l-akkużati fl-iżbarra, sa mill-bidu tiegħu kien farsa, b’avukati u mħallfin jinbidlu jew jinqatlu l-ħin kollu u b’mijiet ta’ nies imutu kuljum kantuniera ’l bogħod minn fejn kien qiegħed isir il-proċess. Għalhekk, proċess li mill-bidu tiegħu kien traġiku u komiku fl-istess ħin ma setax ma jkollux l-istess tmiem.
Għandi dubju wkoll kemm kien leġittimu t-tribunal li ġġudika lil Hussein. Min kellu jiddeċiedi, u min ħatar lil min jiddeċiedi, kellu wisq interess fil-każ, kontra l-prinċipju bażiku tal-ġustizzja naturali, li ħadd ma jista’ jkun imħallef f’kawża li għandu interess. Bħalma ġara fil-ħafna kriminali tal-gwerra fil-Jugoslavja, Saddam messu tħalla f’idejn il-Qorti Internazzjonali, fejn żgur kien jidher li qiegħed jingħata aktar ġustizzja; fejn il-piena tal-mewt hi skartata u forsi, min jaf, kien imut ‘mewta naturali’ fiċ-ċella bħal Slobodan Miloseviç.
Iżda l-arkitetti wara din il-farsa internazzjonali riedu li kollox ikun “Made in America”. Wara kollox l-istess Amerikani dejjem ħarġu li joqogħdu għall-obbligi internazzjonali tagħhom. Bħal, per eżempju, li ma jridux joqogħdu għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Internazzjonali Kriminali f’każ li suldat Amerikan iwettaq att kontra l-umanità.
B’ebda mod ma rrid niġġustifika dak li għamel Saddam fl-Iraq, anke meta għal żmien twil kellu l-appoġġ ta’ l-Amerikani li fejn qablilhom għalqu għajnejhom. Iżda rrid ngħid li jekk għal min jaqbel mal-piena tal-mewt oġġettivament, jemmen li Saddam kellu jmut, għall-komunità internazzjonali b’mod suġġettiv ma kienx jaqbel.
Biex infakkar, meta Saddam inqabad jinħeba, l-opinjoni kienet li hu beżżiegħ. Filwaqt li saħansitra uliedu mietu għal kawża, Saddam deher qiegħed isalva ġildu. Issa, b’Saddam b’wiċċ ta’ sfida quddiem l-ingassa, Saddam ġie umanizzat tant li l-parti l-kbira ta’ l-opinjoni pubblika esprimew li huma kontra l-mewt tiegħu. Mhux biss għax illum hemm ħafna kontra l-piena tal-mewt, iżda wkoll għax ix-xena ta’ Saddam fuq il-forka nisslet sens ta’ ħniena f’ħafna nies – ħniena li fil-fehma tiegħi, Saddam ma tixraqlux.
Jiena kontra l-piena kapitali. Favur piena għal għomor il-ħabs mingħajr ebda ċans ta’ maħfra. Saddam kien jimmeritah din ix-xorta ta’ piena għal dak li għamel lill-poplu tiegħu.
It-tgħalliq ta’ Saddam bagħat messaġġ ikrah ħafna anke fuq pjan ta’ ġustizzja internazzjonali, ippilotata mill-unika super-potenza, dik Amerikana, li qiegħda timxi b’żewġ qisien u żewġ kejliet. Il-kejl hu wieħed, għal dawk id-dittaturi li ma jimxux id f’id mal-politika Amerikana hemm l-ingassa tistennihom. Għal dawk id-dittaturi li lesti jaqdu l-interessi Amerikani mill-koxxa, jitħallew jgħaffġu d-drittijiet tal-popli tagħhom.
Din ix-xorta ta’ trattament diskriminatorju tidher ċara f’ħafna mill-ex-repubbliki ta’ l-Unjoni Sovjetika fejn issib dittaturi spjegati, iżda għax għandhom politika pro-Amerikana qisu ħadd ma jista’ jmisshom.
Insemmi fost oħrajn lil Islam Karimov ta’ l-Użbekistan li jispeċjalizza fit-tortura ta’ dawk li jgħidu kontra tiegħu u mela lil pajjiżu bl-istatwi tiegħu.
Insemmi lil Niyasov tat-Turkmenistan li għadu kemm miet. Tistgħu timmaġinaw bniedem li jsemmi x-xhur tas-sena għalih u l-membri tal-familja tiegħu minflok iħalli dawk tal-kalendarju Gregorjan? Tistgħu taħsbu x’xorta ta’ dittaturi kienu! Għal dawn id-dittaturi l-forka qatt ma tasal, ta’ l-inqas żgur ma tkunx “Made in America”.
Tħares kif tħares lejn il-mewt ta’ Saddam, kienet negattiva minn kull aspett. Iżda mhux kulħadd għandu l-istess destin. Hawn dittaturi li jmutu fi Piazzale Loreto bħal Mussolini imdendlin rashom ’l isfel bis-suldati Amerikani jassistu għall-ispettaklu, u hawn oħrajn imutu imdawwrin bil-familja, fis-sodda, fil-paċi – bħal Augusto Pinochet.
Peppi
Il-piena kapitali għalija hi qtil ippjanat bid-differenza li l-persuna tkun infurmata bid-data u l-ħin tad-delitt faħxi. Il-piena tal-mewt hi oxxena iktar minn kull qtil makabru ieħor. Inqisha bħala l-iktar att kriminali oxxen li qatt jista’ jinżel fih il-bniedem.
Le, ma naħsibx li George W. Bush jew missieru jew Hitler jew Saddam Hussein għandhom, jekk kellhom, jingħataw il-piena tal-mewt.
X’inhi l-unika raġuni li wieħed jista’ jaċċetta l-piena tal-mewt?
Għax iservi bħala deterent biex tnaqqas il-kriminalità. Delitt ma jitwettaqx għax il-persuna tibża’ twettqu minħabba l-piena kapitali. Gidba.
Il-fatt: Fl-Istati Uniti, fejn hemm stati li għandhom il-piena oxxena tal-mewt, hemm aktar kriminalità minn dawk l-Istati li m’għandhomx.
U tagħmel sens. Min iwettaq delitt jaħseb li mhux se jinqabad, jew jekk jaħseb li se jinqabad, tant ikun disprat li bilkemm ma jkunx jixtieq li xi ħadd itemmlu ħajtu jew ħajjitha.
Persuna li qed toqtol lilha nnifsiha kuljum bid-droga u tittraffika d-droga biex isostni l-vizzju misħut tagħha, kif se tibża’ mill-piena tal-mewt?
Hi biss vendikazzjoni ta’ soċjetà li tkun ħolqot il-mostri fi ħdanha u biex ma tħosshiex ħatja trid teħles minnhom. Għax ma saqajna, ifakkruna li aħna ħloqnihom. Missna nistħu!
Meta titwettaq xi piena kapitali ma nkunx nista’ norqod. Bħalissa fid-dinja hawn aktar minn 25,000 ruħ jistennew il-piena tal-mewt.
L-istennija. Imma kif tista’ tissejjaħ bniedem u fl-istess ħin tħalli persuna tistenna l-piena tal-mewt għal 24 sena? U toqtlu għax ikun imissu fil-kjù ta’ dawn l-atroċitajiet?
Ma niflaħx l-argument li jista’ jkun persuna innoċenti. Dan argument perikuluż li qisu jiġġustifika l-piena tal-mewt jekk il-persuna tkun ħatja.
Qisek bħal meta tiġġustifika l-qtil ta’ suldat għax bl-uniformi. Qisu ġo l-uniformi m’hemmx bniedem li għandu omm, missier u ulied.
Imma x’għarukaża. Tat-twerwir!
F’dan il-kuntest lanqas biss nista’ niddiskuti jekk Saddam Hussein kellux jieħu l-piena tal-mewt jew le. Iżda minn din l-istorja toħroġ il-krudeltà ta’ piena bħal din. Fuq il-media bħal donnha d-diskussjoni tidher diżgustata għax:
- Bdew jgħajru lil Saddam qabel tgħallaq
- Għax ġera filmat fuq l-internet
- Għax ried il-fuċilazzjoni u sfidawh billi għallquh
- Għax kellu ġuri vizzjat
Dawn huma argumenti perikulużi għax kollha qed jaqbżu l-iktar ħaġa atroċi.
Il-piena tal-mewt.
Fid-diskussoni qisna qed ngħidu ‘Għamlu ħażin mhux li qatluh imma li ffilmjawh. Kienet atroċi għax qabel miet qagħdu jgħajruh.’ Dawn l-argumenti jaqbżu l-iktar ħaġa oxxena li ġrat. Il-piena tal-mewt.
Nitqalla u nitqażżeż meta fil-filmat ta’ Saddam tara lil wieħed milli assistieh jagħmillu xugaman biex il-ħabel ma jweġġgħux jew jobroxlu għonqu. Imma xi krudeltà! Ma tigriflux għonqu u ħames minuti wara toqtlu? Għax għandu jmut b’dinjità. Mingħajr tbatija.
Qisha t-tbatija mentali li tistenna l-mument li jinjettawk fl-ambjent ta’ sptar u joqtluk ma jistax ikun aktar krudili?
Iva, kieku Saddam Hussien qatilli lil ibni, lil marti, lil ħija u lil ommi, aktarx inkun nixtieq li nittorturah u noqtlu bil-mod. Iżda l-kumplament tas-soċjetà qatt ma għandha tikkuntenta l-għatx tagħha għall-vendetta billi tiċċelebra l-piena kapitali.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt