14 ta' Jannar 2007 • Nr 11

Arkivji




 

14 ta' Jannar 2007
Uff xi sħana… u bir-raġun!

Kurt Sansone

Jekk qed tisħet is-siegħa u l-mument li xtrajt kowt biex tgawdih fix-xitwa għandek raġun għax Diċembru li għadda kien l-iktar wieħed sħun sa mill-1963 b’temperatura medja ta’ 16-il grad Celsius.
Jidher li t-temp sħun se jkompli jaħkem anki f’dan ix-xahar ta’ Jannar bl-esperti jinnutaw ukoll għadd ta’ xtieli u siġar, bħal-lewż, jarmu qabel iż-żmien.
Iżda lil hinn mit-temp sħun ta’ bħalissa, analiżi taċ-ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Meteoroloġiku turi li t-temperatura medja żdiedet b’minn ta’ l-inqas grad mis-Sebgħinijiet sal-lum.
Bejn l-1971 u l-1980 it-temperatura medja kienet ta’ 18.36 grad Celsius. Għoxrin sena wara, fid-Disgħinijiet, it-temperatura medja telgħet għal 19.36 grad Celsius.
Mhux ta’ b’xejn li min għex tfulitu fis-snin ta’ wara l-gwerra jiftakar sjuf bi ġranet sħan u jissaporti
x-xemx tiżreġ fuqu mingħajr il-problemi ta’ llum.

Żieda ta’ grad tista’ ma tfissirx wisq, iżda skond rapport li ħarġet din il-ġimgħa l-Kummissjoni Ewropea, żieda ta’ 2.2 grad Celsius fiż-żmien li ġej tista’ twassal għall-mewt ta’ madwar 29,000 anzjan iktar fis-sena fl-Ewropa t’Isfel minħabba s-sħana.
Antoine Vella, lecturer fl-Istitut ta’ l-Agrikoltura fl-Università ta’ Malta hu tal-fehma li f’Malta għad m’għandniex informazzjoni biżżejjed fuq kif il-bidla fil-klima qed jolqot l-ambjent Malti.
“Jiddependi f’liema staġuni qed tiżdied it-temperatura u din trid tkun analizzata fuq medda ta’ snin. Iżda m’hemmx dubju li d-dinja qed tisħon u dan se jkollu effett ukoll fuq l-agrikoltura u l-ambjent Malti,” sostna Vella ma’ din il-gazzetta.
Skond Vella, temp iktar sħun iwassal għal żieda fl-evaporazzjoni ta’ l-ilma bil-konsegwenza li tiżdied in-nixfa. “Fil-Mediterran se nibdew naraw sitwazzjoni ta’ perjodi twal ta’ nixfa akkumpanjati minn perjodi qosra ta’ xita qliel,” jgħid Vella.
Bidla fit-temp tista’ twassal ukoll għal ‘invażjoni’ ta’ pjanti u ħxejjex li qatt ma kibru f’Malta u għalhekk l-ambjent u l-agrikoltura jkollhom jgħaddu minn perjodu ta’ taqlib sakemm jerġa’ jinstab il-bilanċ.
Iċ-ċifri ta’ l-Uffiċċju Meteoroloġiku juru li t-temperatura medja bejn l-1931 u l-1940 kienet ta’ 18.65 grad celsius u din baqgħet tiżdied fl-10 snin ta’ wara. Iżda mill-bidu tal-Ħamsinijiet sa l-aħħar tas-Sebgħinijiet it-temperatura medja qabdet it-triq tan-niżla, fenomenu li ma kienx reġistrat biss f’Malta.
Fil-fatt xjenzati jitkellmu dwar il-fenomenu msejjaħ global dimming fejn għal xi żmien wara l-gwerra d-dinja bdiet tiksaħ minkejja l-ammont ikbar ta’ ossidu tal-karbonju (CO2) li l-bniedem beda jitfa’ fl-arja u li jaħti għall-effett serra li jwassal għal temperaturi iktar sħan. Dan seħħ għax flimkien ma’ l-ossidu tal-karbonju t-tniġġis ta’ l-arja kien jinkludi wkoll nugrufun u partiċelli oħra li għenu biex ir-raġġi tax-xemx ma jilħqux il-wiċċ tad-dinja.
Iżda mill-bidu tat-Tmeninijiet lil hawn, meta l-bniedem beda jipprova jikkontrolla t-tniġġis u jnaqqas id-dħaħen fl-arja, kulma ġara kien li naqas in-nugrufun iżda mhux l-ossidu tal-karbonju bil-konsegwenza li t-temperaturi reġgħu bdew jitilgħu.
Mill-analiżi tat-temperaturi ta’ dawn l-aħħar 60 sena jidher li anki f’Malta kien reġistrat dan il-fenomenu tant li t-temperatura medja għoliet u jidher li se tkompli togħla fiż-żmien li ġej jekk ma jsir xejn biex jonqos l-ammont ta’ ossidu tal-karbonju li nitfgħu fl-arja.
L-ossidu tal-karbonju huwa l-gass li l-bniedem jitfa’ ’l barra meta jieħu n-nifs iżda huwa wkoll il-gass li joħroġ mad-dħaħen tal-karozzi u l-power stations. Bil-kontra tal-bniedem, il-pjanti jsaffu l-arja mill-ossidu tal-karbonju.

ksansone@mediatoday.com.mt

 

Il-bidla fil-klima tinkwieta lill-Gvern

Karl Stagno-Navarra

Il-Gvern waqqaf kumitat inter-ministerjali bl-iskop li jilqa’ kontra l-effetti drammatiċi li jistgħu jolqtu lil Malta fis-snin li ġejjin minħabba ż-żieda fit-temperatura dinjija (global warming), partikolarment fl-Ewropa u l-Mediterran.
Sensiela ta’ studji u rapporti li tħejjew minn esperti huma rappurtati li “xxukkjaw” lill-Gvern, tant li twaqqaf apposta kumitat inter-ministerjali bl-iskop li tkun ikkoordinata politika nazzjonali li tħares il-klima u l-effetti tagħha fuq l-ekonomija u l-għajxien ġenerali tal-popolazzjoni.
Staġuni strambi, ħafna xita f’daqqa’ bil-konsegwenza ta’ għargħar, sjuf twal u aktar sħan, żieda fil-livell tal-baħar, agrikoltura fqira, migrazzjoni ta’ ħut lejn ibħra aktar kiesah, migrazzjoni ta’ turisti lejn it-Tramuntana ta’ l-Ewropa, aktar domanda għall-enerġija, żieda fl-imwiet ta’ anzjani u spiża multi-miljunarja biex tagħmel tajjeb għall-ħsarat kollha kaġunati mill-ġenn fil-klima huma biss uħud mill-effetti li kapaċi jolqtu lil Malta, li tinsab f’żona tad-dinja li qed tkun meqjusa bħala fost l-aktar vulnerabbli biex tintlaqat mill-effetti taż-żieda fit-temperatura dinjija.
F’kummenti lil din il-gazzetta l-Ministru għall-Ambjent George Pullicino sostna li l-Gvern hu politikament impenjat li jirrispondi għal dan il-fenomenu.
“Il-bidla fil-klima dinjija hi priorità ta’ kulħadd inkluż aħna. Għalina m’hix biss responsabbiltà soċjali iżda dmir li nħarsu l-ambjent f’mod sostenibbli,” sostna George Pullicino.
Il-Ministru għall-Ambjent insista li fil-ħidma tiegħu l-Gvern Malti hu impenjat li jirrispondi għall-impenn ta’ l-Unjoni Ewropea li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet tossiċi fl-atmosfera.
Ta’ l-istess opinjoni hu d-Direttur ta’ l-Ambjent Christopher Ciantar li qed imexxi l-kumitat interministerjali li jispjega kif bil-kollaborazzjoni ta’ uffiċjali minn kważi l-ministeri kollha, qed issir ħidma koordinata fit-tfassil u t-twettiq ta’ politika li tirrispetta l-ambjent fiż-żminijiet tal-lum u fil-ġejjieni.
“Il-Gvern Malti tant hu konxju minn din ir-realtà li fit-tfassil tal-politika tiegħu f’kull settur, qed jittieħdu f’konsiderazzjoni l-implikazzjonijiet fuq il-klima” spjega.
Id-direttur tal-MEPA Martin Seychell ikkummenta li wasal ż-żmien li kull Malti u Għawdxi jagħraf ir-responsabbiltà tiegħu lejn il-ħarsien ta’ l-ambjent f’dak kollu li jagħmel.
“Din m’hix biss responsabbiltà tal-Gvern iżda ta’ kulħadd” sostna, filwaqt li żied fuq il-ħtieġa li kulħadd jifhem li l-prezz li l-pajjiż ikollu jħallas ’il quddiem jekk ikun traskurat lejn l-ambjent se jkun għoli ħafna.
Bl-Afrika jkun il-kontinent li se jintlaqat l-aktar mill-fenomenu ta’ żieda fis-sħana matul l-20 sena li ġejjin, hu mistenni ċaqliq enormi ta’ nies lejn it-Tramuntana, b’żieda drammatika fl-immigrazzjoni klandestina, b’Malta tkun l-ewwel art fir-rotta migratorja.
Rapport li tfassal mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-implikazzjonijiet taż-żieda fit-temperatura dinija, ipinġi stampa drammatika ta’ dak li l-kontinent Ewropew jista’ jiffaċċja sa 70 sena oħra. L-impatt ekonomiku fuq il-pajjiżi msieħba fl-UE hu straordinarju u kapaċi jlaħħaq biljuni ta’ Euro.
Huma diversi l-pajjiżi msieħba fl-UE li waqqfu kumitati ta’ esperti bl-iskop li jwieġbu għas-sitwazzjoni, bl-Italja tħabbar il-ġimgħa li għaddiet li sejħet lill-esperti biex ilesti rapporti dwar il-fenomenu.



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt