14 ta' Jannar 2007
Lura Malta b’ambizzjoni internazzjonali
Hu l-goalkeeper tat-tim Nazzjonali. Hu l-persuna li taqa’ fuqu l-akbar responsabbiltà. Hu l-istess persuna li ma jista’ jissogra qatt jitlef imqar il-konċentrazzjoni għal sekonda waħda għax warajh hemm biss ix-xibka.
Mhu ħadd ħlief Justin Haber. Iltqajt miegħu t-Tlieta li għadda. L-appuntament kien maħsub għan-12.30pm fil-ġnien ir-Re Ġorġ Ħamsa fil-Floriana. Ittardja għax qalli li nqabad mal-kowċ il-ġdid tiegħu, Brian Talbot, f’sessjoni ta’ taħriġ. Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn deher għajjien. Ma riedx iħallini nistenna aktar tant li pparkja fuq il-yellow line b’sogru li jeħel xi ċitazzjoni.
Sakemm imxejna f’post aktar kwiet lejn in-naħa ta’ ġewwa tkellimna ftit fuq kollox. Filwaqt li jgħidli li reġa’ qabad ir-rutina tal-ħajja lokali, ninnutah iħares madwaru fil-post fejn bħala persuna qatta’ ħafna mill-ħin ta’ tfulitu. Jgħidli li dan il-ġnien jiftakru ħafna differenti milli hu bħalissa. Għajnejh dehru jleqqu u kultant jibqa’ ċass lejn postijiet partikolari. Għal ftit sekondi n-nostalġija li ħakmitu għelbet kull ħaġa oħra sakemm poġġejna fuq bank lejn in-naħa ta’ ġewwa.
“Min jaf kemm-il tkaxkira ħadt fuq din l-art. Dan huwa post li ma ninsih qatt. Hawnhekk għamilt l-ewwel ħbieb tiegħi u kien fundamentali fil-karriera tiegħi biex illum, wasalt fejn wasalt. Lil Furjana nħobbha wisq.”
Fil-mument tgħaddi persuna. Dehret ta’ l-età tagħna. Stajt nobsor li kien xi ħadd Furjaniż li seta’ ma kienx jafu personalment iżda ried joħodlu b’idu u jawguralu fir-ritorn tiegħu f’pajjiżna. Anki jekk ilu ftit mhux ħażin nieqes mit-tim tal-futbol tal-lokal il-konvinzjoni fil-mod ta’ kif ħadlu b’idu kienet xhieda biżżejjed biex tindikali li Justin għadu idolu fost il-Furjaniżi.
Sibna post għall-kwiet. Fuq in-naħa xellugija tagħna l-ħdura ta’ l-istess ġnien u fuq dik leminija l-ħarsa t’għajnejna tagħtina waħda mill-isbaħ veduti li joffi pajjiżna bil-baħar li jlebbet fil-Port il-Kbir. Faċċata tagħna Kastilja bil-bandiera Maltija tperper mar-riħ li bħal donnu qam f’daqqa. Għal siegħa ħarisna lejn dan il-bini. Minn dan l-angolu deher li bħala l-post li jospita fih lill-Prim Ministru, għandu bżonn ħasla mhux ħażin bis-swidija li nġemgħet fuqu.
Beda billi qalli li ħafna nies jaħsbuh kwiet iż-żejjed u kultant stramb, imma mhux il-każ.
“Jien aktar bniedem kummidjant u dejjem moħħi biex niċċajta. Il-baħar l-għaxqa tiegħi u nħobb l-iscuba diving. Fix-xitwa meta ma nkunx impenjat bil-futbol inħobb insegwi l-partiti ta’ barra minn Malta. Bniedem relaxed ħafna.”
Justin Haber twieled fid-9 ta’ Ġunju 1981. Iben Lino u Sylvana u ħu Pearl. Għarus lil Racel Camenzuli, waħda mill-preżentatriċi tal-programm tal-futbol internazzjonali Kick-Off. Racel tfajla Slimiża u hija plejer Nazzjonali wkoll tal-basketball. Fuq livell ta’ club, tilgħab ma’ Rabat Depiro. Fil-qasir jispjegali kif kienu dawn l-aħħar erba’ snin kemm ilu joħroġ magħha.
“Racel tfajla sabiħa ħafna. Tissapportjani ħafna għax hi plejer bħali u tifhem il-mumenti li fihom nista’ nkun nervuż u b’hekk ħaġa ma ngħiduhiex lil xulxin darbtejn. Imma ġieli tqabbiżhieli wkoll. Meta kont Franza kienet titla’ kull xahar u l-Belġju telgħet ħdejja wkoll. Ninsab kuntent ħafna magħha.”
Kien diġà qalli li konna ninsabu fil-post fejn ta l-ewwel daqqa ta’ sieq lill-ballun u konxju minn dan nistaqsih x’jiftakar minn tfulitu u kif beda l-karriera tal-futbol.
“Niftakar li meta kelli seba’ snin, in-nannu ħadni nara partita bejn il-Hibs u l-Belt. Niftakar li konna fil-Valletta side l-antika. Dakinhar tant kemm kien hemm support u briju li lanqas biss għidt kelma. Bqajt impressjonat. Minn dakinhar bdejt nilgħab l-iskola De La Salle bħala plejer. Niftakar li missieri kien ħadni wkoll nara l-partita bejn Malta u l-Italja fl-1990. Hemmhekk kont għidt lil missieri biex jiktibni fin-nursery ta’ Floriana. Bdejt nilgħab bħala plejer sakemm għamilt auto-goal waqt sessjoni ta’ taħriġ u għal tliet ġimgħat ma nżiltx għat-taħriġ. Goalkeeper tkun differenti mill-kumplament u dik xi ħaġa li jien inħobbha għalkemm fiha aktar riskju.”
Insaqsih kif ġieh iċ-ċans li jilgħab barra minn Malta u jekk dejjem kinitx il-ħolma tiegħu.
“Bħala esperjenza kienet diffiċli imma sabiħa. Franza kelli l-problema tal-lingwa u ma kontx imdorri nilgħab f’dik il-kesħa li kien hemm. Ħajja li fiha trid taħseb kollox għalik, inkluż l-ikla tad-dar u l-ħasil tal-ħwejjeġ. Maż-żmien bdejt noqgħod imma. Minn dan kollu ħarġu affarijiet pożittivi għax tgħallimt il-faċendi tad-dar ukoll.
“Il-Belġju kont aktar ippreparat x’se nsib u n-naħa li kont nilgħab jien kienu jitkellmu bil-Franċiż ukoll. Jiddispjaċini biss għall-mod kif spiċċaw l-affarijiet.”
Għalkemm Justin għadu kemm iffirma kuntratt ta’ ħames xhur ma’ Marsaxlokk deher li l-priorità tiegħu tibqa’ dik li jerġa’ jilgħab barra minn xtutna. X’kienet il-kawża li minħabba fiha spiċca Malta?
“Affarijiet normali tal-futbol. Magħhom iffirmajt daqsxejn tard għax kont Sheffield u l-ewwel erba’ logħbiet lagħabhom il-goalkeeper l-ieħor. Lgħabt it-tliet partiti li kien imiss jien u fihom ħadna rebħa, telfa u draw. Kien imissni niġi Malta għall-partita ta’ l-Ungerija li rbaħna u bir-raġun li mmur lura kuntent.
“Fl-istess jiem it-tim kien reġa’ tilef u l-kowċ qisu ħadni fuq demm id-dars għax rani kuntent. Erġajna lgħabna kontra Antwerp u tlifna 2-0 u minn dak inhar lagħab il-gooalkeeper l-ieħor partita wara oħra. Kont jien li ddeċidejt li nikser il-kuntratt għax bdejt niġi njorat mill-kowċ u ma kienx jagħti kasi bħal qabel u bil-kemm beda jkellimni.
“Biex tgħaxxaqha, missier it-tfajla tal-goalkeeper li beda jilgħab floki huwa l-kaxxier ta’ l-istess club. Iddeċidejt niġi Malta għax il-logħba li jmissna hija fit-28 ta’ Jannar u jekk indum wieqaf daqshekk nissogra anki nitlef posti mat-tim Nazzjonali u minn barra hekk jingħalaq il-perjodu tas-suq tat-trasferimenti. Issa dak għadda u spiċċa u rrid naħseb biss f’Marsaxlokk. Imbagħad fis-sajf naraw.”
Il-Belġju jibqa’ sinonimu ma’ Carmel Busuttil, wieħed mill-aqwa plejers li qatt kellu pajjiżna. Fiż-żmien li Justin dam hemm, sema’ ħafna kliem sabiħ fuqu.
“Għadu famuż ma’ kulħadd. Apparti li kien plejer kbir, man-nies kien umli ħafna. Lili wittieli t-triq. Kif għidtilhom li jien Malti l-ewwel ma qaluli mhux kif jien, imma kif inhu Carmel Busuttil. Il-Bużu kien jilgħab fin-naħa l-oħra tal-pajjiż imma kienu jafu bih ħafna fejn kont jien ukoll. Ħlief kliem ta’ tifħir qatt ma smajt fuqu.”
Forsi l-akbar opportunità fil-karriera ta’ Justin kienet dik ma’ Sheffield United.
“Irrid nagħmilha ċara li l-ħsieb tiegħi qatt ma kien li nilgħab fil-Premiership Ingliż. Dejjem xtaqt li jkolli ħajja professjonali. Niftakar li darba kelli logħba tajba ħafna kontra Paris St. German u kien hemm bniedem barra li baqa’ jistennieni biex jgħidli nkunx interessat f’avventura ġdida. Wara ftit taż-żmien kien ċempilli u qalli li Sheffield Utd tefgħu għajnejhom fuqi. Magħhom lgħabt żewġ logħbiet.
“Wara ftit taż-żmien, il-kowċ Neil Warnock kien tkellem miegħi u qalli li biex nilgħab f’dawn il-livelli diffiċli ħafna u konna ftehimna biex jirranġali ma’ Barnsley. Imma sid l-istess club kien ġab it-tielet goalkeeper ta’ Arsenal u l-ħolma kellha tieqaf hemm. Imma kien Warnock stess li rranġali mat-tim Belġjan. Għad għandi relazzjoni tajba ħafna miegħu. Issa rrid nikkonvinċi lil Talbot biex jipprova jsibli xi club barrani.
“Nammetti li fl-Ingilterra diffiċli wisq. Il-goalkeepers kollha twal fuq sitt piedi taqta’ Shay Given li għandu l-istess statura tiegħi. Issa kollox jiddependi minni.”
Nitkellmu fuq Malta u l-futbol lokali. U Justin ma jaħbix il-fatt li għalkemm lagħab ma’ diversi clubs differenti, Furjana tibqa’ l-aktar għażiża għalih.
“Furjaniż kont, għadni u nibqa’. Kburi li Furjaniż għax jien trabbejt hawn u l-ewwel club tiegħi kien Floriana FC. Kienu l-ewwel tim li tawni ċ-ċans nilgħab fil-Premier. Forsi xi darba nerġa’ nilgħab ma’ Floriana. Kieku l-kumitat preżenti m’għamilx din il-kummiedja u tkellem ħafna biex ineħħi lil Grech Sant, kieku llum għandhom tim li lanqas joħolmuh. Kien hemm min beda jimla’ ras il-plejers iż-żgħar b’wegħdi fuq xogħlijiet. Għamlu rewwixta mal-partitarji biex ineħħu lil Grech Sant u rebħu għax bdew iparlaw ħafna żejjed.
“Jista’ jkun li Grech Sant kellu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu imma huma bdew jaraw il-ħażin biss. Ma kienx ħaqqu hekk. Jekk Tony Grech Sant jerġa’ jsir president ta’ Floriana, jien nerġa’ nsir plejer ta’ Floriana.”
Sar ħafna diskors ukoll dwar Haber u t-tmiem tiegħu ma’ Birkirkara. Xtaqt inkun naf x’ġara mingħand il-persuna nvoluta u x’kienet il-kwistjoni eżatta ma’ Stephen Azzopardi.
“Ħafna plejers li konna ma’ Floriana spiċċajna ma’ Birkirkara. Għad għandi relazzjoni qawwija mal-Karkariżi għax kienu jħobbuni. Ma nista’ ninsa qatt bniedem bħal Wenzina għax mingħandu dejjem rajt rispett u nqisu bħala t-tieni missier tiegħi. Il-kumitat dejjem stmani wkoll.
“Tlaqt fuq kwistjoni li jsib normalment plejer tal-futbol fil-karriera. Stephen Azzopardi huwa kowċ kbir u l-kwalifiki li għandu huma prova ta’ dan kollu. Fiż-żmien tiegħi kien jiġġieled mal-kurrent. Imma għandu żvantaġġ li qatt ma kien plejer u meta plejer ikun għaddej minn ċerti affarijiet ma jifhmux u flok jipprova jgħin lil dak li jkun, jispiċċa jgħerrqu aktar. Nibqa’ nirrispettah sal-lum għal għomri.
“Bħal kull kowċ fid-dinja hu għandu l-plejers preferiti wkoll u jien għax il-familja tiegħi Furjaniżi kien tefagħni mal-black sheep. Imma kulma qalli dejjem għamiltu u meta lgħabt dejjem tajt il-mija fil-mija tiegħi. Nibqa’ nirrispettah bħala kowċ u mhux bħala ħabib.”
B’dak li qalli jagħtini x’nifhem li l-flokk ta’ Birkirkara mhu se jilbsu qatt aktar f’għomru.
“Qatt tgħid qatt. Victor Zammit kien ċempilli s-sena l-oħra u qalli nkunx interessat jekk kemm-il darba Mario Petrone jkun il-kowċ ta’ Birkirkara dan l-istaġun. Mill-ewwel għidtlu iva. Imma ma kellux ikun hekk.”
Issemma ħafna wkoll li Justin seta’ jiffirma mas-Sliema aktar milli Marsaxlokk. Jagħmilhieli ċara li l-ewwel raġuni kienet għax Brian Talbot wiegħdu li se jgħinu f’kollox.
“Għandu fiduċja sħiħa f’Talbot u nħoss li għandi nafdah. U ma’ dan Victor Sciriha offrieli kuntratt aħjar. Mas-Sliema hemm Murphy Akanji li fadallu sitt xhur kuntratt u kienet se tkun ftit diffiċli biex nilgħab floku. Imma nixtieq nirbaħ il-kampjonat ma’ Marsaxlokk. Għalhekk ninsab għal qalbi ħafna.”
Justin ħa postu fit-tim Nazzjonali Malti taħt Horst Heese. F’dawn l-aħħar xhur l-istess skwadra għamlet titjib kbir kemm fil-logħob kif ukoll fir-riżultati. Issa għandna wiċċ ġdid li qed imexxi lil dan it-tim. Ħadd ħlief Dusan Fitzel li mid-dehra se jkompli miexi fuq il-wirjiet pożittivi ta’ Heese.
“Dusan Fitzel huwa kowċ li jkun iridek tgħidlu kollox anki problemi personali. Jifhem il-moħħ ta’ dak li jkun u l-logħba jafha b’għajnejh magħluqa. Mentalment jgħinek ħafna. Dejjem idaħħlilna mentalità li aħna tajbin daqs l-avversarji u jagħtini x’nifhem li għandi l-fiduċja assoluta tiegħu. Naħseb li l-MFA għamlet l-aħjar għażla.”
Futbol apparti nsaqsih fuq il-ħajja personali tiegħu u jekk bħala mudell u sex symbol inaqqaslux il-konċentrazzjoni mil-logħba tal-futbol.
“Ma nagħtix każ. Jien bniedem normali u daqshekk. Dawn l-affarijiet bdew meta kien hemm kompetizzjoni televiżiva u konna rbaħna jien u Ira Losco. Kienet esperjenza sabiħa ħafna wkoll. Il-futbol jgħinek ħafna u probabbli li b’hekk irbaħt. Imma ma nemminx li jien xi sex symbol jew mudell. Lil Ira ili ftit ma naraha imma meta ninzertaha, nitkellmu għax bqajna ħbieb. Issa jekk hux l-aktar mara sexy ta’ Malta jista’ jgħidha biss il-boyfriend tagħha.”
Ir-riħ żied aktar. Bejn kelma u oħra nitolbu ftit minuti iżjed sakemm jgħidli liema goalkeeper Malti tah l-ikbar ispirazzjoni fil-karriera tiegħu u liema hu l-gowlkiper barrani idolu tiegħu. Iżomm sod, jieħu nifs ’il ġewwa u jħares lejn l-art b’ċertu dispjaċir li fuqu ħadd ma kellu kontroll.
“David Cluett. Hu kien u jibqa’. Il-persuna li kellu kienet tbeżżgħak. Meta kont ma’ Floriana kont nitħarreġ miegħu kull nhar ta’ Tlieta u ta’ tifel li kont, dejjem qistu bħala Peter Schmeichel. Kien l-idolu tiegħi u l-kamra tas-sodda kienet kollha posters tiegħu. Kien hu li kompla kkonvinċini fil-karriera ta’ goalkeeper. Kulħadd għadu mistgħaġeb bil-mewt tiegħu. Imma dik hija l-ħajja. Jekk imbagħad issaqsini min naħseb li hu l-aqwa goalkeeper barrani, ngħidlek bla dubju Gianluigi Buffon li ġej minn skola Taljana u jekk tgħidli liema kienu l-aqwa plejers tat-Tazza tad-Dinja, jien ngħidlek Buffon u Cannavaro. Il-pożizzjoni tiegħu u kif jagħlaq il-lasti xi ħaġa tal-għaġeb. Qatt ma rajt bħalu.
“Li ta’ 19-il sena tkun tilgħab fis-Serie A mal-Parma mhux ċajta. Huwa komunikatur mad-difensuri. Jiddispjaċini li qed jilgħab Serie B imma huwa żmien li se jgħaddi malajr għax Juventus jibqgħu l-ġganti tal-futbol Taljan. Ma nafx kif hawn min jgħajjarhom għax qegħdin Serie B. Jien ngħidlek li huma l-favoriti biex is-sena d-dieħla jirbħu l-iscudetto.”
Jgħidli li qatt ma ltaqa miegħu u ngħidlu li jekk ikollu jiġi Malta, bħala goalkeeper nazzjonali, nagħmel minn kollox biex naqtagħlu xewqtu.
Ikompli. “Tim barrani nżomm ma’ l-Inter minħabba n-nannu. Imma nixtieq immur nilgħab ma’ Montepellier. Post lejn in-naħa t’isfel fi Franza u nżomm magħhom ukoll.”
Imma llum, li Justin wasal s’hawn, min huma verament in-nies li jixtieq jirringrazzja?
“Nixtieq nirringrazzja lil ommi u lil missieri, lil Tony Camenzuli u lit-tfajla Racel u l-familja tagħha. Nappella lill-partitarji Xlukkajra biex jagħtuni l-appoġġ tagħhom u minn naħa tiegħi nwegħidhom li se nagħmel minn kollox biex jirbħu l-ewwel unur fl-istorja tagħhom.”
Inqumu minn bilqegħda u nibdew ħerġin ’il barra. Jerġa’ jipprova jispjegali kif kien dan il-ġnien fi żmien tfulitu. Jgħidli li għalkemm is-snin gerrbu ġmielhom, għadha tinħass l-istess żiffa, tinxtamm l-istess arja tal-ħdura, kultant xi ċafċifa ħelwa tal-baħar biswit u xi ħoss ta’ karozza li tgħaddi mill-inħawi. Huwa post rilassanti fejn fih wieħed jista’ jimmedita u fl-istess ħin igawdi s-sbuħija tan-natura ta’ pajjiżna. Huwa ġnien sabiħ li Justin jibqa’ jgħożż f’qalbu għal għomru.
Min jaf jekk ’il quddiem ikunx x’imkien viċin fejn itemm il-karriera tiegħu?
mattard@mediatoday.com.mt
Profil ta’ Justin Haber
Twieled fid-9 ta’ Ġunju 1981.
Għarus lill-plejer Nazzjonali tal-basketball, Racel Camenzuli.
Jistqarr li Furjaniż kien, għadu u jibqa’.
Jgħid li l-kumitat preżenti ta’ Floriana tkellem ħafna żejjed biex neħħa lil Grech Sant.
Lil Stephen Azzopardi jirrispettah biss bħala kowċ u mhux bħala ħabib.
Jaħseb li l-MFA għamlet l-aħjar għażla b’Dusan Fitzel.
L-idolu tiegħu minn dejjem kien David Cluett.
Jgħid li l-aqwa goalkeeper tad-dinja hu Gianluigi Buffon.
Iżomm ma’ l-Inter minħabba n-nannu, imma jixtieq jilgħab ma’ Montepellier.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt