Kurt Sansonejitkellem ma’ Gejtu Vella, s-Segretarju Ġenerali tal-UHM
Nidħol fl-uffiċçju ta’ Gejtu Vella fit-tieni sular u l-ewwel ħaġa li tolqotni hi l-mużika. Safejn niftakar jien minn l-aħħar darba li intervistajt lil Gejtu, fl-uffiċju żdied stereo żgħir. Maġenbu gozz cd’s u fil-wiċċ wieħed ta’ Diana Ross.
Moħħi jmur lura għad-dwett li kantat Diana Ross fl-1981 ma’ Lionel Ritchie, Endless Love. Kienet kanzunetta fejn Ross u Ritchie jlissnu diskors ta’ mħabba lejn xulxin.
Żgur li d-diska ma tirriflettix is-sitwazzjoni bejn il-UHM u l-GWU. Iżda meta nistaqsi lil Gejtu dwar it-taqlib li seħħ fil-GWU s-sena li għaddiet jippreferi ma jikkummentax.
Nistaqsih jekk dak li seħħ fil-GWU hux biss kunflitt intern jew sintomu tal-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-unions b’mod ġenerali. “Nippreferi nitkellem fuq il-UHM milli fuq unions oħra. Irrid li flimkien ma’ sħabi hawnhekk fil-UHM insostnu l-validità ta’ din il-union billi kontinwament naġġornaw il-politika tagħna. Ma nistgħux nibqgħu naħdmu b’għodod li konna nużaw fis-snin Sebgħin u Tmenin. Irridu nifhmu l-bżonnijiet tal-ħaddiema u naddottaw dawk il-miżuri kollha biex nibqgħu validi. Ma nistgħux nibqgħu bit-ton ta’ ‘aħna’ u ‘huma’, jew b’diskors ta’ ‘gwerra’. Aħna m’aħniex hawn biex nagħmlu l-gwerer iżda biex nilħqu ftehim. Irridu niftiehmu ma’ min joħloq ix-xogħol fil-pajjiż,” jgħid Gejtu.
Iżda dak li ġara lill-GWU seta’ nissel il-biża’ fuq il-postijiet tax-xogħol li ebda union m’hi daqstant b’saħħitha daqs kemm tippretendi?
Gejtu jibqa’ jsostni li s-saħħa tal-unions, fosthom il-UHM, għadha waħda numerika iżda jmur lil hinn minn hekk. “Irid ikollna saħħa madwar il-mejda tan-negozjati. Hu importanti li jkollok nies imħarrġa biex jinnegozjaw. Illum ma tinnegozjax bl-għajjat, jew għandek argument jew m’għandekx. Il-metodoloġija ta’ kif isiru l-affarijiet inbidlet, mhux lakemm inqumu filgħodu u noħolmu bi strajk,” isostni.
Forsi l-arma ta’ l-istrajk hi l-aħħar għodda li għandha tuża union iżda dan l-argument xejn ma jnaqqas mill-verità li union kbira bħalma hi l-UHM ukoll tkejjel is-saħħa tagħha bl-azzjonijiet industrijali li tordna matul iż-żminijiet. Fit-taraġ u l-kuridur li jwasslu lejn l-uffiċċju ta’ Gejtu Vella hemm għadd ta’ nkwadri bil-paġni tal-gazzetti li kienu ħarġu dakinhar li l-UHM kienet waqqfet l-operazzjonijiet fil-Freeport fi żmien Gvern Laburista ta’ bejn l-1996 u l-1998. Kien mument fejn il-UHM uriet is-saħħa kollha tagħha u llum dawk il-ġranet li jidhru ’l bogħod ħafna huma mfakkra mill-union b’ċerta glorja.
Iżda f’dinja globalizzata fejn il-kapital jiċċaqlaq minn pajjiż għall-ieħor qisu ilma ġieri jiskula mal-blat, x’saħħa fadlilhom il-unions?
“Il-unions huma bżonn. Il-unions bżonn mhux biss għall-ħaddiema iżda wkoll għad-demokrazija industrijali għax inkella jkollna globalizzazzjoni sfrenata u bla wiċċ. Il-unions huma l-kontrabilanċ għal dan il-fenomenu,” jgħid Gejtu b’ċerta konvinzjoni.
Jifhem li ż-żminijiet inbidlu u union trid tfittex ukoll il-pariri ta’ esperti, ekonomisti u soċjolġi biex tiddiskuti u tinnegozja ma’ l-awtoritajiet u n-negozjanti. Iżda jifhem ukoll l-ikbar diffikultà ta’ union li qed taħdem f’pajjiż żviluppat, li trid tiġġieled biex dak li nkiseb għall-ħaddiem mal-medda taż-żmien ma jintilifx għax kumpaniji jippreferu jmorru f’pajjiżi b’inqas spejjeż.
“Din hi realtà ekonomika ta’ ħafna pajjiżi żviluppati u f’dan il-kuntest pajjiżna jrid ikompli jħarreġ il-ħaddiema f’oqsma u f’kapaċitajiet li sal-lum forsi m’għandniex. Illum ma nistgħux inħarsu lejn kumpaniji li huma labour intensive, jeħtieġ inħarsu lejn kumpaniji li jibbażaw iktar fuq il-valur miżjud. Il-proċess tal-bidla li bdejna naraw f’dawn l-aħħar snin irid ikompli għax il-pajjiż se jibqa’ jiffaċċja dawn id-diffikultajiet,” Gejtu jsostni, anki jekk dan id-diskors ilu jinstema’ sa minn 15-il sena ilu meta pajjiżna kien beda l-proċess ta’ sħubija għall-UE.
“Dak iż-żmien kien hemm ħafna li tkellmu fuq dan-il-proċess ta’ bidla iżda forsi mhux kulħadd irrealizza l-bżonn. Dan hu proċess li m’għandux żmien. Id-differenza hi li kieku ma sseħibniex fl-UE m’għandniex cushion finanzjarju. Illum qed naffrontaw il-globalizzazzjoni mhux waħidna iżda flimkien ma’ 27 pajjiż ieħor. Il-ħaddiem Malti għandu pożizzjoni waħda ta’ saħħa, dik li kapaċi jaġġusta malajr u jkun flessibbli biex jaħdem f’ekonomija li qed tinbidel.”
Nistaqsih kemm għandha membri l-UHM u jekk isibx oġġezzjoni li l-membri tiegħu jirreġistraw ukoll mad-Direttur tax-Xogħol biex tinqata’ darba għal dejjem il-logħba tan-numri bejn il-unions.
Iwieġeb mingħajr tlaqliq: “Il-UHM għandha madwar 26,000 membru u m’għandi l-ebda problema jekk il-membri jirreġistrawx mad-Direttur tax-Xogħol jew xi istituzzjoni oħra. Li naf żgur hu li l-uniku sors ta’ dħul għall-UHM hu mill-miżata tal-membri u issa ngaġġajna tliet impjegati bħala segretarji tat-taqsima. Din il-union qed tara opportunitajiet ġodda jinfetħu quddiemha u allura trid tkompli ssaħħaħ l-istrutturi tagħha biex tkompli toffri s-servizz. Ma jkunx jagħmel sens li l-UHM timpjega tliet segretarji ta’ taqsima jekk ma jkollhiex membri biżżejjed biex issostni l-organizzazzjoni finanzjarjament.”
Gejtu jgħid li l-UHM m’għandha l-ebda dħul ieħor għajr il-miżata tal-membri u xi interessi mill-banek.
Is-sena li għadha kif bdiet hi waħda importanti għall-UHM. F’Marzu se torganizza l-konferenza ġenerali li ssir kull tliet snin iżda aktar minn hekk il-union se tkun qed tvara servizz ġdid. L-għassiesa tad-drittijiet tal-ħaddiema se ssir ukoll għassiesa fuq il-prezzijiet b’difiża għall-konsumatur.
Nitkellmu dwar l-introduzzjoni ta’ l-Ewro u dak li wassal lill-UHM biex twaqqaf mekkaniżmu li se jissorvelja l-prezzijiet waqt il-qalba għall-munita unika Ewropea.
Jinsisti li bl-introduzzjoni ta’ l-Ewro l-pajjiż qed “jixtri polza ta’ assikurazzjoni kontra d-dejn nazzjonali, id-defiċit u l-inflazzjoni.”
“Kull Gvern Malti minn issa ’l quddiem se jkollu l-Ewropa tgħasses fuqu biex ma jiġix lejlet xi elezzjoni u joqgħod jonfoq bl-addoċċ imbagħad nippruvaw inħabblu rasna wara kif se nġibu s-sitwazzjoni żewġ,” itenni b’ċerta insistenza.
Jekk Gejtu jara l-pożittiv fl-introduzzjoni ta’ l-Ewro hemm min isostni li Malta se tbati wkoll għax il-Bank Ċentrali ta’ Malta se jitlef il-kontroll fuq ir-rati ta’ interess.
Jitbissem u jpoġġi għadd ta’ mistoqsijiet pertinenti. “Illum ir-rati ta’ interess għadhom f’idejna? Huwa minnu li l-Bank Ċentrali jiddetta r-rati ta’ interess iżda dan il-pajjiż żgħir kemm għandu influwenza fuq kif u b’kemm jiddetta r-rati ta’ interess? Kemm nistgħu nieħdu miżuri biex nikkoreġu l-ekonomija bir-rati ta’ interess?”
Nistaqsih kif se tkun qed tissorvelja l-prezzijiet il-UHM qabel u wara l-introduzzjoni ta’ l-Ewro.
“Meta Malta qalbet mis-soldi għad-deċimali fis-Sebgħinijiet nafu li kien hemm min abbuża bil-prezzijiet. U allura bejn bl-esperjenza ta’ dak li għaddejna minnu f’dak iż-żmien u bil-makkinarju li nistgħu nħaddmu llum, il-UHM iddeċidiet li tagħmilha ta’ kelb ta’ l-għassa biex ma tħallix lil min jabbuża meta Malta teqleb għall-Ewro.
“Qed nieħdu ritratt tal-prezzijiet ta’ numru ta’ prodotti u servizzi li jużaw u jinxtraw minn familji normali u se nibqgħu nissorveljawhom anki wara li jidħol l-Ewro fl-1 ta’ Jannar 2008. Diġà għandna xerrejja misterjużi li qed jixtru għadd ta’ prodotti u servizzi minn diversi postijiet.
“Għandna struttura interna li qed tiġbor il-prezzijiet iżda għandna wkoll esperti li qed jgħinuna nanalizzaw l-informazzjoni li qed niġbru, biex kull xahar, ftit qabel ma tidħol l-Ewro, nippubblikaw ir-riżultat. Bejn Settembru li ġej u numru ta’ xhur wara fl-2008, se nkunu qed nippubblikaw il-prezzijiet u jekk xi ħadd jabbuża mill-kambju nkunu qed nesponuh.”
Nistaqsih jekk il-UHM hux se tagħti każ ukoll il-fenomenu ta’ min jibda jgħolli l-prezzijiet b’mod gradwali minn issa.
Gejtu jagħmel distinzjoni bejn dawk il-prezzijiet li jogħlew għax il-prodott ogħla minn barra u dawk li l-prezz tagħhom ikun minfuh mill-aġent jew l-importatur. Isostni li l-eżerċizzju se jagħti kas ta’ dawn id-differenzi.
Iżda l-UHM qed tħares ukoll fit-tul billi tagħmilha ta’ kelb ta’ l-għassa għall-konsumatur.
“Din il-union trid tkompli tiżviluppa u timrah mhux biss bis-servizz li tagħti lill-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol iżda billi toffri servizz lill-ħaddiem u lill-familja tiegħu u l-anzjani. Il-union trid tkompli tibni skond il-ħtiġijiet tal-ħaddiem. Il-ħaddiem mhux biss dak li jmur ix-xogħol u jaqla’ l-flus. Irridu nagħmlu ċert li apparti li jkollu paga diċenti jkun qed jieħu wkoll valur tal-flus li qed jonfoq. U din hi funzjoni li tista’ tibda tagħmel il-union,” jgħid Gejtu.
Fl-aħħar baġit il-Gvern ħabbar li l-politika tax-xogħol li tivvantaġġja l-familja fiċ-Ċivil se tkun implimentata wkoll fis-settur pubbliku kollu, xi ħaġa li l-UHM laqgħet b’mod pożittiv.
Nistaqsih jekk wasalx iż-żmien li fil-privat ukoll ikun hemm miżuri li jagħtu iktar nifs lill-ħaddiema li qed irabbu t-tfal.
“Dawn huma miżuri importanti ħafna jekk irridu nfittxu l-bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-familja. Illum nafu x’investiment kbir qed nagħmlu fl-edukazzjoni tan-nisa u l-irġiel tagħna u jeħtieġ li nużaw il-potenzjal tal-popolazzjoni kollha. Biex dan isir hemm bżonn niżguraw li l-postijiet tax-xogħol tagħna jkunu mfasslin għall-bżonnijiet tal-familja.
“Ir-realtà hi li kulfejn kienu mdaħħla dawn il-miżuri f’pajjiżi Ewropej dejjem għamlu suċċess. Il-Gvern beda biċ-Ċivil u issa wessagħhom ukoll għas-settur pubbliku kollu. Fis-settur privat hawn numru żgħir ta’ kumpaniji li bdew jaddottaw uħud minn dawn il-miżuri iżda hemm ħafna oħrajn li jibżgħu minnhom. Il-biża’ ħafna drabi hija frott tan-nuqqas ta’ informazzjoni għax jemmnu li dawn il-miżuri se jwasslu għal spejjeż kbar. Fil-verità dan mhux il-każ għax anki l-Kumissjoni Ewropea f’rapport riċenti wriet li l-finanzi tal-kumpaniji jmorru għall-aħjar.”
Gejtu jfakkar f’meta bdew deħlin il-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fit-tħejjija tal-pajjiż għal sħubija fl-UE.
“Dakinhar l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem kienu kontra għax beżgħu li mhux se jlaħħqu ma’ l-ispejjeż u jispiċċaw ifallu u jitilqu minn hawn. Fl-aħħar mill-aħħar għamlu l-istudji tagħhom u rriżulta li dak li bdew jgħidu ma kienx minnu. Aċċettaw il-miżuri u llum mixjin tajjeb,” isostni.
Iżda bħal donnu jaf li l-affarijiet mhux lakemm tgħidhom. “Wieħed irid ikun kawt, raġonevoli u prattiku. Ma nistgħux indaħħlu sett wieħed ta’ regolamenti għal kulħadd u nagħlqu għajnejna. Irridu ndaħħlu r-regolamenti u naġġustaw skond iċ-ċirkostanzi tal-post tax-xogħol. Il-bżonnijiet tas-settur privat jinbidlu iżda rridu nsibu bilanċ bejn il-bżonn li l-kumpanija tagħmel profitt u l-ħtiġijiet familjari tal-ħaddiema.”
L-isem ta’ Gejtu Vella hu sinonimu mal-UHM. Nistaqsih x’se jiġri fil-union wara li jispiċċa mill-kariga hu?
Jerġa’ jitbissem. “M’għandix dubju li wara Gejtu Vella jkun hemm min hu kapaċi li jidħol f’din il-kariga biex il-UHM tkompli tikber u tissaħħaħ. Il-UHM għandha l-opportunitajiet kollha biex tkompli tikber.”
F’sena li x’aktarx tkun dik fejn il-pajjiż jiffaċċja elezzjoni ġenerali nistaqsi lil Gejtu x’se tkun qed titlob il-UHM mill-partiti politiċi. Jgħid li kollox se jħoll u jorbot fuq il-konferenza ġenerali ta’ Marzu fejn id-delegati tal-union se jkunu qed jiddiskutu numru ta’ rapporti li għandhom iwasslu għal ħames punti konkreti biex iressquhom għall-attenzjoni tal-partiti lejlet l-elezzjoni ġenerali.
F’sitwazzjoni fejn il-unions għandhom interessi komuni jkun jagħmel sens li jingħaqdu flimkien u jippreżentaw pakkett wieħed ta’ proposti lill-partiti politiċi, iżda jidher li din se tibqa’ ħolma.
Skond Gejtu għadu kmieni wisq biex l-unions jitkellmu dwar xi tip ta’ kollaborazzjoni.
“Tkellimna kemm-il darba dwar dan fil-passat iżda kull darba li tqum l-opportunità ta’ ftehim dejjem jinbet xi ħaġa li ttellef dan. Jien rajt opportunità kbira li nagħmlu dan meta konna qed niddiskutu patt soċjali għall-pajjiż iżda sfortunatament dakinhar sfrattajna b’tali mod u manjiera li ħafna nies wara ndunaw x’opportunità tlifna.”
Nistaqsih jekk hix problema ta’ kunflitt ta’ personalità bejn il-mexxejja tal-unions iżda jipponta subgħajh lejn imkien ieħor.
“Sfortunatament l-id tal-politiku għadha fin-nofs u l-media tal-partiti politiċi tagħmel il-ħsara biex din l-għaqda ma sseħħx,” jgħid Gejtu.
Jispjega kif fl-Irlanda l-unions u l-għaqdiet ta’ min iħaddem ftiehmu fuq patt soċjali sas-sena 2016 u minkejja li terz tal-unions ma qablux mal-ftehim xorta kien addottat għaliex l-interess nazzjonali rebaħ fuq l-interess settorali u parrokkjali.
“Din waħda mill-problemi kbar li għandu dan il-pajjiż biex jimxi ’l quddiem iktar milli qed jagħmel. Dan l-aħħar ħadt pjaċir ninnota l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jisħaq fuq il-bżonn li l-pajjiż jiġbed ħabel wieħed. Din il-union ilha tgħid li hemm dan il-bżonn. Sfortunatament għad għandna kultura li tifred lin-nies f’Laburisti u f’Nazzjonalisti u allura r-riżorsi umani nisparpaljawhom. Jekk aħna nistgħu nsibu l-ġid komuni dan il-pajjiż jimxi ħafna iktar ’il quddiem.”
Huwa kliem tad-deheb iżda bil-wisq nibza’ li minflok Endless Love (imħabba bla tmiem) bejn il-unions se nkomplu naraw piki bla tmiem. Forsi l-konferenza tal-UHM f’Marzu tħabbel rasha dwar dan ukoll.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt