14 ta' Jannar 2007
L-edukazzjoni u l-kultura ta’ l-imbarazz
Meta skola, li hi istituzzjoni mwaqqfa apposta biex tgħallem, tagħżel li torganizza party fi stabbiliment li huwa simbolu tal-konsumiżmu u tan-nuqqas ta’ rispett lejn l-ambjent, tibda tiddubita jekk l-iskola temminx tassew f’dak li tgħallem u x’messaġġi moħbijin qed tgħaddi lill-istudenti.
Fi żmien il-Milied, xi skejjel, fosthom skejjel tal-Knisja Kattolika, organizzaw parties għall-istudenti tagħhom fi ħwienet tal-McDonald’s, mingħalihom qed jagħtu xi rigal speċjali lit-tfal f’dan iż-żmien ta’ tama u solidarjetà.
Wara li għamlu x-xhur jippromwovu stili ta’ ħajja u valuri pożittivi, għażlu li jidentifikaw ruħhom, bħala istituzzjoni li suppost teduka, ma’ kumpannija bħall-McDonald’s li hi waħda mis-simboli globali ewlenin tal-faqar kulturali.
Il-kumpannija tal-McDonald’s ma taqlax kritika ħarxa għax hija l-unika waħda li l-operat tagħha huwa diskutibbli ħafna imma għax tbigħ lilha nfisha bħala promotriċi ta’ l-ikel bnin, bħala ħabiba tat-tfal u bħala sieħba tagħhom fl-isports u f’attivitajiet ta’ natura ambjentali. Il-McDonald’s u l-edukazzjoni qishom tanker qed jaqa’ biċċiet mimli żejt mhux maħdum u l-Blue Lagoon: inqas ma jersqu lejn xulxin, iktar jagħmlulna pjaċir.
Fl-1990, il-McDonald’s fetħu każ ta’ libell f’qorti fl-Ingilterra kontra ħames attivisti, fost ħafna oħrajn, li kienu qassmu tagħrif dwar il-kumpanija McDonald’s u l-prodotti tagħha. Tlieta mill-attivisti ċedew għall-pressjoni kbira ta’ Ronald McDonald u skużaw ruħhom miegħu fil-Qorti. Iżda t-tnejn l-oħra, eks-pustier u eks-ġardinara minn Londra, Dave Morris u Helen Steel, iddeċidew li jeħduha kontra kumpannija multinazzjonali b’riżorsi finanzjarji li r-Repubblika ta’ Malta qatt ma rat bħalhom.
Fid-19 ta’ Ġunju, 1997, l-Imħallef Bell ta l-verdett tiegħu quddiem qorti maħnuqa bin-nies u l-mezzi tax-xandir mid-dinja kollha. L-imħallef qatagħha li għalkemm Helen u Dave ma kienx irnexxielhom juru li McDonald’s jaħtu għall-qerda tal-foresti tropikali, għat-tixrid tal-mard tal-qalb u l-kanċer, għall-ivvalenar ta’ l-ikel, għall-problema tal-ġuħ fit-Tielet Dinja, u għall-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol tal-ħaddiema, kienu ġabu biżżejjed provi li l-McDonald’s jisfruttaw it-tfal permezz tal-kampanji pubbliċitarji tagħhom; li jirreklamaw l-ikel tagħhom b’mod falz bħala nutrittiv; li jipperikolaw is-saħħa ta’ dawk il-klijenti regolari tagħhom li jagħmlu s-snin jieklu mir-ristoranti tagħhom; li huma responsabbli għall-moħqrija ta’ l-annimali; li jħallsu pagi baxxi lill-ħaddiema tagħhom u “m’għandhom grazzja xejn” mal-unions.
Barra minn hekk, fil-15 ta’ Frar, 2005, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddikjarat li fil-każ li kien instema’ fil-Qorti Ingliża, Dave Morris u Helen Steel, bħala l-akkużati, ma kinux ingħataw smigħ xieraq u l-Qorti ma kinitx irrispettat id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ l-espressjoni.
Ħafna qiesu dawn iż-żewġ proċessi bħala rebħiet importanti għad-dritt taċ-ċittadini komuni li jikkritikaw il-kumpanniji l-kbar li mingħalihom jistgħu jgħidu li jridu u ħadd ma jista’ għalihom għax jhedduh bil-Qrati.
Dan il-każ, magħruf bħala McLibel, kabbar sew il-kampanja kontra l-McDonald’s u kontra kumpaniji multinazzjonali oħra li jagħmlu minn kollox biex isikktu lill-kritiċi tagħhom.
Minkejja li jonfqu l-belli liri fuq kampanji pubbliċitarji li jagħtu l-impressjoni li l-kumpannija tirrispetta l-ambjent, bosta ambjentalisti jsostnu li bħala organizzazzjoni globali ewlenija li tinfluwenza l-mod kif jimxu kumpanniji oħra, il-McDonald’s jippromwovu prattiċi ta’ negozju li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent. Il-McDonald’s jipproduċu madwar miljun tunnellata packaging fis-sena, kaxxi u oġġetti oħra li jintużaw għal ftit minuti u mbagħad jintremew. X’inhu l-impatt tal-produzzjoni u r-rimi ta’ dan l-imbarazz kollu fuq l-ambjent li ngħixu fih?
Bin-nefqa astronomika tagħhom ta’ żewġ biljun Dollaru Amerikan fis-sena, jiġifieri daqs nofs id-dejn nazzjonali kollu tar-Repubblika ta’ Malta, fuq ir-reklamar fost it-tfal permezz ta’ ġugarelli, pubbliċità fuq it-televiżjoni, u skemi promozzjonali fl-iskejjel, il-McDonald’s qegħdin jibbumbardjaw lis-soċjetà bl-immaġni tagħhom. Ħafna ġenituri joġġezzjonaw għall-mod kif dan ir-reklamar aggressiv jinfluwenza lil uliedhom li għadhom żgħar wisq biex jifhmu kemm qed issir pressjoni fuqhom.
Il-McDonald’s huma magħrufin ukoll għall-mod kif ifarrku kull tentattiv tal-ħaddiema biex jidħlu f’union. Skond huma l-ħaddiema tagħhom huma kuntenti u jekk ikun hemm xi problema jistgħu jarawha direttament mal-kumpannija mingħajr l-indħil ta’ terzi persuni.
Waqt il-proċess fil-Qorti Ingliża fl-1996, Dan Gallin, Segretarju Ġenerali ta’ l-International Union of Food, Agricultural, Hotel, Restaurant, Catering, Tobacco and Allied Workers Associations (IUF) qal hekk: “A McJob is what we call a low skill, low pay, high stress, exhausting and unstable job. We call them McJobs because they are typical conditions in many McDonald’s worldwide.”
Meta l-ġenituri jieħdu lit-tfal tagħhom f’ristoranti bħal tal-McDonald’s ikunu qegħdin jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jagħżlu dak li jidhrilhom li hu l-aħjar għal uliedhom.
Imma meta skola tippromwovi stabbilment bħal dan li hu s-simbolu per eċċellenza tal-faqar kulturali u ambjentali li l-edukazzjoni suppost tgħallimna nevitaw, tkun qed tonqos mid-dmir tagħha għax it-tfal u s-soċjetà jħarsu lejn l-iskola bħala mudell u bħala gwida. Skola għandha responsabbiltà akbar għax tifforma l-imħuħ ta’ mijiet ta’ tfal u tibgħat messaġġi qawwijin lil komunità sħiħa. Skola suppost qed tgħallem eżatt bil-kontra.
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali Malti hu li l-istudenti jiżviluppaw l-għarfien u l-għerf tagħhom dwar id-drittijiet u d-dmirijiet li għandhom lejn għajrhom, lejhom infushom, lejn il-komunità, lejn pajjiżhom, lejn l-ambjent naturali u lejn l-annimali.
Għan ieħor hu li l-iskola trawwem “konsumaturi edukati” li huma konxji tal-konsegwenzi soċjali u ambjentali ta’ l-imġiba tagħhom bħala konsumaturi u kapaċi jerfgħu r-responsabbiltà ta’ l-għażliet li jagħmlu. Il-Kurrikulu jitkellem dwar il-ħtieġa li l-iskola tinkoraġġixxi lill-istudenti biex jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet favur il-ħarsien ta’ l-ambjent u “jirrispettaw l-ambjent naturali b’mod sensittiv.”
Il-promozzjoni ta’ ristoranti bħal tal-McDonald’s u l-mcdonaldizzazzjoni inġenerali jmorru kontra dawn u għanijiet oħra ta’ l-edukazzjoni tat-tfal.
M’hemmx mod ieħor kif tgħidha. M’hemmx skużi.
Adrian Grima huwa għalliem u awtur
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt