14 ta' Jannar 2007 • Nr 11

Arkivji




 

14 ta' Jannar 2007
Nibnu biex inkissru

Fir-rapport dettaljat li ħarġet il-Kummissjoni Djoċesana għall-Ġustizzja u Paċi laqtet il-musmar fuq rasu fejn jidħlu l-prezzijiet tax-xiri tal-proprjetà u x’effett qed iħalli fuq il-ħajja tal-Maltin, l-aktar taż-żgħażagħ. Tista’ tipprova toqgħod tfittex ix-xagħra fl-għagina biex tikkritika dar-rapport fuq punt ’l hawn u ’l hinn imma ma tista’ qatt tmeri s-sewwa magħruf li joħrog tant ċar f’dan ir-rapport. Ngħiduha kif inhi: ma kellniex għalfejn noqogħdu nistennew dan ir-rapport biex inkunu nafu l-verità għalkemm ma neħodhiex bi kbira li kieku ma kienx ippubblikat dan ir-rapport konna nduru fuq il-Knisja u nakkużawha li qatt ma tkellmet dwar din il-problema li qed tifni tant żgħażagħ u familji Maltin.
Il-ġist tar-rapport għandu essenzjalment dimensjoni soċjali u jurina, permezz ta’ ċifri u figuri li ħarġu dan l-aħħar minn sorsi awtorevoli, kif il-prezzijiet ta’ proprjetà residenzjali f’Malta llum qed ikomplu jiżdiedu b’rata allarmanti li ma tirriflettix ir-realtà tas-sitwazzjoni. Minħabba logħob minn spekulaturi, il-prezzijiet qegħdin jifnu lix-xerrejja bil-konsegwenza li dawn qed jitfarrku ftit ftit meta għal tul għomorhom ikollhom iħallsu d-djun għax m’għandhomx alternattiva. Ġejna f’sitwazzjoni verament tal-biki għax anke jekk wieħed biex jevita d-dejn għal għomru jagħżel li jikri flok jixtri daru jispiċċa biex iħallas eluf tal-liri fuq medda tas-snin u fl-aħħar mill-aħħar jispiċċa b’xiber imnieħer għax ma jkollu xejn tiegħu.
Il-Kummissjoni Djoċesana ġibdet l-attenzjoni u qalet li jekk verament irridu neqirdu l-faqar minn pajjiżna u nħeġġu l-inklużjoni soċjali allura ma nistgħux naħarbu milli nindirizzaw din il-problema għax id-dritt għal djar diċenti hu importanti daqs id-dritt għax-xogħol, id-dritt għall-għajxien, għas-saħħa u l-edukazzjoni.
Nitkellmu ħafna dwar livell ta’ għajxien sostenibbli u dwar kwalità ta’ ħajja aħjar imbagħad qed inħallu dawn il-prezzijiet li qed iwasslu għal faqar. Riċetta eċċellenti ta’ kif nibnu biex nitkissru?!
M’hemmx dubju li dawk iż-żgħażagħ li qed ifittxu biex jixtru dar għall-ewwel darba qed isibuha iebsa wisq biex ikunu jistgħu ikampaw.
Il-figuri uffiċċjali diġà qed juru kif il-prezz tal-proprjetà irdoppja fi żmien relattivament qasir iżda dawn iż-żgħażagħ jafu li biex jakkwistaw dar qed ikollhom jissallbu għal għomorhom.
Mela bil-pagi li għandhom jistgħu jaffordjaw post b’erbat ikmamar li ma jkunx inqas minn Lm50,000? Imbagħad ma jridux jimlewha d-dar, ma jridux jieklu, jilbsu u jħallsu l-kontijiet? U x’se jagħmlu meta l-mara toħrog tqila u jkollha tieqaf mix-xogħol?
Mhux ta’ b’xejn li ħafna koppji jispiċċaw jitlewmu għax ma jkampawx jew jaqtgħu qalbhom mill-ewwel!
Minn meta l-banek introduċew house loans iktar attraenti għaż-żgħażagħ biex dawn jissellfu l-eluf tal-liri fuq medda itwal tas-snin u allura jkunu jistgħu jaffordjaw iħallsu bin-nifs, il-prezzijiet komplew jogħlew bil-konsegwenza li l-piżijiet fuq dahar iż-żgħażagħ żdiedu minflok ittaffew xi ftit.
Mhux hekk biss, imma inbeda l-fenomenu fl-industrija tal-bini li bdew jinxtraw djar, vilel u artijiet minn kuntratturi li għandhom saħħa finanzjarja b’appoġġ mill-istess banek jew fejn ma kienx il-każ, permezz ta’ tpartit ta’ proprjetajiet u minflokom dawn bdew jinbnu blokkijiet ta’ appartamenti u mezzanini residenzjali u jbigħuhom anke minn fuq il-pjanti biex flushom u l-qligħ minnhom jagħmluh mal-ewwel.
Dan l-iżvilupp irridu nammettu jħalli impatt pożittiv fl-ekonomija fiż-żmien immedjat imma jġib impatt ekonomiku negattiv fit-tul. U proprju dan li qed inħossu bħalissa.
Apparti l-mekkaniżmu tas-suq, is-sens komun jgħidlek li jekk hemm żieda fid-domanda għall-proprjetà eżistenti allura l-prezzijiet għandhom jogħlew. Iżda fir-realtà mhux qed ikun hemm żieda fid-domanda anzi qed ikun hemm żieda qawwija fl-ammont ta’ postijiet residenżjali u għaldaqstant il-prezzijiet suppost jiċċaqalqu ’l isfel mhux jogħlew ’il fuq.
Fil-każ tagħna, minkejja din ir-realtà ekonomika, ir-riżultat hu għal kollox bil-maqlub u allura bilfors ikollok tasal għall-konklużjoni li fil-proċess hemm xi ħadd li qed ibagħbas in-norma ekonomika bil-konsegwenza li l-ftit qegħdin f’xifer li jistagħnew waqt li l-ħafna qed jitfaqqru bil-mod il-mod. Jekk mhux hekk mela fejn hi l-ispekulazzjoni? U jekk allura l-vantaggi tal-mekkaniżmu tas-suq mhumiex qed jaħdmu fil-qasam tal-proprjetà allura m’għandniex nagħmlu intervent biex nikkontrollaw b’xi mod dawn il-prezzijiet?
Inkun qed niggeneralizza kemm-il darba nattribwixxi l-problemi soċjali u anke ekonomiċi li għandu pajjiżna għall-prezzijiet esaġerati tal-proprjetà imma mill-banda l-oħra jkollna nammettu li parti kbira mill-ġerħa soċjali u ekonomika hi kaġun ta’ dawn il-prezzijiet.
Kultant nippruvaw intaffu ftit billi nikkunslaw bl-iskemi li toħrog l-Awtorità tad-Djar – jalla tibqa’ tagħmel iktar – imma l-problema tant kibret li l-istikka tal-Awtorità tad-djar mhux se twaqqaf id-demm li ħiereg mill-ferita. Kultant anqas biss nirrealiżżaw kemm hi kbira l-problema.
Mhix biss kwistjoni dwar kemm verament iż-żgħażagħ tagħna qed ikollhom opportunità li jagħżlu d-dar li jixtiequ huma.
Mhix biss kwistjoni ta’ kemm jifilħu jġebbdu l-paga tagħhom. Kif inhi s-sitwazzjoni llum iż-żgħażagħ qed ikollhom jiċċaħħdu minn xulxin; minn affarijiet l-iktar bażiċi u essenzjali.
Qed jinqabdu f’mentalità ta’ aħjar ma niżżewġux; jekk ma naslux, ninfirdu. Jiċċaħdu milli jipparteċipaw f’attivitajiet kummerċjali oħra. Qegħdin forsi bla ma nafu, innawru s-Soċjetà tagħna minn ġewwa! Daqstant hi gravi s-sitważżjoni.
X’se nagħmlu issa? Inħallu kollox kif inhu u nistennew li s-suq tal-proprjetà jirregola lilu nnifsu? Jekk nagħmlu hekk inkunu qegħdin inkomplu nsallbu aktar żgħażagħ. Inkomplu nħeġġu l-ispekulazzjoni u l-esplojtazzjoni. Inkomplu infaqqru s-soċjetà.
Il-kwistjoni kollha ma ddurx biss mal-gvern. In-negozjanti tal-proprjetà, il-banek, l-għaqdiet taż-żgħażagħ, il-Knisja u l-awtoritajiet kollha kemm huma għandhom ħtija jekk jibqgħu ma jagħmlu xejn. Iżda bl-istess qawwa, kollha kemm huma għandhom id-dmir u r-responsabiltà li jagħtu sehemhom ħalli nsibu soluzzjoni.
Jekk il-Knisja tkellmet permezz tal-Kummissjoni Djoċesana m’għamlitx dan biex taqdi l-funzjoni ta’ għalliema tal-morali. Għamlet dan għax f’dan is-suġġett għandha l-polz tal-poplu. Għarfet it-tbatijiet li qed ngħaddu minnhom. Tatna eżempju ċar ta’ xi tfisser l-esklużjoni soċjali, il-faqar materjali, l-esplojtazzjoni bla rażan, it-toqol tal-piżijiet…biex niksbu dak li hu tagħna bi dritt: dar diċenti għall-familja!
X’se nagħmlu? Se nkomplu nibnu biex nitkissru? Din hi l-isfida tal-mument.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt