07 ta' Jannar 2007 • Nr 10

Arkivji




 

07 ta' Jannar 2007
X’kien jgħid?

L-imsejjaħ waqfien mill-attivitajiet politiċi matul il-ġranet tal-festi Natalizji hi waħda mit-trovaturi riċenti tal-PN. Tliet ġimgħat sħaħ li fihom suppost ma jkunx hemm attivitajiet politiċi u allura, considerando li l-PN hu partit politiku, tliet ġimgħat sħaħ fejn dan il-partit suppost ma jkunx jeżisti!
It-tajba hi li għalkemm ma jiddikjarawhx uffiċjalment, il-Partit Laburista jsegwi (bħan-nagħaġ ta’ Bendu) dan l-eżempju u jnaqqas id-doża ta’ l-attakki sterili tiegħu kontra l-avversarji politiċi tiegħu li fl-ewwel lok kienu huma stess li ħarġu b’din l-idea!
Issa, li ċerti starteġiji kif isiru attakki aktar personali milli politiċi, bl-aktar mod żleali m’għandhomx ikunu addottati hi ħaġa ta’ min ifaħħarha – kieku dan isir mill-ewwel ta’ Jannar sa l-aħħar ta’ Diċembru! Iżda li l-etika wieħed josservaha biss għal tliet ġimgħat tas-sena hu fenomenu li għandu xamma kbira ta’ ipokrezija.
Għax ngħiduha kif inhi, l-aħbarijiet xorta baqgħu jidhru. Jekk dak Tony Zarb tilef il-libell li fettillu jagħmel lill-Prim Ministru, l-aħbar ingħatat il-prominenza xierqa. Jekk il-flus tal-Maltin depożitati fil-banek żdiedu, l-aħbar ingħatat prominenza kbira. U nistgħu nibqgħu sejrin hekk għax l-aħbarijiet li kellhom sfond politiku lokali, tajjeb jew ħażin, xorta tperrċu ma’ l-erbat irjiħat tad-dinja. Għax il-ħajja baqgħet miexja u l-ħidma politika tassew ma tiqafx għal wiċċ dawk li joħorġu l-ordnijiet minn tal-Pietà.
U ritratti tal-Prim Ministru u tas-sinjura tiegħu, dawk mhux ritratti ta’ attivitajiet ta’ natura politika? Kieku Lorenzo ma kienx il-Prim Ministru ta’ Malta (kariga b’responsabbiltà kbira politika), il-preżenza tiegħu u ta’ martu f’tant attivitajiet kienu jagħmlu aħbar?
Għalhekk ma nistax nifhem eżatt x’ikun dan ‘il-waqfien’ ta’ tliet ġimgħat li suppost isir fuq id-diktat li joħroġ minn tal-Pietà! Aħjar kieku l-partiti politiċi jiddeċiedu bis-serjetà li jġibu ruħhom suret in-nies matul is-sena kollha flok jilagħbuha tal-qaddisin għal żmien qasir biss. Anki jekk hu żmien li fih il-poplu żgur ma jkollux aptit jaqra’ l-ħmerijiet u jsegwi l-allegazzjonijiet bla sostenn u l-bluhat tat-tqasqis ta’ wieħed fuq l-ieħor.
Imbagħad il-parteċipazzjoni tas-sinjura Gonzi fl-attivitajiet poltiċi ta’ żewġha, ħaġa tant iggustata mill-poplu, forsi mhix daqhekk innoċenti daqskemm tidher. Il-poplu jħobb in-normalità, anki jekk din il-kelma ‘normalità’ tfisser li l-affarijiet ikunu kif suppost u mhux xi ħaġa neċessarjament osservata mill-maġġoranza stragrande tal-poplu. U ż-żwieġ tal-koppja Gonzi jidher li huwa fenomenu mill-aktar normali f’dan is-sens tal-kelma. X’hemm aktar normali fis-soċjetà tagħna milli raġel tal-familja jkollu dejjem lil martu ssegwi l-passi tiegħu fil-pubbliku?
F’dan il-każ l-istrateġisti tal-PN għarfu kif iwasslu l-messaġġ lill-poplu bl-aktar mod sottili, forsi kontra x-xejra li l-istrateġiji politiċi tal-lum saru jsarrfu biss f’metodi kif il-messaġġ jintbagħat bl-aktar mod offensiv, bla gosti u bla prudenza.
U hawn fejn forsi l-istrateġija elettorali tal-PN hi bil-wisq aktar fina milli wieħed jaħseb… li jwassalni għall-punt inizjali tiegħi, ċioè li l-istrateġiji politiċi m’għandhomx għalfejn ikunu vulgari tant li jkun hemm bżonn ta’ awto-sospensjoni għall-ġranet tal-Milied u tal-bidu ta’ sena ġdida.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt