07 ta' Jannar 2007 • Nr 10

Arkivji




 

07 ta' Jannar 2007
It-taqliba għall-Ewro

Peress li fix-xahar ta’ Diċembru nagħlaq snini u fl-aħħar tiegħu taqleb ukoll is-sena kalendarja, għal antidotu wieħed kontra x-xjuħija li bdiet dieħla jkolli bżonn anki tnejn. Għall-grazzja t’Alla għadni ma bdejtx niżboh xagħri iswed tuta u s’issa għadni ma ġejtx bżonn il-Viagra, għalkemm ma nafx x’għad niġi bżonn aktar ’il quddiem.
L-ikbar biża’ jew ossessjoni tiegħi, sejħilha li trid, huma s-snien foloz, speċjalment dawk li mhumiex imwaħħlin, li jinqalgħu u tpoġġihom ħdejn rasek fuq il-komodina waqt l-irqad. Biżżejjed għandi n-nuċċali li nitlef il-ħin kollu qalb il-karti, erbat ijiem oħra infittex id-dentatura qalb il-kotba jkun jonqosni.

Ta’ Qali
Biex fis-sub-konxju nipprova nħossni kemmxejn iżgħar milli fil-fatt jien ġieli nagħmel xi waħda minn tiegħi bħalma jħobbu jagħmlu t-tfal. Bħalma jgħid il-qawl, darbtejn insiru tfal. Mela f’dawn il-vaganzi fettili nerħilha lejn Ta’ Qali biex forsi nara wiċċ il-bejnamini ta’ l-iskwadra nazzjonali Taljana: Gattuso, Pirlo, Giraldino, Inzaghi u Nesta. Imma baqa’ f’wiċċi għax flok rajt il-ħelu wiċċhom kelli nipprova nagħrafhom mill-warrani tagħhom. Għalkemm ma nżommx mal-Milan imma mal-klabb l-ieħor ta’ l-istess belt, l-Inter, xorta waħda ħassejt li għandi mmur insellem lill-Ċampioni del Mondo la kienu tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod minn fejn noqgħod.
Fil-mezz’età li issa bdejt dieħel fiha ma’ kull sena li qed tgerbeb bil-ġiri, f’kuntest fejn mhumiex bosta l-ħwejjeġ tad-dinja li jimlewli qalbi bil-ferħ, ir-raba’ rebħa tat-Tazza tad-Dinja tat-Taljani f’Lulju li għadda żgur kienet waħda minnhom.
Biċ-ċajt lill-mara ngħidilha li la nkun fuq is-sodda tal-mewt biżżejjed jekk il-qassis hu u jagħtini l-griżma isemmili lil Materazzi, Grosso u lil Cannavaro biex żgur nitlaq bi tbissima fuq fommi minn dan il-wied tad-dmugħ, li erbat ijiem oħra se jkun l-uniku wied li jkun fadal f’Malta.
F’riħ kiesaħ ixoqq l-għadam folla żgħira, forsi konna 100 ruħ b’kollox, ta’ fanatiċi iktar minni, rajna lill-bejnamini tagħna jinżlu mill-kowċ. Imma mqar tislima jew ħarsa waħda lejna l-fidili, għajr nofs tixjira tal-plejer Brażiljan Kakà. Tawna daharhom u għaddsu rashom ’l isfel u baqgħu deħlin fil-grawnd qieshom bdabad. Tikber, jew tixjieħ u titgħallem: tagħmel lil ħadd Alla tiegħek biex tevita safejn hu possibbli f’ħajtek li tkun diżappuntat. Ċerti realtajiet u sitwazzjonijiet inkluż fil-politika jidhru ferm isbaħ u aħjar meta tarahom minn barra milli meta tarahom iktar mill-viċin jew minn ġewwa.
Minn dan il-ħsieb għall-bidu tas-sena, kollox barra profond u mir-rendikonti ta’ ġimgħa ilu fuq li għadda mill-2006, il-ħżuż tal-lum huma dwar xi passi importanti marbutin ma’ l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li rridu ngħaddu minnhom matul it-12-il xahar li ġejjin.

Żmien Dickens
Mad-daqq ta’ l-ewwel tokki ta’ l-2007 il-Bulgarija u r-Rumanija saru s-26 u s-27 membru ta’ l-Unjoni Ewropea. Kos, kif tista’ ma tiftakarx kif lilna fuq din il-biċċa blata fejn ngħammru li tissejjaħ pajjiż, tal-Kummissjoni Ewropea qalgħulna fwiedna biex suppost stajna npoġġu mal-kbar madwar l-istess mejda, imbagħad pajjiż bħar-Rumanija li għadu jfakkrek f’xi novella ta’ Charles Diċkens, irnexxielu jgħaddi mill-istess għarbiel mingħajr wisq taħbit u l-problemi li qalgħu lilna.
Ikolli ngħid li ma tantx kellhom wisq biex jiftaħru dawk li qagħdu jiddandnu li pajjiżna għadda mill-eżami ta’ sħubija fl-UE meta sentejn biss wara għaddew mill-istess eżami żewġ pajjiżi oħra li l-iżvilupp tagħhom għandu f’termini relattivi fi stat primittiv.
Kumbinazzjoni ftit tal-jiem ilu xxandru filmati fuq TVM waqt il-programm Tista’ Tkun Int tal-miżerja li tgħix fiha familja Rumena f’inħawi rurali ta’ dan il-pajjiż.
Madwar tliet snin ilu kont ir-Rumanija u l-iktar li bqajt impressjonat kien bil-kwantità kbira ta’ nies li jivvjaġġaw bil-mixi bejn raħal u ieħor matul il-lejl fi dlam ċappa kif kienu jagħmlu l-Maltin 60 jew 80 sena ilu biex imorru għax-xogħol imma f’distanzi ferm iqsar.

F’Mejju li ġej
Għal matul l-2007 se jkun hemm diversi appuntamenti importanti li eventwalment iridu jwasslu għall-bidla mil-Lira Maltija għall-munita Ewro fl-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla. Taqliba mill-kbar nett li se taffettwa mhux biss l-attività ekonomika f’pajjiżna imma li trid iġġib ukoll bidla fil-mentalità tagħna f’diversi aspetti tal-ħajja ta’ kuljum.
F’Mejju li ġej ikun pubblikat ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea rigward il-konverġenza ta’ pajjiżna mal-kriterji ta’ Maastricht dwar l-unjoni monetarja u l-addozzjoni tal-munita Ewro.
Mis-sinjali li qed jiġu trasmessi mill-mezzi ta’ propaganda tal-Ġvern ftit li xejn jidher li se jkun hemm problemi biex jintleħqu dawn il-kriterji, għall-inqas fejn jirrigwarda r-rata ta’ l-imgħax (li m’għandiex tkun aktar għolja minn 2% mir-rata li hemm fit-tliet pajjiżi fl-UE li għandhom l-iktar rata baxxa ta’ l-inflazzjoni), ir-rata ta’ l-iżbilanċ fil-baġit tal-Ġvern (massimu ta’ 3% tal-Prodott Ġross Domestiku) u tad-dejn pubbliku (60% tal-PGD).
Skond rapport tal-Kummissjoni Ewropea ippubblikat f’Ġunju il-Gvern qed jirnexxielu jrażżan id-dejn pubbliku permezz ta’ dħul minn bejgħ ta’ assi pubbliċi li jinkludu ishma li għandu l-Gvern f’diversi kumpaniji u proprjetà pubblika. Il-mistoqsija tqum waħidha dwar x’jista’ jerġa’ jiġri ġaladarba ma jkunx għad fadal iktar assi pubbliċi x’jinbiegħu mill-Istat. Sa ċertu punt il-Ġvern qed jirnexxielu jżomm ir-riedni fuq id-defiċit fil-baġit tiegħu mhux għax qed irażżan in-nefqa pubblika, il-ħela u l-kapriċċi imma għax kompla jifrex u jestendi x-xibka tat-taxxi fil-pajjiż permezz ta’ żidiet fit-taxxi eżistenti u l-ħolqien ta’ taxxi ġodda.
Tant hu hekk li f’rapport ieħor tal-Kummissjoni Ewropea pubblikat f’Mejju li għadda, kien tħabbar li Malta kienet il-pajjiż fl-UE bl-akbar żieda fit-taxxi fl-aħħar 10 snin li għaddew.
It-trażżin tad-defiċit b’dan il-mod ġab miegħu l-konsegwenza li wasslet biex pajjiżna sar inqas kompettitiv f’dawk li huma spejjeż tal-produzzjoni fil-konfront ta’ pajjiżi oħra li għandhom taxxi u pagi aktar baxxi minn tagħna.

Il-prezzijiet
Jibqa’ mbagħad iż-żbiba fl-aħħar tal-mazzita. Il-kriterju l-ieħor ta’ Maastricht dwar ir-rata ta’ l-inflazzjoni li suppost m’għandiex tkun iktar minn 1.5% minn dik li hemm fit-tliet pajjiżi li għandhom l-iktar rata baxxa ta’ l-inflazzjoni fl-UE.
Minn daqshekk matul is-sena li għaddiet smajna ħafna paroli dwar it-trażżin tal-prezzijiet, marġni ġusti tal-profitt u saħansitra kellna anki lil Tonio Fenech li reġa’ qajjem mill-mewt il-babaw tal-price orders f’tentattiv biex iġib l-affarijiet f’posthom mhux l-aktar għal ġieh wiċċna l-konsumaturi, imma għall-wiċċ il-Kummissjoni Ewropea.
Fl-2006 Fenech ikkummissjona studju li ma wassal għal imkien dwar kif il-prattiċi bankarji jistgħu qed jaffettwaw il-prezzijiet tal-proprjetà f’Malta. Barraminnhekk saru taħdidiet fit-tul ma’ l-importaturi tal-mediċini u suppost li ntlaħaq ftehim li kien maħsub li jkollu l-effett li jżid l-għażla ta’ mediċini fl-ixkafef ta’ l-ispiżeriji u jġib roħs fil-prezz tagħhom.
Imma s’issa għadni ma naf b’ħadd li ħareġ itir bil-ferħ minn xi spiżerija għax mill-aħħar darba li xtara l-mediċina sab li issa raħset.
M’għandniex xi ngħidu sa Mejju ta’ din is-sena l-istatistika uffiċjali se tkompli turi kemm il-Ġvern qed jirnexxielu jrażżan l-pressjoni fuq il-prezzijiet anki jekk il-konsumatur jaf li fejn kien baqa’.
Il-prezzijiet tal-proprjetà baqgħu jisplodu m’għola s-smewwiet għax f’pajjiż fejn l-art hi skarsa u l-popolazzjoni hi relattivament kbira, l-ispekulazzjoni tal-bini hi bla dubju l-iktar negozju li jrendi u li fih l-inqas riskji. Għalhekk l-ambjent ta’ dan il-pajjiż ċkejken hu kkundannat għall-piena kapitali.
Il-prezzijiet tal-proprjetà setgħu ġew affettwati wkoll miż-żieda fin-numru ta’ barranin li qed jixtru l-proprjetà f’Malta. Imma fuq kollox din it-tip ta’ spekulazzjoni hi attraenti ħafna għall-evażuri fiskali kbar u żgħar ta’ dan il-pajjiż għax l-investiment fil-proprjetà jaf ikun l-aħjar mod kif jgħattu xturhom. Dawk kollha li għandhom flus moħbija taħt il-maduma li mhumiex dikjarati għal skopijiet ta’ taxxa u li issa se jkollhom jikxfu għawarhom minħabba l-konverżjoni għall-Ewro, qed jispiċċaw jinvestu fil-proprjetà u jiddikjaraw valur tal-proprjetà ferm aktar baxx mill-valur reali. Dan kollu ċertament se jkompli jżid il-pressjoni fuq il-prezzijiet tal-proprjetà.

Il-unions
Ħasra li f’Malta m’hawnx forzi tas-suq li jaħdmu kif suppost biex il-prezzijiet jistabbilizzaw irwieħhom f’livelli li jħallu marġni ta’ profitti xierqa. U m’hawnx regolaturi denji ta’ isimhom. Minħabba f’hekk mhux se jkunu ftit dawk in-negozjanti li se jittantaw jinħbew wara l-bidla għall-Ewro biex jgħollu l-prezzijiet biex jżidu l-marġni tal-profitti jew biex itaffu ftit mill-ħafna spejjeż li għandhom.
Ftit għandi fiduċja li se jkunu l-awtoritajiet regolatorji bla snien li se jirnexxilhom irażżnu dawn l-abbużi.
Ta’ min wieħed ifaħħar l-idea tal-UHM li qed tgħid li se tagħmilha ta’ għassiesa fuq il-prezzijiet biex tiżġura li ma jkunx hawn min jabbuża u jinħeba wara l-bidla għall-Ewro biex ikompli jgħolli l-prezzijiet.
Fil-fehma tiegħi l-GWU għandha tagħmel l-istess.

wenzumintoff@yahoo.com

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt