Bdejna sena ġdida u issa nibdew bir-rankatura għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. F’daqqa waħda l-lokalitajiet isiru importanti. Imma fil-verità għad m’għandniex politika nazzjonali li tiffavorixxi l-lokalitajiet. Għad m’hemmx għarfien siewi ta’ l-importanza tal-lokalitajiet għall-ekonomija nazzjonali.
Il-mentalità għadha li l-lokalità tkun amministrata separatament mill-Gvern ċentrali għax tagħti frott aħjar liċ-ċittadin u l-Gvern jiffranka ħafna xkiel li mhux maqtugħ għalih. L-amministrazzjoni semi-awtonoma tal-lokalità hi kkunsidrata wkoll skola tajba għat-taħriġ ta’ politiċi ġodda u toffri opportunità siewja biex il-partiti politiċi jżommu l-magna tagħhom fi stat ta’ preparazzjoni. Iżda m’hemmx politika maħsuba fuq strateġija ta’ x’inhu r-rwol tal-lokalità fl-eżekuzzjoni tal-programm ta’ żvilupp nazzjonali.
Il-lokalità trid titqies b’aktar importanza. Jekk nieħdu l-politika ekonomika qatt kien imkejjel il-potenzjal ekonomiku tal-lokalitajiet tagħna?
Lanqas fis-settur ovvju tat-turiżmu għad m’għandna politika ċara. Il-Ministeru tat-Turiżmu mitluf dwar fejn jidħol is-sehem tal-lokalità fl-istrateġija nazzjonali. M’hemmx strateġija lokalità b’lokalità fil-Pjan Nazzjonali għat-Turiżmu. U żġur li għadu ma tkejjilx il-potenzjal tal-lokalità bħala attrazzjoni għat-turist, l-aktar dak kontinentali, li jiġi jżurna fix-xhur tax-xitwa, tal-ħarifa u tar-rebbiegħa.
Dawn it-turisti jsiefru għal breaks qosra ta’ tlett ijiem u ħafna jippreferu jgħixu f’komunità u jesperjenzaw il-ħajja tan-nies fejn imorru. Dan suq kbir li lanqas biss inxommuh m’aħna għax għadna naħsbu li t-turisti huma biss dawk li jridu joqogħdu f’lukanda ħdejn il-baħar. M’għandniex politika li tidentifika dan il-potenzjal belt b’belt u raħal b’raħal.
Ftit li xejn qed isir biex lil-lokalitajiet indawruhom f’attrazzjoni turistika.
Kulfejn qed issir xi ħaġa, u hemm numru sabiħ ta’ lokalitajiet li qed jiċċaqalqu, qed issir fuq inizjattiva tal-kunsill lokal. Fejn sar xogħol infrastrutturali kbir sar mill-Gvern mhux b’riħet it-tisbieħ tal-lokalità iżda għax tinzerta lokalità li skond l-esperti tat-turiżmu tal-Gvern għandha potenzjal turistiku.
Trid tbati biex tifhem kif jiddefinixxuh dan il-potenzjal turistiku. Biżżejjed niftakru li l-Kottonera f’dawn l-aħħar snin biss ġiet rikonoxxuta bħala żona turistika. Il-biċċa l-kbira tal-lokalitajiet l-oħra qatt ma jaraw turist għax m’hemmx xi Mnajdra jew Ħaġar Qim. L-irħula l-oħra bil-knejjes barokki fiċ-ċentri storiċi tagħhom, bit-toroq u djar kif tfasslu sbieħ qabel twieldu tal-planning modern, biz-zuntier jiddomina l-pjazza, l-isqaqien u l-imkejjen li aħna l-Maltin noħduhom bħala xejn speċjali imma li huma ta’ l-akbar karattru u seħer għat-turist, qishom qatt ma eżistew. Xi ritratt kultant juru imma mill-bqja tat-turiżmu jużaw ritratti tal-bajja tal-Mellieħa u ta’ Għajn Tuffieħa, tal-Belt Valletta u ta’ l-Ipoġew u ta’ l-Imnajdra. L-esperti donnhom li jindunaw bit-teżori u l-ġawhar l-oħra meta jaraw lit-turisti jissaħħru bihom. Basta f’kull konferenza li tmur dwar it-turiżmu kulħadd jiffanfra b’kemm jaf!
La fl-irħula hemm ir-rikezza turistika allura għax m’aħniex ninvestu aktar fihom?
Mhux fit-twaqqigħ tagħhom bħalma ilna nagħmlu mitt sena nkissru ċ-ċentri storiċi, inħarbtu l-istrutturi antiki tat-toroq u neqirdu dar wara dar. Għax il-vara fil-festa ma kinitx tgħaddi, ċarratna s-swar u wessajna l-pjazza u addio l-konservazzjoni. Għax il-każin ridnieh ikbar waqqajna teżor li kellna qabel biex bnejna mostru ġdid. L-aqwa li hu akbar. L-aqwa li ferraħna lin-nies u rbaħna l-voti. Għax il-pampalun tar-raħal xtara d-djar il-qodma u ried jagħmilhom appartamenti. Skuża dejjem sibna biex infarrku u flok lil-lokalità saħħaħniha, faqqarniha.
Fortunatament għad fadlilna ħafna u ħafna sabiħ fl-irħula. Anki wara l-isfreġju ta’ dawn l-aħħar ħames snin meta l-MEPA saret dikjaratament kontra l-irħula Maltin u Għawdxin bl-ammont ta’ deċiżjonijiet li ħadet favur it-twaqqiegħ, baqgħalna x’nuru lil min irid jiġi jgawdi s-sabiħ ta’ l-irħula tagħna. B’xorti tajba wkoll ħafna barranin xtraw proprjetà fl-irħula u beżgħu għaliha u għallmuna napprezzaw is-sabiħ li kellna. Issa ħafna Maltin tgħallmu!
Imma issa rridu ngħidu daqshekk għat-tkissir. Mhux biss ingergru. Irid ikollna politika ċara. Irridu nifhmu li d-djar is-sbieħ tagħna, l-ambjent tar-raħal, il-pjazez u ċ-ċentri storiċi tagħna, irridu nibżgħu għalihom daqs is-swar ta’ l-Imdina. It-turisti rridu nsibulhom post fl-ambjent tar-raħal tagħna.
Irid ikollna politika biex id-djar vojta u d-djar il-kbar u oħrajn mhux tant kbar jilqgħu fihom wkoll turisti li jridu jiġu għal ftit ġranet joqogħdu magħna. M’għandnix nimponu t-taxxi fuq id-djar vojta iżda ninkoraġġixxu bi skemi speċjali l-investiment fir-restawr u l-użu tagħhom. Ħafna jaqilgħu l-flus jekk inħajru t-turisti jiġu fil-lokalitajiet. Jaqilgħu l-flus min jalloġjahom, tal-bar, tal-kafè, tal-ħwienet u kulmin irid imexxi intrapriża fil-lokalità.
It-turiżmu hu settur ovvju ta’ importanza għal-lokalità. Imma mhux biss. Hemm l-intrapriża ż-żgħira, dik li t-Taljani jsejħu l-casa bottega. Hemm ħafna xogħol back office li m’għandux għalfejn jibqa’ fiċ-ċentri tax-xogħol ewlenin. Mela llum il-barranin qed iġibu l-back office work mill-Ingilterra, il-Kanada, l-Awstralja u l-Amerika u, minn hawn, elettronikament iservu l-klijenti u l-intrapriżi tagħhom eluf ta’ kilometri ’l bogħod, u aħna għadna nippretendu li l-Maltin bilfors iridu jsuqu karozza jew jaqbdu tal-linja biex imorru x-xogħol bla ma naħsbu kemm xogħol jista’ jiġi r-raħal u n-nies jimxu flok isuqu biex imorru x-xogħol!
Mara flok taħli sagħtejn biex tmur u tasal lura mix-xogħol mill-ħames sigħat li jkollha disponibbli tibda timxi 10 minuti ’l hemm u 10 minuti ’l hawn u b’inqas spejjeż tipproduċi aktar. Jekk nieħdu aktar xogħol fil-lokalità malajr ngħolluh il-livell ta’ impjieg tan-nisa. Hemm ħafna u ħafna x’nagħmlu. Imma jrid ikollna politika unitarja għall-lokalità.
Għaliex m’aħniex nimxu lejn din d-direzzjoni? Għaliex m’għandniex politika ċara? Għaliex id-dibattitu dwar il-lokalità hu dwar kemm għamilna bozoz, bankini u kilometri ta’ asfaltar?
Donnu li ma rridux nitkellmu dwar il-lokalità bħala realtà ekonomika, soċjali u ambjentali għax kollox politika. Il-politika flok titfassal biex ittejjeb u tibni s-sabiħ titfassal fuq kif tikkuntenta lill-akbar numru li jemmnu li t-tkissir hu isbaħ milli ssebbaħ. Ma jfissirx li l-Kunsill Lokali mhux qed jagħmlu ħafna xogħol ta’ tisbieħ. Anzi, allaħares ma kinux huma għax kieku l-abbandun kiber.
Imma rridu naħdmu b’mod strateġiku. Għaliex għad għandna pajjiż tal-prima u tas-sekonda klassi? Il-lokalitajiet tas-sekonda klassi issa irridu ngħolluhom ’il fuq.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt