Razzett li partijiet sostanzjali minnu nbnew illegalment u li fih qed jitrabbew in-nagħaġ f’Ħ’Attard kien il-kawża ta’ attakk ta’ briegħed li sofrew residenti li joqogħdu fil-qrib.
Iżda minkejja li d-Dipartiment tas-Sanità fetaħ kawża kontra sid ir-razzett, sal-lum in-nagħaġ għadhom qed jitrabbew f’dan il-post b’inkonvenjent kbir għar-residenti li joqogħdu biswit u għall-iskola primarja li tinsab biss ftit metri ’l bogħod.
L-attakk tal-briegħed seħħ is-sajf li għadda u bħalissa d-Dipartiment tas-Sanità qed imexxi kawża fil-qorti quddiem il-Maġistrat Jacqueline Padovani Grima kontra sid ir-razzett.
Residenti li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew li ilhom jilmentaw ma’ l-awtoritajiet biex it-trobbija tan-nagħaġ f’dan ir-razzett tieqaf minnufih. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar is-sajf li għadda meta r-residenti fi Triq Durer sofrew minn mard tal-ġilda kkawżat minn gdim ta’ briegħed. Ir-residenti anki ppreżentaw ċertifikati mediċi u testijiet tad-demm fil-qorti li jikkonfermaw il-mard li sofrew minħabba l-briegħed.
Uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sanità saħansitra kienu jinżlu darbtejn fil-ġimgħa biex ibixxu l-faċċati u d-drive-ins tad-djar f’din it-triq.
“Ma nistax nifhem kif sid ir-razzett tħalla jkompli jrabbi n-nagħaġ meta tas-Sanità fetħu kawża kontrieh minħabba l-attakk li sofrejna s-sajf li għadda,” sostniet residenta ma’ Illum.
Ir-residenti qed jibżgħu li jekk ma titteħidtx azzjoni issa, fis-sajf li ġej jerġgħu jsofru mill-istess tbatija li għaddew minnha ftit tax-xhur ilu.
Sadanittant ir-razzett ilu mill-1994 b’ordni ta’ infurzar maħruġa mill-MEPA mdendla fuqu għax is-sid bena għadd ta’ kmamar bla permess li qed iservu ta’ kenn għall-bhejjem. Minkejja li għaddew 12-il sena l-MEPA għadha qatt ma ħadet azzjoni biex jitwaqqa’ l-bini llegali.
Fl-2004 il-MEPA ndikat li kienet se tressaq il-każ għall-infurzar dirett, jew aħjar twaqqiegħ, iżda minn dakinhar sal-lum ma ġara xejn.
Ir-razzett, jew partijiet minnu, saħansitra se jkunu esproprjati mill-Gvern biex titniffed it-triq li bħalissa hija sqaq. Iżda minkejja li l-ordni ta’ esproprazzjoni kienet iffirmata mill-President fl-2005 il-Gvern għadu ma ħax pussess ta’ l-art.
Sakemm l-awtoritajiet jiddeċiedu x’se jagħmlu dwar dan ir-razzett li qed jipperikola s-saħħa ta’ min joqgħod fl-inħawi, ir-residenti jkomplu jittamaw li xi ħadd jagħti widen għall-ilmenti tagħhom.
ksansone@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt