07 ta' Jannar 2007
Il-kunsilli ta’ Marzu t-test ta’ Josie Muscat
Karl Stagno-Navarra
L-iskuntentizza fost l-elettorat li għandha tkun riflessa fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li se jsiru f’Marzu li ġej mistennija jkunu test importanti għal Josie Muscat li bħalissa qed iħejji biex iwaqqaf partit politiku ġdid.
“L-assentejiżmu f’dawn l-elezzjonijiet għandu jkun indikattiv ta’ l-għatx kbir li hawn fil-pajjiż għal bidla sħiħa fis-sistema politika kollha,” sostna Josie Muscat f’kummenti lil din il-gazzetta l-bieraħ.
Għalkemm reġa’ għażel li jgħid li “xejn m’hu konkret,” Josie Muscat żied li “kull deċizjoni formali dwar partit politiku ġdid għandha tirċievi indikazzjoni mill-attitudni ta’ l-elettorat fl-elezzjonijiet għall-kunsilli lokali li ġejjin.”
Fi kliem Josie Muscat, l-iskuntentizza tal-poplu Malti u Għawdxi biż-żewġ partiti politiċi hi riflessa wkoll mir-rispons enormi li rċieva mindu l-gazzetta Illum ħabbret tliet ġimgħat ilu l-intenzjonijiet tiegħu li jwaqqaf partit politiku ġdid.
“Mijiet ta’ nies qed ifittxuni, isibuni u jtennu l-appoġġ tagħhom lejn il-proġett u qed ninduna dejjem aktar li l-elettorat hu għatxan għal bidla sħiħa.”
Filwaqt li Josie Muscat jibqa’ jsostni li “xejn m’għadu konkret,” din il-gazzetta rnexxielha tara dokumenti li qed jiċċirkolaw fost grupp ristrett ta’ persuni qrib Muscat u li jfissru dak li qed jitqies bħala l-abbozz tal-manifest elettorali li hu diġà approvat mit-tabib.
Il-kontenut ta’ l-abbozz tal-manifest jirrifletti l-ispirtu tal-kummenti li għadda Josie Muscat lil din il-gazzetta l-bieraħ stess.
“Il-poplu jrid sistema aktar trasparenti u fuq kollox drittijiet veri,” qal Muscat.
Fl-abbozz li rajna, il-manifest jipproponi li l-President tar-Repubblika jkun elett direttament mill-poplu u l-poteri tiegħu jkunu jiggvernaw fuq l-armata u x-xandir pubbliku.
Dan l-abbozz jirriżulta li kien approvat ftit tal-jiem ilu waqt laqgħa ta’ dak li qed jissejjaħ diġà bħala ‘l-Kumitat Eżekuttiv’ tal-partit li saret fil-lukanda Vivaldi f’San Ġiljan.
Fost affarijiet oħra li jispikkaw mill-manifest hemm li l-partit għandu jaħdem biex in-numru ta’ deputati eletti fil-Parlament ikunu anqas minn dak tal-lum u li minflok id-distretti tal-lum Malta tinqasam f’reġjuni elettorali.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat saret ħidma intensiva fin-naħa t’isfel ta’ Malta, partikolarment fil-Kottonera, fejn Muscat hu popolari ħafna.
Muscat qed iwiegħed riformi kbar fil-pajjiż u f’kull laqgħa li qed imexxi ma’ l-attivisti tiegħu, inklużi attivisti li sa ftit tax-xhur ilu kienu jimmilitaw fi ħdan l-Alleanza Nazzjonali Repubblikana (ANR), qed isostni wkoll fuq pożizzjoni iebsa ma’ l-Unjoni Ewropea biex Malta tingħata aktar għajnuna quddiem il-fenomenu ta’ l-immigrazzjoni klandestina.
B’diversi negozjanti jagħtuh l-appoġġ, Josie Muscat għażel li ma jweġibx għal mistoqsijiet oħra li għamilnilu, fosthom dwar diversi dokumenti ta’ ħidma politika f’diversi oqsma li qed jitħejjew minn esperti magħrufa.
Fost dawk li qed jassistu lil Josie Muscat fit-tħejjija tad-dokumenti politiċi jingħad li hemm ukoll żewġ uffiċjali għolja fiċ-Ċivil.
Ħsus mill-manifest
President elett mill-poplu
Pożizzjoni iebsa ma’ l-UE fuq l-immigrazzjoni klandestina
Inqas deputati fil-Parlament
Ħolqien ta’ reġjuni elettorali
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt