07 ta' Jannar 2007 • Nr 10

Arkivji




 

07 ta' Jannar 2007
Il-President taħt Sant

Julia Farrugia

Tista’ tinħoloq sitwazzjoni skomda għall-President ta’ Malta Eddie Fenech Adami jekk fl-elezzjoni ġenerali li jmiss il-Partit Laburista jkun elett fil-gvern bi programm elettorali li jitkellem dwar definizzjoni iktar wiesa’ tal-familja.
Mistoqsi minn din il-gazzetta jekk iħossux komdu jaħdem bħala President taħt il-Prim Ministru Alfred Sant kemm-il darba Gvern Laburista jipproponi li titwessa’ d-definizzjoni tal-familja, Fenech Adami jinsisti li jrid iwieżen ukoll l-affarijiet skond il-kuxjenza tiegħu.
F’intervista ma’ Illum, il-President jgħid li bħal kulmin għandu kariga hu wkoll għandu l-kuxjenza tiegħu u jrid jara li “ma jagħmilx vjolenza ma’ dak li jemmen.”
“Naturalment tista’ twassal għal kriżi għall-President stess,” Fenech Adami jgħid, iżda jagħmel distinzjoni bejn “affarijiet li huma fundamentali li ma tistax ixxellifhom” u affarijiet oħra “li jista’ jkollok l-opinjonijiet tiegħek u ħaddieħor ma jaqbilx magħhom.”
“Wieħed irid jiddistingwi,” isostni Fenech Adami. Iżda minn ħaġa waħda hu ċert. Għal Fenech Adami kull gvern għandu jaħdem kontra d-divorzju għax skond hu dan huwa “iċ-ċaħda ta’ l-element essenzjali ta’ x’inhi verament familja.”
Bil-kontra ta’ dak li lissen ftit tal-ġimgħat ilu Rev. Peter Serracino Inglott, dak li għal ħafna snin kien konsulent ta’ Fenech Adami, il-President ma jemminx li wasalna fl-istat li għandna bżonn nirregolarizzaw is-sistema soċjali b’mod differenti milli għandna llum.
Fuq il-programm tan-Net TV Doksa f’Diċembru li għadda Serracino Inglott sostna li jista’ jkun li d-divorzju hu meħtieġ bħala miżura biex tirregola l-ordni soċjali jekk iktar tfal ‘illeġittimi’ jitwieldu għand koppji li jikkoabitaw.
Fl-intervista Fenech Adami jargumenta li bħalissa pajjiżna għaddej minn ċiklu qawwi ta’ taqlib u kriżi kbira fil-valuri. Jerġa’ jtenni li s-sistema tal-ġurijiet għandha tinbidel u jitkellem ukoll dwar il-kandidatura ta’ ibnu Beppe fl-elezzjoni li jmiss.



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt