07 ta' Jannar 2007
“Il-kampjonat Taljan falz mingħajr il-Juventus u bil-Milan jibdew bil-punti mnaqqsa” – Laura Esposto
Il-ħbiberija bejn it-tnejn ilha tirrenja għal aktar minn sena. Appena ħarġet l-aħbar li t-tim ta’ Milan kienu ġejjin Malta mill-ewwel ħsibt li stajt setgħet tiġi Malta. Ftit sigħat wara li d-diriġenti ta’ Birkirkara laħqu ftehim biex iġibu f’pajjiżna dawn l-iġganti tal-futbol Taljan u Ewropej, mill-ewwel ħsibt fiha. Nibgħatilha sms u ninfurmaha li t-tim ta’ qalbha u li taħdem miegħu kien se jżur pajjiżna. Ma kinitx taf. Tajtha sorpriża. Riedet tkun ċerta u qaltli li kienet se ċċempilli l-għada biex tikkonferma din l-aħbar. Jien sirt naf qabel il-Milan Channel għax id-diriġenti tal-Milan kienu għadhom ma nfurmaw lil ħadd mill-istazzjon tagħhom.
Insomma…fl-istess telefonata qalti li kienet se tagħmel minn kollox biex imqar għal ftit jiem tiġi żżur pajjiżna. U hekk kien!
Laura Esposto waslet Malta nhar it-Tlieta li għadda. Ma kinitx waħedha. Magħha kellha ħabiba oħra…Marianna Galante. Ġurnata xitwija. Titfaċċa fl-arrivals ta’ l-ajruport u tibda bl-ewwel botta.
“Din ix-xemx sabiħa li smajt li għandkom hawn?”
Filwaqt li ntiha ħarsa li biha ridt ngħidilha biex ma tgħidx kelma oħra, nibdew nimxu lejn il-Mercedes Sea Class ta’ l-aħħar mudell tal-kumpanija Drive A Way Taxi Service u li pprovdewilhi l-Milan Club Malta.
Bil-ftit traffiku minħabba x-xita ħafifa li kienet għadha kif għamlet domna nofs siegħa sakemm wasalna l-Golden Tulip Vivaldi. Fil-vjaġġ tkellimna fuq ħafna affarijiet. Fuq il-bluha li għamilna t-tnejn fil-lejla li firdet is-sena 2006 mis-sena 2007.
“Nixtieqek toħodni ftit sal-Fuego.” Ċert li wieħed mill-aqwa postijiet ta’ divertiment li għandna pajjiżna, imma ftit stennejt li minn Milan kienet se tisma’ bih.
“Ħabiba tiegħi tiġi ta’ spiss Malta u qalti li post sabiħ u li fih ma tiddejjaq qatt.” Barra minn hekk tkellimna fuq x’laqatna fil-ħajja fl-aħħar xhur, fuq il-Milan, Juventus u affarijiet oħra ta’ anqas importanza u oħrajn li m’hemmx għalfejn tkunu tafuhom!
Il-ftehim li kellna bejnietna baqgħet tiftakru. Appuntamenti ċerti kellna biss ħin għal din l-intervista u għal ġurnata tal-bieraħ biex noħodha fiż-żewġ clubs tal-Milan li għandna f’pajjiżna. Il-bqija, fil-ħajja it-tnejn tgħallimna biex l-affarijiet kurrenti u ta’ divertiment ma nippjanawhomx u nimxu biss mal-kurrent u skond iċ-ċirkostanzi.
Din l-intervista għamiltilha fir-ristorant ta’ l-istess lukanda. Sieq fuq sieq, b’daħka fuq wiċċha li ma qatgħet qatt, Laura spjegatli fil-qasir il-ħajja tagħha mill-viċin bħala persuna qrib dawn iċ-champions kbar tal-futbol mondjali.
“L-akbar sodisfazzjon li għandi b’xogħli hu li nżomm lili nnifsu f’kuntatt kontinwu man-nies komuni, l-aktar dawk ta’ Milan. Jien għadni nistudja sa llum. Immur Bologna kontinwament biex nistudja x-xjenza tal-komunità. Il-kuntatt mal-pubbliku jogħġobni u għalija l-partitarji Milanisti huma għal qalbi wisq. M’jienix persuna li niddejjaq għax in-nies iwaqqfuni barra u jkellmuni fuq it-tim tagħna. Bħalissa komuni ħafna għax it-tim ma jinsabx mija fil-mija perfett. Naf inkun ħelwa u umli ma’ min hu bħali u naf inkun mod ieħor ma’ min ikun mod ieħor.”
Huma ħafna dawk Maltin li jaħsbu li l-personalitajiet televiżivi Taljani jgħixu f’dinja għalihom, strambi, ma jkellmu lil ħadd u jaraw kbir! Sa ċertu punt jien kont ngħid l-istess. Imma Laura dawritli ftit dan il-ħsieb li kelli.
“Jien persuna sempliċi, sinċiera u vivaċi. Inħobb insiefer ħafna u niskopri postijiet ġodda li toffri s-sbuħija tad-dinja. Inħobb l-isport kollu, l-aktar il-Beach Volley. Jien sportiva ħafna u għamilt 10 snin nilgħab il-volleyball ma’ l-Atletico Volley fis-Serie B2. Għamilt erba’ snin insuq il-mutur ukoll.”
Nammetti li hija waħda mill-isbaħ nisa li qatt iltqajt magħhom f’ħajti. L-istatura, il-wiċċ, l-għajnejn u l-ħarsa tagħhom iġibu raġel fejn irid. Għalkemm sinċerament naħseb li m’hemmx bżonn il-ħarsa ta’ għajnejha biex wieħed jgħaddila kumpliment! Jekk mudella jkollha waħda minn dawk il-karatteristiċi neqsin, imbagħad f’pajjiż bħall-Italja, tista’ ssib xogħol ieħor.
“L-opportunità fit-televiżjoni nqalgħet meta kont mudella ma’ l-aġenzija Fashion Model ta’ Milan. F’din l-aġenzija kien hemm ukoll studios tat-televiżjoni. Niftakar li dak iż-żmien kien ġieni ċ-ċans biex nagħmel provi għall-programm ‘Il Gladiatore’ ta’ Carlo Conti fuq ir-Rai 1 u għażlu lili ma’ tliet tfajliet oħra. Imbgħad kelli xi ħaġa oħra fuq Rai 2 u dawn l-aħħar sentejn ma’ Milan Channel.”
Laura Esposto twieldet f’Bologna fit-8 ta’ Awissu taħt l-istilla Leo u fil-preżent tippreżenta l-programm Juke Box fuq Milan Channel. Is-sena ma xtaqetx tiżvela. U għal dawk interessati, ngħidilhom li hija single għax qaltli li ma jridha ħadd. Id-data tat-twelid tagħha tagħtini sodisfazzjon kbir għax fiha jiġi ċċelebrat San Gejtanu tagħna l-Ħamruniżi. Ma riditx li toħroġ fil-pubbliku l-età tagħha.
Jien mhux se niċħdilha qalbha. Ngħidilkom biss li jien twelidt fl-1979 u kull m’hemm tifred bejnietna hija sena. Mod avukatesk ta’ kif toħroġ minn reat meta tkun ħati! Issa aħsbu intom min hu l-ikbar minna. Jien ma ktibtx f’liema sena twieldet.
Fl-Italja l-futbol reliġjon. In-nisa dilettanti daqs l-irġiel, biex ma ngħidx aktar. X’taħseb fuq it-tim ta’ Carlo Ancelloti dan l-istaġun?
“Huwa staġun diffiċli. Ma niftakarx f’ieħor hekk. B’dak li nqala’ fis-sajf ma kellniex iċ-ċans nippreparaw sew mill-ebda lat. Konna ndeċiżi nilagħbux fis-Serie B, aħseb wara jekk nilagħbux fiċ-Champions League. Biex tagħqad ma’ dan kollu bdejna b’nuqqas ta’ punti, u aktar qabel ħadna l-aħbar li Andriy (Shevchenko) kien se jħalli Milanello. Kien jiskurja kważi f’kull logħba u plejer hekk bilfors li jinħass. Imma xorta naħseb li jekk l-attakkanti tal-preżent ikunu fil-burdata, m’għandux ikun hemm problemi.”
Tgħidulix il-għala imma qbadna nidħku t-tnejn. Laura tispera li Malta u Birkirkara jġibu ftit tar-risq fuq it-tim ta’ qalbha. Imma ma ħbitx il-fatt li l-forma diżappuntanti tal-Milan fil-preżent, m’hix l-unika ħaġa li qed iddejjaqha.
“Il-fatt li l-Inter aktarx jirbħu l-iscudetto għalina ma tiswiex għax il-kampjonat huwa falz mingħajr il-Juventus u bil-Milan jibdew bil-punti mnaqqsin.”
Kont mingħalija li se tiddefendi lill-Juventus u komplejt nistaqsiha jekk kienx ġust li għal dak kollu li nqala’ fil-każ Calciopoli, ħallsu għalih biss it-tim ta’ Turin. Mort imqarraq!
“Il-Juventus kellhom ħafna trufijiet u kien l-aktar tim imdaħħal fi skandli. Huwa ġust li l-Juventus marru Serie B u mhux ġust li l-Milan tnaqqsulhom il-punti għall-ebda raġuni.”
Nipprova nkellima fuq is-sid it-tim ta’ Milan u ex Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi. Laura tgħidli li diffiċli ħafna biex tiltaqa’ miegħu u hi tkellmet miegħu darba biss f’ħajjitha u b’ħarba.
“Żgur li huwa persuna ta’ kariżma kbira. Huwa politiku kbir u oratur fid-diskors tiegħu. Wara l-familja u l-Italja, huma l-Milan l-aktar għeżież f’ħajtu. Jien jogħġobni ħafna. Komunikatur kbir.”
Ma kellix interess insaqsiha vvutatx lilu fl-elezzjoni. Minn dak li qaltli, ma kelli l-ebda dubju fuq liem naħa vvutat.
Imma mill-plejers kollha ta’ AC Milan, liema hu l-aktar wieħed għal qalb Laura u li hi personali tikkunsidrah bħala bandiera u idolu. Ma tantx damet taħsibha biex tgħidli.
“Ricardino Kakà. Wiċċ sinċier, raġel sabiħ u għadu żgħir. Professjonista’ kbir. Però ma nistax ma nsemmix ukoll lil Paolo Maldini u lil Rino (Gattuso). Naħseb li huma l-aktar plejers għal qalb il-Milanisti.”
Insaqsiha lil min taf l-aktar mill-plejers attwali tal-Milan. Konxju li darba qerret miegħi storja partikolari, tbissmet.
“Għandi relazzjoni tajba mal-plejers kollha u daqshekk. U ikteb hekk biss jekk jogħġbok.” Wegħidtha li la nikteb min hu u wisq anqas nagħti ħjiel ta’ min jista’ jkun. Dan aħsbuh intom.
Kienet diġà ilha kważi tlett ijiem f’pajjiżna. Ridt inkun naf liema huma l-aktar postijiet li għoġbuha minn tant li dorna flimkien.
“Malta sabiħa wisq. Jiddispjaċini li nzerta temp ikrah għax xtaqt ingawgi aktar ix-xemx. In-nies dejjem jidħku u kważi dejjem jidhru ferħana. Aħjar li kien is-sajf. Imma ħa nipprova nerġa’ niġi fis-sajf li ġej.”
Hawnhekk nitlobha twiegħed, u ma ċaħditnix. Insomma, seta’ kien is-soltu diskors xemha tan-nisa. Nagħmel ta’ bir-ruħi li bqajt normali u m’għandi l-ebda reazzjoni ferħana li dalwaqt nerġgħu niltaqgħu.
Reazzjoni tlabtha lilha fuq il-fatt li l-Italja huma ċ-champions tad-dinja tal-futbol.
“Xi ħaġa kbira li dejjem ħlomtha. Huma ftit li jemmnuni meta ngħid li xi ħaġa ġo fiha bdiet tgħidli wara l-ewwel logħba li stajna nirbħu t-Tazza tad-Dinja. Il-grupp li rnexxilu joħloq Marcello Lippi kien wieħed eċċezzjonali fejn fost kollox rrenjat is-sinċerita’ u s-serenità bejn il-plejers kollha. Lippi għalija huwa wieħed mill-aqwa coaches fid-dinja. Ma nafx kif ma rebaħx ma’ l-Inter. Imma fejn jidħol dak it-tim, l-affarijiet impossibbli tad-dinja jsiru impossibbli.” U hawnhekk terġa’ tiċċajta…
“Li kieku qatt ma kien mal-Juventus nieħu pjaċir jekk jiġi magħna.”
Qaltli li kienet qed tiġbidli saqajja. “Nafek biżżejjed u ridt ngħidlek xi ħaġa żgur għax ma nkunx jien.”
Insaqsiha x’taħseb fuq il-fatt li fi gżira żgħira bħal Malta għandna żewġ clubs uffiċjali tal-Milan.
“Din l-imħabba għal Milan f’pajjiż daqshekk żgħir hija xi ħaġa impressjonanti. Milan hemm ħafna aktar minn tnejn. Forsi hekk għax għandhom aktar opinjonijiet differenti. Ma nistax ngħidlek eżatt għax ma nafx. L-aktar importanti għaż-żewġ clubs hu li jingħaqdu f’affarijiet ta’ ġid għat-tim ta’ qalbna. Jista’ jkun li jekk jerġgħu jingħaqdu jkollhom aktar vuċi u aktar saħħa. Jekk iridu li dan iseħħ, importanti li ma jkunx hemm piki żejda u li kulħadd iċedi pulzier. Milanist huwa twajjeb mit-twelid għalhekk ninsab ċert li kapaċi jiftiehmu fuq dan ukoll jekk jaraw il-ħtieġa.”
Minnufih il-messaġġ tagħha lill-membri kollha taż-żewġ clubs. “Forza ragazzi, credeteci sempre, non mollare mai.”
Beda jidlam u kien sar il-ħin biex tmur ftit fis-sawna. Fl-10pm konna miftehmin mill-ġdid għall-ħarġa. Għal-lejla jmiss post ieħor ġdid. Diġà għidtilkom li ma nippjanawx u fejn ma nafux.
X’għandha ppreparat għall-futur?
“Nixtieq inkompli naħdem fl-ambjent sportiv tal-ġurnaliżmu fuq it-televiżjoni. Issa skond kemm inkun fortunata fl-opportunitajiet ta’ ħajti. Nistennew u naraw. Ma nistax ma nirringrazzjax il-Maltin li ġieli kkorrispondew miegħi fil-website personali www.lauraesposto.it
Ma nistax ma nirringrazzjax lil dawk in-nies li niltaqa’ magħhom kuljum fil-ħajja normali. Sibt persuni bħal Riccardo Silva, sid il-Milan Channel u d-direttur ta’ l-istess stazzjon, Mauro Suma, li huma professjonisti mill-aqwa u li tieħu pjaċir taħdem magħhom.”
Min jaf forsi din l-ewwel esperjenza tagħha f’pajjiżna tiftaħ bibien ġodda fil-karriera ta’ din il-bellezza Taljana. Ċert li għandha d-doni kollha neċessarji!
mattard@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt