Julia Farrugia tintervista lill-President Eddie Fenech Adami
Wara kważi nofs seklu nvolut direttament fil-politika partiġġjana, Eddie Fenech Adami, illum President ta’ Malta, ma jara li fiha xejn ħażin li jokkupa l-ogħla kariga tal-pajjiż. Jitkellem ma’ Illum dwar il-kriżi li għaddejja minnha Malta, dwar kif iħossu jekk ikollu jagħmel diskors bi gvern ġdid Laburista u dwar il-ħarġiet li jagħmel bil-cabin cruiser żgħira tiegħu. Bilqiegħda fuq pultruna ħadra b’disinn lewn id-deheb minsuġ fiha, il-President xi minn daqqiet iwieġeb il-mistoqsijiet b’mod li jfakkarni fis-snin li kien Prim Ministru. Bil-Malti forsi tinstema’ kerha, imma fir-raġel b’xagħar qotni għadni nara jbaqbaq id-demm politiku.
B’mod awtomatiku nistaqsieh kif iħossu li qed toqrob l-elezzjoni ġenerali u għall-ewwel darba wara tant snin mhux se jkun ir-ragħaj ta’ partit politiku.
“Naħseb li se nkompli bil-funzjoni li jien niddeskrivi l-Presidenza ta’ osservatorju u għall-ewwel darba f’45 sena se nkun veru osservatur u mhux parteċipant f’elezzjoni.”
L-interpretazzjoni tal-Presidenza tiegħu hija “Ħajja ta’ President hija differenti għal kollox milli kont imdorri biha fil-politika attiva. Jien niddeskriviha bħala very leisurely bl-Ingliż. Għandi ħafna aktar ħin available u l-aktar ħaġa importanti normalment hi li m’għandekx il-piż tad-deċiżjonijiet. Xi ħaġa li l-Presidenza tagħmilha interessanti ħafna u għall-fatt li tiltaqa’ ma’ ħafna nies kemm Maltin kif ukoll barranin. Il-laqgħat ikunu mingħajr ebda tensjoni u mingħajr ebda sens ta’isma’ trid toqgħod attent x’se tgħid. Tħossok ħafna aktar liberu li titkellem veru mill-qalb kif tixtieq.”
Jekk irridu mmorru dritt għall-punt infakkru li nofs Malta rat il-ħatra tiegħu bħala waħda mhix flokha, dan meta sa ftit ġimgħat biss qabel Eddie Fenech Adami sar President kien mhux biss il-kap ta’ partit politiku imma wkoll il-bniedem li mexxa argumenti li dak iż-żmien firdu lill-pajjiż politikament. Anki Nazzjonalisti tkellmu pubblikament kontra l-ħatra ta’ Fenech Adami bħala President. Nistaqsieh kemm iweġġa’ meta jisma’ kummenti bħal “Eddie mhux il-President tiegħi.”
Nistqarr li kont qed nistenna forsi tweġiba differenti. “M’hemm xejn straordinarju f’dan. Il-funzjoni ta’ President hija funzjoni ta’ politika, mhux ta’ politika partiġġjana.”
Meta nippersisti jgħidli: “Jien nifhem is-sentiment tan-nies. Jien li kont quddiemnett fil-politika nifhem li kien hemm avversarji u allura fl-opinjoni tiegħi ma kinitx għażla tajba li jien insir President. Pero’ jien inħobb nara l-affarijiet b’mod distakkat. Minnha nnifisha hija xi ħaġa tajba jew le?”
Biex isaħħaħ dan l-argument jaqsam miegħi esperjenza ta’ x’ħass meta mar l-Ungerija għall-50 anniversarju tar-rivoluzzjoni tal-1956. Hemm iltaqa’ mal-President tar-Repubblika Ċeka Vaclav Klaus u ma’ xi tliet persuni li minn Prim Ministri saru Presidenti u dan, dejjem skond il-President Malti, huwa xhieda ta’ kemm din it-tip ta’ kariga mhix xi ħaġa rari.
Għal Fenech Adami,“dak is-sentiment ta’ nies li kellhom xi dubju, illum mill-esperjenza tiegħi sparixxa u llum kulħadd jaċċettaha. L-uniku President li ma kienx kontestat kien Sir Anthony Mamo.”
Il-kelma ‘dubju’ bl-enfasi fuq id-doppja ‘B’ għadha tidwi f’widnejja.
Nipprova nistaqsieh jekk idejqux il-fatt li meta fil-kariga ta’ President il-Qorti sabitu ħati li gideb. Meta għadni biss f’nofs is-sentenza, jipprova jwieġeb. “Le. Jien meta lħaqt President ħadt id-deċiżjoni li fid-diversi kawżi pendenti, il-kariga titlob li jien ma nkunx involut f’litigazzjonijiet u allura l-kawżi li kelli jien ċedejthom kollha.
“Veru li kien hemm żewġ kawżi li nqatgħu kontra tiegħi imma veru wkoll li jien m’għamiltx l-almu tiegħi biex niddefendi ruħi. Għamilt dan għax bħala President dehrli li ma kellix nidħol f’aktar litigazzjoni.”
Bejn mistoqsija u oħra jinsisti li mhux bi qżież li f’daqqa waħda fl-2004 beda jissejjaħ Edward. Jgħidli li l-verità hi li l-isem uffiċjali tiegħu huwa Edward kif jindika wkoll iċ-ċertifikat tat-twelid “anzi suppost Edoardo għax meta twelidt jien fl-1934 kienu bit-Taljan.”
Il-valuri tal-familja huma l-uniku fattur li lura fis-snin tefagħni miegħu fuq l-istess frekwenza. Eddie Fenech Adami huwa l-bniedem li ta ħajtu għall-familja imma jemmen b’konvinzjoni għamja li “jekk għandek sens veru u qawwi tal-familja, il-politika ma ċċaħħdekx mill-familja.”
Jispjegali li dejjem kien jinsisti li f’nofsinhar imur jiekol mal-familja.
“ Kien hemm żmien qabel ma lħaqt Kap tal-Partit li kont diġà fil-Parlament. F’dan il-perjodu kont naħdem ta’ avukat imma niftakar kont nara n-nies u wieħed mit-tfal tiegħi ħdejja fuq l-iskrivanija jkollu diffikulta fil-homework u nurih.” Jinsisti li: “Min ma jlaħħaqx max-xogħol min m’għandux x’jagħmel. Trid ħafna dixxiplina fuqek innifsek biex ma tonqosx mid-doveri tiegħek.”
Il-Partit Laburista fil-programmi li qed iħejji jitkellem fuq il-familja bi spettru aktar wiesa’ fosthom anke dwar persuni separati. Il-President kemm iħossu komdu jekk jitla’ l-Partit Laburista fil-Gvern u hu jkollu jagħmel id-diskors tal-ħatra f’qafas ta’ gvern b’ideat differenti minn tiegħu?
“Il-President, bħal kulmin għandu kariga, għandu wkoll il-kuxjenza tiegħu. Irid jara li ma jagħmilx vjolenza ma’ dak li jemmen. Naturalment tista’ twassal għal kriżi għall-President stess.” Jieqaf għal ftit sekondi u bl-istess ritmu jkompli jwieġeb: “Hemm affarijiet li huma fundamentali li ma tistax ixxellifhom. Hemm affarijiet oħra li jista’ jkollok l-opinjonijiet tiegħek u ħaddieħor ma jaqbilx magħhom. Wieħed irid jiddistingwi.”
Eddie Fenech Adami jkompli jelabora: “Jekk xi ħaġa fundamentali, pereżempju l-abort, u l-Parlament jgħaddi liġi li tawtorizza l-abort jien għalija dik kwistjoni ta’ prinċipju fundamentali u jien ma nkunx f’pożizzjoni li niffirma liġi bħal din.”
Jagħtini x’nifhem li anke l-kwistjoni tad-divorzju: “Kull Gvern għandu jaħdem kontra d-divorzju għax huwa ċ-ċaħda ta’ l-element essenzjali ta’ x’inhi verament familja. Żgur li ma wasalniex f’dak l-istat li għandna bżonn nirregolarizzaw is-sistema soċjali b’mod differenti milli għandna llum.”
Madankollu jitkellem b’mod aktar ħieles dwar separazzjonijiet: “Enfasi dwar kif tirregola s-soċjetà hi xi ħaġa aċċettabbli u mhux biss. Meta tilleġisla trid tara s-sitwazzjoni soċjali reali dakinhar fil-pajjiż. Jista’ jkun hemm ċirkostanzi li wieħed ikollu jaċċetta u jirregola sitwazzjoni anki jekk ma tixtiqhomx.”
Jammetti li jnikktu ħafna l-fatt li l-valuri tal-Maltin qed jispiċċaw. “In-nuqqas ta’ valuri li qed jitmermru f’pajjiżna hija kriżi mhux żgħira.” Inħalliħ ikompli jiftaħ l-argument.
“Malta bħalissa għaddejja minn ċiklu pjuttost qawwi ta’ taqlib. Jien ma nistgħaġibx anzi naħseb li rridu niġu għal sitwazzjoni fejn nerġgħu nistabißlizzaw ruħna u nfittxu u nsibu l-valuri tradizzjonali tal-poplu Malti.”
Fiż-żmien Eddie Fenech Adami kien l-istess bniedem li wiegħed ġustizzja ma’ żewġ delitti ewlenin f’pajjiżna: Raymond Caruana u Karen Grech.
“Inħares lejhom bi preokupazzjoni kbira. Każijiet li skussaw il-pedamenti u lill-poplu Malti kollu mingħajr distinzjoni ta’ politika partiġjana. Wieħed kien jippretendi li bis-sistema demokratika ta’ pajjiżna, bl-effiċjenza tal-Qrati tagħna, bl-effiċjenza ta’ l-investigaturi tagħna, konna se nsibu l-awturi tagħhom pero’ dan sfortunatament ma ġarax. Jien inħeġġeġ biex min jaf xi ħaġa dwar dawn iż-żewġ każijiet li semmejtli jiġi ’l quddiem. Il-ferita għadha miftuħa u jekk tingħalaq billi nkunu nafu x’verament ġara naħseb ikun ta’ ġid għall-poplu kollu.”
U Eddie Fenech Adami mis-siġġu ta’ President kif iħares lejn il-maħfra li ta lil Żeppi l-Ħafi? Kien hu li ta parir lill-President ta’ dak iż-żmien biex Joseph Fenech jingħata l-maħfra. Biż-żmien u fi tmiem ġuri, il-persuni mħammġa mill-Ħafi nstabu ħielsa minn kull akkuża. Allura din il-maħfra Presidenzjali ngħatat għalxejn?
“Din il-maħfra tispiċċa awtomatikament jekk bniedem jirriżulta li ma qalx il-verità kollha. Huwa d-dmir tal-Pulizija, ta’ min għandu r-responsabbiltà li l-maħfra awtomatikament taqa’ u l-individwu jista’ jiġi pproċessat.”
U Fenech Adami għadu ta’ l-istess fehma li tinbidel is-sistema tal-ġurijiet f’pajjiżna. “Meta jkollok każijiet kriminali b’overdose politika, is-sistema tal-ġuri ma taħdimx daqstant tajjeb daqskemm fil-każijiet normali. Pajjiżi bħall-Ingilterra ikkunsidrawha. Jista’ jkun hemm ukoll każijiet li jkunu diġà qajmu agħa kbira fil-pajjiż u allura wieħed jiddubita jekk verament tistax issir ġustizzja bis-sistema tal-ġuri. Jien naħseb li tajjeb li ssir diskussjoni f’livell akkademiku, diskussjoni serja fuq is-sistema kollha kif inhi.”
Nistaqsieh jekk Mary Fenech Adami għaddilhiex dwar San Anton u l-idea li ma tridx tmur toqgħod hemm. Għall-ewwel darba nħoss President aktar rilassat. Jinfaqa’ jidħak.
“Le, m’għaddielha xejn. Kienet kundizzjoni li ma mmorrux noqogħdu hemm biex aċċettajt li nsir President! Il-karattru tagħha hu li tibqa’ tiltaqa’ man-nies. Baqgħet tmur tixtri hi u tmur il-Knisja bil-mixi hi.”
Jekk f’għajnejja dejjem rajt Eddie Fenech Adami iebes u diffiċli jċedi argument, fuq waħda jasal jammetti li kellu jibla’ l-kliem li qal fl-imgħoddi.
“Biex ngħid il-verità, meta kont Prim Ministru kont ninsisti mall-Presidenti ta’ qabel li jmorru joqogħdu San Anton, għalkemm kien hemm min minnhom li ma xtaqx. U issa kkummentawli kif issa qed nagħmel mod ieħor.”
Il-President issa qed iħares lejn il-ħajja b’mod aktar kalm. Qed jaqra aktar. Jistqarr li għall-Milied il-ħbieb tawh xi 12-il ktieb ġdid li jrid isib mezz biex jaqrahom kollha. Dwar riżoluzzjonjiet jgħidli li għamel tnejn.
“Jekk Alla jrid jasal il-mument sentejn oħra u qabel immur norqod ma narax x’appuntamenti jkolli għall-għada filgħodu. It-tieni xewqa kbira li għandi hi li ma nagħmilx aktar diskorsi, fosthom okkażjonijiet bħal din l-intervista, għalkemm issa b’inqas impenn minn qabel. Nixtieq dak il-ġurnata fejn ngħid: issa bniedem ħieles.”
Jekk il-President qed iħares lejn il-ġurnata li joħroġ mill-politika, mhux l-istess qed jagħmel ibnu Beppe Fenech Adami li huwa kandidat għall-ewwel darba fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Dwar dan Eddie Fenech Adami jinsisti: “Deċiżjoni tiegħu biss li miegħi ma kkonsulta qatt x’se jagħmel. Deċiżjoni li persważ li ħadha b’għajnejh miftuħa għax għex ħajja bħala l-bniedem ta’ persuna li kienet involuta b’ruħha u b’ġisimha fil-politika. Hi għażla tiegħu. Jien assolutament la ħeġġiġtu u lanqas skoraġġejtu.
“M’għandix dak is-sentiment li ngħid, isma’, kemm qed nieħu pjaċir li t-tifel dieħel fil-politika. Ngħid li jekk jidhirlu li jista’ jikkontribwixxi hija deċiżjoni tiegħu u qed jagħmel sew.”
Dwar dan il-punt Eddie Fenech Adami jiċħad bl-aktar mod assolut li b’xi mod jintuża fil-fuljetti ta’ ibnu waqt il-kampanja elettorali.
Il-bqija l-ħajja tkompli bħas-soltu. Kull filgħodu, ċomba fis-7:00, il-President jibqa’ l-istess bniedem li dejjem kien. Għadu jagħmel kuljum nofs siegħa fuq it-treadmill. Xi żmien ilu kellu dgħajsa li tkissritlu bil-maltemp imma issa għandu cabin cruiser żgħira.
“Inħobb immur biha fis-Sajf f’postijiet fejn ma jkunx hemm nies, għall-kwiet. Immorru ngħumu. Dari kont nieħu t-tfal kollha ta’ Buġibba. Kien ikolli xi 15.”
“Issuq inti?”
“Iva, ehe. U għandi l-liċenzja!”
Bejn daħka u xengila ’l hemm u ’l hawn ta’ rasu jgħidli: “Għaliex bil-liġijiet li għamilna jinkuni għax kelli nagħmel it-test.”
Insaqsieh jekk marx għal-lezzjonijiet kif suppost.
“Insomma, ġie jeżaminani l-uffiċċju, ejja ħa npoġġuha hekk. Imma għaddejt mill-eżami.”
Kos! Xi kultant jaqbillek tkun President.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt