07 ta' Jannar 2007
Il Punt - Frank Zammit
Il-forka lil Saddam
‘Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġessi, għad tinbet rimja minn għeruqu; fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu ta’ l-għerf u d-dehen, l-ispirtu ta’ l-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu tal-għerf u l-biża’ tal-Mulej, u l-għaxqa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej.
Ma jiġġudikax skond ma jidher fl-għajnejn u ma jagħtix sentenza skond ma jisma’, iżda jiġġudika lill-imsejknin skond il-ġustizzja u jagħti s-sentenza skond is-sewwa lill-fqajrin ta’ l-art. Isawwat il-kiefra bix-xettru ta’ fommu, u b’nifs xufftejh jolqot lill-ħażin. Il-ħżiem ta’ ġenbejh tkun il-ġustizzja u l-fedeltà l-ħżiem ta qaddu. Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leoparda mal-gidi, u jirgħaw flimkien il-għoġol u l-ferħ ta’ l-iljun, biżżejjed daqxejn ta’ tfajjel biex isuqhom. Il-baqra u l-ors jirgħaw flimkien, u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu. L-iljun bħal gendus jiekol it-tiben. It-tarbija tal-ħalib titliegħeb mas-serp; u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa.’ (IsXI, 1-8)
Qabel ma nqis li jien Malti, jien Nisrani! Nisrani dgħajjef u ta’ ħafna waqgħat! Naqa’ ħafna drabi kuljum iżda nemmen li d-demm u l-ilma li Kristu xerred fit-traġedja tal-kalvarju kien għall-waqgħat li nsofri jien ukoll. Kulmin hu Nisrani jaf li Alla Hu mħabba bla limitu. Liema mħabba ġiegħlitu jaħfer lill-bojja tiegħu minn fuq is-salib fejn temmewlu ħajtu.
B’ċertezza nemmen ukoll li l-akbar traġedja li qatt għaddiet minnha l-umanità kien dakinhar li l-istess bniedem temm il-ħajja ta’ Ġesu Kristu fuq il-Golgota.
U x’kien il-messaġġ li ħareġ mir-reazzjoni tal-bniedem imsallab? Kien messaġġ ta’ mħabba. Kien messaġġ ta’ maħfra. Kien messaġġ ta’ kumpassjoni. Kien messaġġ ta’ kuraġġ, messaġġ ta’ rebħa kbira.
Kien għalhekk li nhar is-Sibt li għadda pajjiż batut u mwerwer minn possibiltà imminenti ta’ gwerra ċivili tħalla jagħmel żball kbir biex mingħalih f’isem il-ġustizzja jitpattew żbalji ħoxnin oħra tal-passat riċenti.
Nhar is-Sibt id-dinja kienet umiljata u ntwera biċ-ċar il-vojt kbir li hawn u li suppost mimli bid-diplomazija internazzjonali. Fejn kienu d-diplomatiċi tal-Ġnus Magħquda fis-sigħat ta’ qabel l-esekuzzjoni ta’ Saddam Hussein?
Kif jista’ jkun Gvern li għadu lanqas telaq jimxi jibqa’ jwebbes rasu quddiem il-komunità internazzjonali u jkompli bl-esekuzzjoni?
Hemm żewġ toroq li jwasslu għal dan l-istat ta’ fatt: jew il-Gvern Iraqi kien qed jobdi ordni b’għajnejh magħluqa minn pajjiż ieħor, jew inkella ried juri li hu b’saħħtu li jiffaċċja kull riżultat li setgħet iġġib magħha l-esekuzzjoni tad-dittatur.
Fatt ieħor li jinħass hu li l-bniedem mar ’il bogħod minn Alla u beda jaħseb li hu għandu s-soluzzjoni għal kull problema li tista’ tinħoloq minn żmien għal żmien.
Fatt ieħor li joħroġ minn din is-sitwazzjoni hu li l-Istati Uniti hi mmexxija mill-aktar President fqir fl-istorja tal-presidenza tagħha. L-ironija tal-ħajja turi li l-president attwali rnexxielu jirbaħ żewġ mandati anki jekk jibqgħu ħafna mistoqsijiet dwar l-ewwel elezzjoni li rebaħ. Lanqas missieru, li kien magħruf għall-irġulija tiegħu, ma rnexxielu u spiċċa bħala ‘A one term President’.
L-istorja riċenti turi li r-reġim ta’ Saddam Hussein ma kienx wieħed taz-zokkor. Madankollu l-Gvern Iraqi ma kienx kapaċi li jtih ġuri xieraq li xorta kien iwassal għall-kundanna tiegħu. Storja li tkexkex bil-mewt ta’ għadd ta’ avukati li kienu qed jassistuh tul is-smigħ ta’ l-ewwel ġuri u anki bil-bdil ta’ mħallfin li setgħu b’xi mod itaffulu xi ftit mill-piena.
U xi ngħidu għall-esekuzzjoni? Il-Gvern Iraqi lanqas kien kapaċi jagħżel ftit nies li setgħu jagħtu xejra diċenti lit-tneħħija tad-dittatur. Għamel x’għamel Hussein kellu dritt sagrosant li l-aħħar minuti ta’ ħajtu jgħaddihom distakkat mill-kumplament ta’ dawk li kienu mdawrin miegħu.
Waqt li qed nikteb dan l-artiklu ż-żewġ kundannati l-oħra għadhom qed jistennew is-siegħa tagħhom li tasal. Jista’ jkun li sakemm dan l-artiklu jmur għall-istampar huma jkunu mneħħija.
Nawgura li dan ma jsirx. Nazzjon ma jitwelidx mill-ġdid fit-tpattija iżda biż-żerriegħa ta’ l-imħabba.
Spunt li dejjaqni wkoll nhar is-Sibt kien il-fatt li l-PBS sabiex tagħmel bħal stazzjonijiet oħra barranin ħalliet l-esekuzzjoni ta’ Hussein quddiem nett fil-bulettin ta’ l-aħbarijiet meta f’Malta dak il-ħin kien qiegħed isir ġest nobbli ta’ ġbir ta’ flus għal persuni fil-bżonn u l-morda.
Ħsieb qaddis u nobbli bħal dan li jgħaqqad lin-nazzjon warajh tħalla fit-tieni post fuq il-bulettin tal-PBS.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt