Tħobbu jew tobogħdu, Mintoff kien mexxej. Tista’ ma taqbel qatt ma’ l-istil tat-tmexxija tiegħu imma kien effettiv u r-riżultati li kien jimmira għalihom kien jilħaqhom. Jew jgħollik jew isabbtek. Miegħu jew kontra tiegħu. Rari kien ifittex it-triq tan-nofs. Meta fl-1971 kiseb il-poter kellu pjan ekonomiku u soċjali dinamiku xi jwettaq. Ried jeqred il-faqar; joħloq ix-xogħol; jgħolli l-livell tal-għajxien u jdaħħal is-sens tal-ġustizzja soċjali – hu kien isejħilha l-ħniena. Biex jagħmel dan huwa kien jaf min huma l-ħbieb u min huma l-għedewwa u għalhekk sa mill-bidu tal-pjan tiegħu ried jassigura li ħadd ma jfixkel il-pjan li fassal għall-poplu Malti. Għalhekk kien tefa’ ħarstu fuq il-unions u ried jara kif jagħmel biex dawn ikunu kontrollati ħalli ma jħarbtux il-pjan Laburista jew Soċjalista peress li dawn l-organizzazzjonijiet kienu jirrappreżentaw lill-ħaddiema u ma riedx konfronti diretti bejn il-partit tal-ħaddiema u l-għaqdiet tagħhom.
Lill-GWU, li dak iż-żmien tassew kienet l-ikbar union f’pajjiżna, riedha ma’ djulu u ħareġ bi proposta li l-union għandha tkun parteċipi fil-pjan ambizzjuż li kellu l-Gvern Laburista biex itejjeb il-livell tal-għixien tal-poplu Malti l-aktar tal-ħaddiem iż-żgħir. Irnexxielu jikkonvinċi lill- konferenzi ġenerali (l-ogħla awtoritajiet) taż-żewġ organizzazzjonijiet li fiċ-ċirkostanzi ma kienx hemm għażla oħra imma li t-tnejn jiżżewġu u jaqsmu u jħalltu l-laħam u l-għadam li kienu se jiffaċċjaw.
Il-President u s-Segretarju Ġenerali tal-GWU spiċċaw Kastilja fil-laqgħat tal-Kabinett. Fuq il-karta l-ħsieb kien li minflok ma’ l-union tirreżisti wara li l-Gvern ikun għamilha fatta, il-union kellha tirreżisti waqt id-diskussjoni, ċioè meta d-deċiżjoni tkun għadha ma ttieħditx, biex wara kollox jibqa’ kalm u tkun garantita l-paċi industrijali anki meta jittieħdu miżuri ħorox meta l-issikkar taċ-ċintorin kien saħansitra jagħfas fuq iż-żokra tal-ħaddiem iż-żgħir!
Iżda fil-pajjiż ma kienx hawn l-GWU biss. Għal Mintoff dawn kienu unions taċ-ċekċik, bħalma kienu l-korpi kostitwiti l-oħra li Mintoff kien iħobb isejħilhom l-erba’ qlafat li jibdlu l-kpiepel però dejjem huma l-istess erbgħa minn nies.
Dwar il-konsegwenzi ta’ din l-istrateġija Mintoffjana fir-rigward tar-relazzjonijiet industrijali nistgħu ngħidu ħafna xorti imma wara dan iż-żmien kollu, meta Mintoff ilu issa li nqata’ mix-xena, x’sar minnhom il-unions f’pajjiżna? Kienu aħjar meta kienu agħar? Jagħmel sens jekk inħarsu lejn uħud minnhom bħala unions taċ-ċekċik?
B’mod ġenerali l-unions f’pajjiżna għadhom jeżistu iżda tilfu ħafna mir-rilevanza tagħhom. Numerikament m’għadhomx b’saħħithom bħal qabel bil-maġġoranza tal-mexxejja tagħhom ilhom fil-kariga għal snin twal, b’uħud minnhom kibru fl-istatura u l-kredibbiltà b’ritmu iktar mgħaġġel minn oħrajn. Oħrajn marru lura u kien hemm min anki tilef snienu bix-xedaq b’kollox. Uħud irnexxielhom jagħmlu ċerti kisbiet. Hemm oħrajn li għadhom meqjusin bħala istituzzjonijiet importanti fuq livell nazzjonali imma tilfu mill-kredibbiltà tagħhom fil-livell tal-grass roots u fil-postijiet tax-xogħol. F’dan kollu ma jaħti xejn Mintoff imma li ġara kien ġej minn nuqqas ta’ viżjoni minn uħud mill-mexxejja ta’ l-unions.
Il-GWU l-iktar li tissemma u għandha għalfejn. Anqas qatt ma kien hawn union fil-pajjiż li ħadet daqqa kbira daqskemm ħadet il-GWU matul is-sena li għaddiet. Tony Zarb se jibqa’ jissemma fl-istorja tagħha li kien fi żmienu li żżarmaw it-Taqsimiet, li rriżenjaw membri bil-gliegel, li tilef libelli kontra l-Prim Ministru dwar id-disfatta tas-Sea Malta u li fi żmienu irriduċa din il-union f’waħda bħall-oħrajn.
Il-mexxejja ta’ din il-union għandhom joħorġu ’l barra mill-kwartieri tagħhom biex jirrealizzaw f’liema stat miskin ġabu lil din l-organizzazzjoni li darba kienet tagħmel ġieh lil pajjiżna fl-istorja ekonomika u soċjali ta’ Malta. Jekk huma kuntenti li jirriduċu lil din il-union għal xi ċentru nazzjonali ta’ xi 8,000 Laburist akkanit u xejn iżjed, allura affari tagħhom. Imma mbagħad ikunu huma stess li jridu jerfgħu r-responsabiltà li jkunu tawha ċertifikat ta’ Union taċ-Ċekċik!
Il-UHM tissemma’ wkoll. Fl-aħbarijiet tinstema’ aħjar mill-GWU. Iktar milli toqgħod tħambaq kemm hija indipendenti l-UHM taqta’ figura aħjar meta toħroġ b’inizjattivi kif għamlet dan l-aħħar fejn issieħbet fi proġett tal-kompjuters jew ta’ l-IT u li bdiet tgħasses il-prezzijiet issa li deħlin fil-fażi li naqilbu għall-Ewro.
Fuq il-postijiet tax-xogħol il-UHM qed tidher li hija l-union li timxi maż-żminijiet, li tagħmel dak kollu raġonevolment possibli għall-membri tagħha imma ma ddaħħalhomx fi sqaq li ma jkunux jistgħu joħorġu minnhom. Geitu Vella mhuwiex il-problema tal-UHM, iżda għandu r-responsabbiltà li jaħseb fi pjan ta’ suċċessjoni. Għaliex nara li l-UHM għad tista’ tiffaċċja problemi fit-tmexxija iktar ’il quddiem.
L-UHM ukoll qed titlef mill-appoġġ potenzjali tagħha u dan kien rifless l-aktar mill-fatt li numru ta’ ħaddiema kienu jippreferu jwaqqfu union għalihom milli jissieħbu magħha. Dan trid tarah ukoll il-UHM kif trid tara wkoll il-pożizzjoni tagħha fi ħdan il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin.
Meta kollox jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn jibdew il-problemi jew tibda tinbet iż-żerriegħa ta’ l-Unions taċ-Ċekċik!
U la qed insemmi l-Konfederazzjoni ta’ min insaqsi x’sar minnu r-rapport tar-riforma li kellha tagħmel din il-Konfederazzjoni wara li kien irriżenja John Bencini u minfloku nħatar William Portelli? Hemm xi xaqq ta’ dawl li din il-konfederazzjoni, anki jekk mingħajr il-GWU, turi snienha u tibda tinħass li hija relevanti għat-trejdunjoniżmu Malti?
Ma nixtieqx li noqgħod nikkummenta dwar il-unions kollha reġistrati mar-Reġistratur ta’ l-Unions, li sfortunatament għadu ma jafx bl-eżatt kemm hawn imseħbin fil-unions. Iżda fil-bidu ta’ din is-sena ġdida nixtieq nagħmlilhom appell ġenwin.
Din is-sena tista’ tkun is-sena tal-firda tal-poplu Malti. Il-unions għandhom id-dmir, min-natura tagħhom, li jġibu l-għaqda, li jsostnu s-solidarjetà. Jagħmlu dan biex jissaħħu huma u jsaħħu l-pożizzjoni tal-membri tagħhom.
Għalhekk għandhom jiddedikaw ħinhom u l-ħidma tagħhom biex tikber is-solidarjetà ta’ bejniethom. Il-unions kollha ta’ pajjiżna, kbar jew żgħar, ġenerali jew settorali, jistgħu jduru ma’ mejda u joħorġu bi proposti komuni bejniethom u jressquhom bħala moviment wieħed. Imisshom jieħdu l-inizjattiva minn issa biex kollha flimkien ifasslu abbozz ta’ manifest elettorali fuq materji li jolqtu lill-ħaddiem u jippreżentawh lill-partiti politiċi issa li se nidħlu f’kampanja elettorali. Il-unions flimkien imisshom jippressaw lill-partiti bil-proposti tagħhom u jgħidulhom ċar u tond li dak il-partit li jkun lest jaċċetta l-proposti li jressaq il-front, jekk mhux moviment, trejdunjonistiku Malti, huma jiggwidaw lill-membri tagħhom biex jagħtuh l-appoġġ fl-elezzjoni ġenerali.
Din mhix xi ħaġa tal-ħolm. Din faċli ħafna li ssir sakemm ikun hemm ir-rieda ġenwina! Jien li kont midħla naf sew li jekk iridu jafu x’għandhom jagħmlu l-unions biex jingħaqdu f’vuċi waħda għall-ġid tal-membri tagħhom.
Imbagħad verament jagħtu risposta li l-unions taċ-Ċekċik kienu xi darba f’moħħ Mintoff biss!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt