31 ta' Diċembru 2006 • Nr 9

Arkivji




 

31 ta' Diċembru 2006
X’kien jgħid?

Hawn aħna minn Lixandra, wara xarba tajba maskta u anki ġnibru hekk kif għadni kif għalaqt snini. La għadni ħaj, għall-inqas fil-kitba, ma jistax jonqos li niċċelebra kif nista’ ma’ erba ħbieb tal-qalb itturufnati bħali hawnhekk.
Kif jixhed ismi Emanuele, twelidt proprju fil-ġurnata tal-Milied ta’ l-1860 f’kerrejja żewġ bibien ’il fuq mill-Knisja ta’ Ġieżu l-Belt. Ftit ’il fuq minna, fuq in-naħa l-oħra tat-telgħa tal-Ġanċ, kienu joqogħdu l-familja Mizzi li x-xiħ tagħħom, Fortunat, jikteb hawnhekk bħali darba iva u darba le.
Fil-kerrejja tagħna li kien fiha b’kollox disa’ kmamar imqassmin tnejn tnejn ħdejn xulxin, kienu joqogħdu madwar 60 ħlejqa ppakkjati qisna fil-gaġeġ tal-fniek.
Bin Karmenu u Vanġiela Testa, jien ġej minn familja mill-iktar umli u fqira imma mill-bogħod ġej minn familja ta’ artisti, skulturi u fost l-antenati illustri li għandi, hemm l-iskulturi Siġismondo u Salvatore Dimech li għamlu l-istatwa ta’ San Pawl tal-Ġzejjer, li skond ma qaluli, illum il-ġurnata hemmhekk hemm kolonja mpestata ta’ ġrieden.
Jiena niġi wkoll minn Vinċenzo Dimech li kien għamel l-istatwa ta’ San Pubbliju tal-Furjana. Mur għidilhom li statwa ta’ Dimech ieħor bħalhom kellha tispiċċa fl-iktar pjazza prominenti tal-Belt, sakemm ma tgħaddix ta’ Austin Sammut u apoloġisti oħrajn bħalu tar-reġim, li jixtiequ jisbarazzawni minn hemm.
Għada, jekk Alla jrid, tisbaħ sena ġdida u jekk jibgħatilna tajba, forsi fl-aħħar nitlaq minn hawnhekk u mmur lura Malta. Sadanittant jekk inħares lura lejn is-sena li għaddiet, ta’ Xellugi li jien, tagħfasni qalbi mhux ftit meta nara f’liema stat tal-biki jinsab it-trejd unjoniżmu Malti.
L-2006 kienet ċertament annus horribilis għall-GWU, imma jkolli ngħid li lanqas ta’ l-UĦM m’għandhom wisq biex jiftaħru. Tneħħi l-vixxri ta’ kliem u retorika bla sens ta’ Gejtu Vella, kulma qed tagħmel il-UĦM hi li tiekol bħall-avultun mill-fdalijiet tal-karkassa tal-GWU.
Il-unions f’Malta, bħal wara kollox fil-bqija tal-pajjiżi Ewropej, għandhom kriżi serja ta’ identità. Għadhom m’għarfux x’għandu jkun ir-rwol tagħhom f’dinja ta’ kummerċ ħieles u suq tax-xogħol globalizzat. Skussjati sew minn din il-kriżi ta’ identità li poġġiet fid-dubju r-ragione d’essere tagħhom, tal-GWU flok ma ħejjew irwieħhom kif jixraq biex jilqgħu għall-isfidi li kellhom quddiemhom, spiċċaw jinfexxu u jqattgħu f’xulxin.
Verament dawk li għadhom fit-tmexxija ta’ dak li għad fadal mill-GWU llum jistgħu jgħidu li ssaffew mit-‘tradituri’ u issa jistgħu jaħdmu aħjar mingħajr gambetti u disgwid intern. Imma tibqa’ l-mistoqsija: għal-liema raġuni l-affarijiet waslu safejn waslu li kellhom ta’ bilfors jirrikorru għall-amputazzjonijiet u l-effetti kollaterali li segwew?
Id-diatribi interni u l-vendetti personali, antiki u riċenti, huma lkoll sintomi tal-fatt li anki fil-unions naqas sew is-sens ta’ missjoni u s-sens ta’ valuri. Ridt l-art tiblagħni u nsir dudu tat-trab meta mill-Internet Kaħwa rajt dak il-programm tal-mistħija ta’ jum il-Ġimgħa meta tal-GWU qagħdu jiġġieldu fil-pjazza qishom salt ċrieċer u qħab għad-daqqa tal-bakketta ta’ Peppi l-kunduttur.
It-trejd unjoniżmu sar qisu karriera bħall-oħrajn mimlija b’ħafna opportunitajiet ta’ safar u perkaċċi ’l hemm u ’l hawn. Bħall-politika, fit-trejd unjoniżmu, hemm ħafna posturing, teatralità u populiżmu ndirizzat għall-gallarija. Imma l-akbar problema hija l-kriżi ta’ leadership, ta’ medjokrità u ta’ nuqqas ta’ nies ta’ stoffa fl-ogħla pożizzjonijiet ta’ tmexxija.
Jeħtieġ li l-ogħla uffiċjali jkunu persuni kwalifikati, imħarrġa u ppreparati sa snienhom biex jilqgħu għall-isfidi fid-dinja tax-xogħol tal-lum b’sens qawwi ta’ responsabbiltà. Jeħtieġ li t-trade unions jissieħbu b’ruħhom u b’ġisimhom ma’ l-isħab soċjali l-oħra biex bil-fatti u mhux biss bil-kliem isir sforz kollettiv qawwi biex isir l-investiment meħtieġ fir-riżorsi umani, fit-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema, fl-edukazzjoni vokazzjonali, teknika u xjentifika b’mod partikolari.
Anki l-unions iridu jħarsu ’l bogħod u jkejlu l-akkwisti li jistgħu jagħmlu għall-ħaddiema mhux neċessarjament fl-immedjat, imma fuq perjodu fit-tul.
Bl-Unjoni Ewropea b’kollox, għall-konsumatur f’Malta, ma jaqbeż ħadd. Forsi dan għandu jibda jkun wieħed mir-rwoli ta’ trade union moderna li tieħu fuq spallejha l-protezzjoni tal-konsumatur li wara kollox huwa l-ħaddiem li jaqlagħha u jikolha.
Il-lejla l-lejla. Ngħir għalikom ta’ Malta, kesħa kważi qatt, mhux bħad-deżert tagħna fejn il-kesħa tax-xitwa xxoqq l-għadam. Imn’Alla għad fadal nofs flixkun ġnibru minn tal-birthday u xi grokk whisky ma jonqosx lanqas b’riżq is-sena l-ġdida, forsi tkun is-sena meta nerġa’ ningħaqad mat-tfal li ħallejt Malta. Is-sliem għalikom.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt