Minn ftit tas-snin ilu ’l hawn qed inżomm djarju mimli tħażżiż u notamenti ta’ dak li jkun laqatni mill-aħbarijiet u mill-gazzetti. Nistqarr dnubieti li dan id-djarju jirrifletti dak li jien jien: la hu bilanċjat u wisq inqas imparzjali iżda xorta waħda fattwali u mibni fuq dak li hu u mhux fuq dak li mhux.
Fl-aħħar tas-sena suppost hu żmien ir-rendikonti u l-bilanċi, imma għalija tmiem is-sena hu bidu ta’ sena ġdida jfissru biss linja diviżorja mill-iktar artifiċjali. Jgħaddu llum u għada u jibdew jittieklu l-ewwel ġranet ta’ Jannar u kollox jerġa’ għal li kien bit-tajjeb u l-ħażin kollu tiegħu. In-notamenti li nżomm f’dan id-djarju huma biss skizz mid-daqqiet tal-pinzell tiegħi u bil-kuluri kif inħobb inħawwadhom jien u żgur mhux il-frott ta’ xi eżerċizzju ġurnalistiku imparzjali.
Mela għalik dawn il-ftit pinzellati…
Il-Knisja L-2006 ma kinitx biss is-sena li matulha kellna nsiru nafu li se jkollna naħdmu għal snin itwal biex forsi fi xjuħitna ngawdu l-pensjoni. Kienet ukoll is-sena tal-konsagrazzjoni ta’ l-Isqof il-ġdid t’Għawdex Mario Grech u tat-tħabbira ta’ l-għażla ta’ l-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta Patri Pawl Cremona. Fil-ġżejjer Maltin itendu li jdumu biex jiċċaqalqu l-affarijiet imma meta jiċċaqilqu, jiċċaqilqu u kif.
Mill-memorja niftakar ta’ l-inqas sena oħra li matulha seħħ ċaqliq kbir f’dan il-pajjiż. Qed nirreferi għall-1976, eżattament 30 sena ilu, meta spiċċat l-era ta’ l-Arċisqof Mikiel Gonzi u l-baklu tpoġġa f’idejn l-Arċisqof Mercieca.
Fl-1976 kienet saret elezzjoni ġenerali, ġie kkonfermat il-Prim Ministru l-perit Duminku Mintoff u nfetħet it-triq għas-suċċessjoni ta’ George Borg Olivier li f’Marzu ta’ l-1977 ħadlu postu Eddie Fenech Adami bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Knisja millennarja li togħxa fir-ritwali u fit-tradizzjonijiet, kontra dak li ġara fil-passat meta kellha kważi kontra qalbha ssegwi żviluppi importanti fis-soċjetà snin twal wara li jkunu ġraw, issa qed turi t-triq lill-bqija tal-pajjiż f’dik li hi stil u kontenut fi tmexxija kariżmatika u kommunikattiva.
Però l-isfidi mhumiex ftit u żgur mhux faċli meta tikkunsidra li f’din l-ewwel sena mill-ħatra tiegħu l-Isqof t’Għawdex kellu jħabbat wiċċu ma’ skandlu ta’ pedofelija bi profil internazzjonali li kien jinvolvi lill-eks membru tal-Kungress Amerikan Mark Foley.
Kliem l-Arċisqof magħżul Cremona li qed isostni li f’każijiet bħal dawn se jimxi b’politika ta’ zero tolerance (xejn tolleranza) u li mhux se jħalli li qassisin pedofeli jibqgħu jservu fid-djoċesi Maltija jew x’imkien ieħor fid-dinja, diġà jimmarka bidla sostanzjali mill-prattika preżenti ta’ ħabi, ambigwità u omertà. Madankollu dan is-sens ta’ bidu ġdid fit-tmexxija tal-Knisja jikkuntrasta bil-kbir max-xeni ta’ paganiżmu u tribaliżmu li rajna waqt ċerti marċi fil-qilla tas-sajf li għadda, b’mod partikolari x-xeni ta’ għajb ta’ issuttar bir-rollijiet tat-toilet paper ma’ bieb ta’ bażilika ġewwa Għawdex u l-indannament u t-tgħajjir invażat bi kliem oxxen u fl-isfond id-daqq itarrax tal-qniepen tal-knisja ssuttata.
Il-Gvern L-2006 kienet sena oħra li matulha l-Prim Ministru attwali Lawrence Gonzi kompla jinsisti li ma jagħmilx tibdil fil-kabinett, li bl-eċċezzjoni ta’ Dolores Cristina li daħlet f’postu bħala Ministru għall-Politika Soċjali, hu kompost mill-istess elementi li kienu jiffurmaw il-kabinett ta’ Fenech Adami. Bla dubju ta’ xejn kien Francis Zammit Dimech li l-iktar li kellu l-pultruna ministerjali tniggeż taħtu imma li xorta waħda baqa’ mkaħħal magħha. Miri li ma ntleħqux fin-numru ta’ turisti li suppost kellu jiżdied b’50,000 fis-sena; il-kampanja għal kollox ineffettiva ta’ miljun dollaru ta’ riklami fuq is-CNN; il-falliment kolossali tal-kampanja tal-branding; ir-riżenja taċ-chairperson eżekuttiv Lungaro Mifsud li telaq mill-kariga għax skond hu l-missjoni tiegħu kienet twettqet u li xorta baqa’ jitħallas avolja rriżenja; ir-riżenja f’daqqa tal-membri tal-Bord ta’ l-Awtorità dwar it-Turiżmu wara li abbozz ta’ ittra taċ-Chairperson il-ġdid lill-konsulent tal-branding inħareġ baxx baxx lit-Times u nħatar Joe Zammit Maempel bħala Inspector Clouseau biex jaqbad it-talpa u l-membri tal-Bord ħassewhom offiżi wara li dan heddidhom bil-ħabs.
Minkejja dan kollu Zammit Dimech, li jieħu gost jqassam it-teddy bears biex jikkonvinċi lin-nies jivvutawlu, xorta waħda baqa’ mwaħħal f’postu. Bħal donnu hemm xi patt li ma jistax jinkiser li l-ministri ma jiċċaqilqux minn kif għamilhom Fenech Adami. Bejn wieħed u ieħor l-istess kif kien ġara meta sar prim ministru Karmenu Mifsud Bonnici, li bħal Gonzi kien indilek minn ta’ qablu u ħalla kollox fil-kabinett kif sabu.
Is-soċjetà Matul l-2006 xi Nutty Professor mill-Università ta’ Erasmus f’Rotterdam ikklassifika lil Malta fl-ewwel post tal-World Happiness Index. Jew f’dan il-pajjiż hawn ħafna nies ferħanin għax boloh altrimenti jkolli ngħid li aħna l-Maltin bħala ġens nagħrfu nikkuntentaw irwieħna bix-xejn. Jekk m’għandniex għalfejn inkunu mdejqin xorta waħda ma tantx għandna għalfejn inkunu wisq ferħanin meta tikkunsidra li f’Malta hawn iktar minn 3,000 persuna li tabbuża mid-droga ta’ l-eroina; li jitqassmu iktar minn 240,000 siringa fis-sena mill-bereġ tal-Gvern; li f’dawn l-aħħar 10 snin mietu iktar minn 70 persuna bid-droga; li 46 fil-mija tal-minorenni f’Malta jixorbu l-alkoħol meta r-rata fir-Renju Unit u d-Danimarka hija ta’ 22 fil-mija u 17 fil-mija rispettivament; li f’Malta hawn 17,360 tfal taħt il-15-il sena fir-riskju ta’ faqar (20.6%); li filwaqt li fil-bqija ta’ l-Unjoni Ewropea r-rata ta’ tfal li jitilqu mill-iskola qabel ma jilħqu l-età obbligatorja u li ma jkomplux b’xi forma ta’ tagħlim jew taħriġ hi ta’ 19.5%, ir-rata f’Malta hi ta’ 54.9%; li f’Malta għandna l-iktar rata baxxa fl-UE ta’ studenti li jispiċċaw l-edukazzjoni terzjarja, ta’ studenti li jkomplu b’edukazzjoni sekondarja għolja u ta’ studenti li jieħdu suġġetti relatati mal-matematika, xjenza u teknoloġija.
Matul is-snin ġie reġistrat progess u saru avvanzi taħt kull amministrazzjoni kien min kien fil-gvern. Imma huwa evidenti li għad fadlilna ferm u ferm x’naqdfu biex xi darba nibdew noqorbu lejn l-istandards li hemm f’pajjiżi ferm iktar avvanzati u kompettitivi minna.
Il-media Matul l-2006 rajna lit-tim nazzjonali Malti tal-futbol jirreġistra rebħa mill-iktar mistħoqqa kontra t-tim ta’ l-Ungerija. Aħbar tajba li ironikament ma stajniex insegwu minn fuq l-istazzjonijiet ewlenin Maltin tat-TV u tar-radju. Il-kwistjoni taħraq tad-drittijiet tat-trasmissjonijiet televiżivi bdiet bit-Tazza tad-Dinja, iċ-Champions League u l-Formula 1 u spiċċat bil-futbol Malti fejn illum il-ġurnata qed nassistu għas-sitwazzjoni assurda li fuq l-istazzjonijiet Maltin qed ikollna programmi sħaħ dwar futbol barrani u sports minoritarju mingħajr l-iċken aċċenn għall-futbol Malti.
L-imsejħa ristrutturazzjoni tal-PBS u l-kummerċjalizzazzjoni tax-xandir nazzjonali b’kull kwalità ta’ programmi li ġew farmed out li jkunu sa ruħ ommhom imfawrin bl-isponsorships, advertorials, riklami subliminali u inqas subliminali, waqqa’ drastikament il-livell tax-Xandir Pubbliku li hu nieqes kważi għal kollox minn dokumentarji, films u produzzjonijiet barranin ta’ kwalità.
Il-PBS beda s-sena 2006 fuq sieq ħażina meta ma xandarx il-kunċert ta’ l-ewwel tas-sena minn Vjenna biex jiġu ffrankati ftit mijiet ta’ liri. Kompla billi waqqaf it-trasmissjoni matul il-lejl ta’ l-Euronews biex jiġu ffrankati Lm30,000 fis-sena u anki s-servizz tal-bulettin ta’ l-aħbarijiet lill-emigranti beda jasal tard fl-Awstralja, meta jasal.
Mr Bondì Imma bla dubju ta’ xejn l-ikbar daqqa ta’ ħarta li qala’ x-xandir pubbliku kienet konsegwenza indiretta tal-każ tar-rapport falz ta’ Joe Zahra. Jgħid x’jgħid illum għall-konvenjenza Lou Bondì, Joe Zahra kien parti integrali mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Bondiplus. Għall-inqas b’dan il-mod kien ġie ppreżentat u pproġettat Joe Żahra lill-media fit-tneddija ta’ l-iskeda f’Ottubru ta’ l-2003. Kemm John Camilleri, iċ-Chairperson tal-Bord Editorjali tal-PBS u anki l-Kumitat tal-Ġurnalisti, sostnew li minħabba l-assoċjazzjoni ta’ Joe Zahra mal-Where’s Everbody u l-involviment tiegħu fil-każ ta’ John Dalli, kien jeżisti konflitt ta’ interess meta Lou Bondì ried itella’ programm fuq dan il-każ u proprju minħabba f’hekk inżamm milli jagħmel dan mill-bord editorjali tal-PBS.
John Camilleri żied jgħid ukoll li “l-assoċjazzjoni ta’ Zahra mal-kumpanija Where’s Everybody żgur li ma għenitx il-kredibbiltà ġurnalistika tal-program Bondiplus.”
Minn naħa tiegħu Lou Bondì rreaġixxa bil-prepotenza u bl-arroganza tas-soltu tiegħu meta spiċċa jitgħajjar mal-bord editorjali tal-PBS avolja suppost li jrid minnhom għax jipprovdulu x-xogħol bħala kuntrattur.
Barraminhekk Bondì spiċċa jgħaffeġ fuq il-ħaddiema tal-kamra ta’ l-aħbarijiet tal-PBS li fl-Erbgħa ta’ qabel il-Milied kienu se jtellgħu programm speċjali dwar l-Arċisqof Cremona u ħassrilhom il-festi kollha meta antiċipahom b’ġurnata għax spiċċa jinqeda bl-Arċisqof il-ġdid biex jgħatti d-disfatta li ġarrab bil-program li tħassar dwar il-każ ta’ John Dalli.
Mhux biss. Bondì lanqas staħa mill-istess Arċisqof meta fil-preżenza tiegħu qagħad jirreferi għal din il-kwistjoni li kellu mal-Bord Editorjali tal-PBS. Imma dan ma kienx l-uniku każ fejn Bondì nfexx fl-arroganza tipika tiegħu għax proprju iktar kmieni din is-sena waqt il-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa mhux biss ta l-ġenb lill-ko-preżentaturi f’dan il-festival u stmahom ħażin ħafna imma anki qagħad ukoll jimponi lilu nnifsu ta’ xi kitarrista prim.
Minn barra Fix-xena internazzjonali l-2006 kienet ukoll is-sena fejn diversi eks-dittaturi ltaqgħu mad-destin tagħhom. Slobodan Milosevic li kien għaddej proċess kriminali quddiem il-Qorti Internazzjonali ta’ The Hague miet waqt li kien arrestat. Il-Ġeneral Augusto Pinochet miet iktar kmieni dan ix-xahar mingħajr qatt ma ġie pproċessat għad-delitti faħxija li twettqu mir-reġim faxxista tiegħu. Ġiet ukoll esegwita s-sentenza tal-mewt kontra Saddam Hussein.
Wara r-riżultat inkonklussiv ta’ l-elezzjonijiet fil-Ġermanja fl-2005 fejn kellha ssir Grand Coalition bejn is-CDU u l-SPD biex jiġi ffurmat gvern, fl-2006 kien hemm l-istess sitwazzjoni fl-elezzjonijiet fl-Israel fejn ukoll kellu jiġi ffurmat gvern nazzjonali bejn iċ-Ċentru-Lemin u ċ-Ċentru-Xellug. L-elezzjoni ġenerali fir-Repubblika Ċeka tat riżultat mill-iktar inċert fejn għal darb’oħra ċ-Ċentru-Lemin u ċ-Ċentru-Xellug ġabu riżultat kważi identiku. Anki fl-Italja l-elezzjoni ntrebħet b’xifer ta’ ftit eluf ta’ voti minn koalizzjoni ta’ partiti taċ-ċentru-xellug immexxija minn Romano Prodi.
Fl-Isvezja s-Soċjal Demokratiċi tilfu l-Gvern wara li għamlu 11-il sena konsekuttivi fil-Gvern. Il-Partit Repubblikan jitlef l-elezzjonijiet ta’ nofs il-leġislatura fl-Istati Uniti biex b’hekk illum jinsab f’minoranza fiż-żewġ kmamar tal-Kungress Amerikan.
Fl-Amerika Latina kien hemm bosta rebħiet elettorali ta’ kandidati taċ-Ċentru-Xellug.
Vandali Din il-ħarsa fuq fuq ta’ xi ġrajjiet ewlenin fis-sena 2006 nagħlaqha b’aċċenn żgħir dwar il-forzi tad-dlam ta’ dan il-pajjiż, tal-barbari ta’ żminijietna li mill-ġdid ma qagħdux lura milli jattakkaw il-patrimonju nazzjonali ta’ dan il-pajjiż, il-ġid kollettiv. Matul l-2006 il-vandali barbari ippruvaw jaħarqu nħawi differenti tal-Buskett f’mhux inqas minn sitt okkażjonijiet differenti.
Ħabtu għall-Bieb tal-Bombi darbtejn. Ħabtu wkoll għall-ġnien ta’ Hastings li kien għadu kif kien inawgurat. Saru skavi illegali taħt il-Konkatidral ta’ San Ġwann li għamlu ħsara f’reperti storiċi li jinsabu hemmhekk. Kissru wkoll statwa antika tal-ġebel ta’ Santa Marija li kien hemm fuq iz-zuntier tal-knisja parrokjali ta’ l-Imġarr u sar sfreġju mal-faċċata ta’ kappella fil-Mosta.
Is-sena t-tajba lil kulħadd!
wenzumintoff@yahoo.com
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt