M’hemm l-ebda dubju li l-ammont ta’ flus li hawn fl-idejn hu żżejjed għall- bżonnijiet normali ta’ ekonomija tad-daqs ta’ Malta. Hu stmat li hawn Lm250 miljun żejda fl-idejn. Apparti dawn hemm imbagħad id-doppju, jew aktar, ta’ flus maqbudin fil-banek kummerċjali li ma jistgħux jiċċirkolaw b’mod ħieles.
Fl-ewwel każ hu ovvju li huma flus mhux dikjarati skond il-Liġijiet tat-Taxxa. Fil-verità negozju bihom isir imma kollox isir minn taħt, jew fuq l-idejn. Inkredibbli kemm għadu jsir negozju fuq l-idejn u b’sogru kbir. Għax la xejn ma jidher, m’hemmx kitba u m’hemm l-ebda sigurtà. Stejjer ta’ nies li ngidmu nisimgħu imma meta tqis il-volum ta’ negozju li jsir b’dawn l-flus ma tantx nisimgħu wisq.
Meta dawn il-flus jitħaddmu xorta waħda jkunu qed jiġġeneraw ix-xogħol. Għax għalkemm nitkellmu fuq l-ekonomija s-sewda, jew aħjar dik mhux dikjarata, fil-verità l-ekonomija m’għandhiex kulur.
Kull attività ekonomika dikjarata għall-fini ta’ taxxa jew mhux xorta waħda toħloq il-ġid. Fl-ewwel stadju jkun hemm l-abbuż ta’ taxxa imma għall-oħrajn li jgawdu mill-attività lanqas dan l-abbuż ta’ taxxa ma jibqa’. Għax jekk sar ħlas ta’ proprjetà u parti mill-ħlas ħareġ mill-flus moħbija, u wara l-proprjetà ġiet żviluppata, ħafna mill-ħlasijiet li jsiru wara b’rieħet l-iżvilupp ta’ l-istess proprjetà f’forma ta’ pagi, xiri ta’ materjal u ħlas ta’ ħafna servizzi, dawn kollha jkunu l-biċċa l-kbira dikjarati.
Jiġifieri l-ironija hi li l-flus mhux dikjarati meta jitħaddmu jwasslu biex jinħoloq ix-xogħol u biex jiżdied id-dħul taxxabbli ta’ oħrajn. Min ikun ħariġhom mill-moħbi għall-ewwel darba u ħaddimhom ikun għamel forma ta’ ħasil tal-flus. Imma wara, la ‘nħaslu’ jidħlu fl-ekonomija u jsiru regolari.
Kieku dan kellu jsir f’daqqa mhux dejjem jagħmel ġid lill-ekonomija. Ir-raġuni hi li jekk bħalma għandna bħalissa jkollok livell ta’ inflazzjoni għolja,
iż-żieda f’daqqa ta’ miljuni ta’ flus fl-idejn li jitħaddmu jikkawża iktar inflazzjoni.
Eżempju ċar hu dak li ġara meta l-Ministru John Dalli kien ta amnestija lil dawk li kienu ħarġu flushom barra minn Malta u mbagħad fasslilhom skema biex ikunu jistgħu jġibuhom lura. Il-flus ġew bil-kbir u l-Gvern daħħal kemxa sew f’taxxi ġodda. Imma la l-Gvern dakinhar ma pprovdiex skemi speċjali attraenti ta’ tfaddil fejn dawn l-flus setgħu jitħaddnu bi qligħ għall-ekonomija tagħna ġara li dawn il-flus marru fil-proprjetà.
Kulħadd jaf x’ġara. Il-proprjetà għoliet b’qabża li ftit konna rajna bħala għax minn dejjem kienet suq tajjeb ta’ investiment għal min għandu flus żejda. U l-ħafna flus jiġru wara l-ftit proprjetà kkawżat inflazzjoni qawwija fil-prezzijiet.
Is-sabiħa hi li dakinhar li ngħatat l-amnestija fuq il-flus miżmuma barra saret inġustizzja ma’ ħafna. L-ewwelnett ma’ dawk li dejjem ħallsu t-taxxi u qatt ma ħarġu flushom barra baxx baxx bi ksur tal-liġijiet tal-kambju jekk mhux ukoll bi frodi tal-liġijiet kummerċjali.
Dan bla ma nidħlu fil-mertu wkoll ta’ minfejn kienu ġew dawn l-flus li setgħu ġew minn qligħ kummerċjali u tifdil normali, jew inkella minn droga, korruzzjoni jew xi attività llegali oħra.
It-tieni inġustizzja saret mal-klassi l-oħra ta’ l-evażuri li għalkemm kisru l-liġijiet fiskali Maltin meta evadew it-taxxi dawn m’għamlux id-dnub l-ieħor li ħarġuhom barra minn Malta u għalhekk ħolqu x-xogħol għall-Maltin f’Malta.
Meta l-miljuni ta’ Liri Maltin miżmuma barra daħlu lura bil-barka tal-Gvern, minbarra l-effett negattiv fuq il-prezz tal-proprjetà għal dawk li jridu jixtru l-ewwel dar tagħhom jew dawk li riedu jiftħu negozju ġdid, dawn il-miljuni ta’ Liri ħolqu ħafna ġid ġdid ukoll.
Għax la jitħaddmu dawn jinħasslu u jibdew jiċċirkulaw daqs il-flus l-oħra. Ta’ min huma jkollu jibda jiddikjarahom u jħallas it-taxxi fuqhom u fuq il-qligħ li jiġġeneraw fit-tħaddim tagħhom.
U mix-xogħol li jinħoloq jerġa’ jinġabru aktar taxxi minn fuq kulmin jaħdem b’rieħithom.
Barra l-iskema ta’ l-amnestija fuq il-flus ta’ barra kienet wkoll tħaddmet ukoll skema oħra għal min kellu flus moħbija f’Malta. Kienet ingħatat inċentiva wkoll mill-Ministru John Dalli lil dawk li ppreferew li flok flushom jħalluhom b’riskji kbar id-dar jew moħbija f’kaxxi tas-sigurtà fil-bank ipoġġuhom f’kontijiet bankarji taħt ċerti kundizzjonijiet. Min daħal għal din l-iskema gawda minn imgħax li daħħal mill-banek u amnestija fuq investigazzjoni ta’ kif kienu oriġinaw dawn il-flus, basta l-imgħax ikun dikjarat u jitħallas taxxa f’ras il-għajn (withholding tax) ta’ 15 fil-mija.
Mela l-Gvern daħħal it-taxxi li qabel ma kienx qed idaħħal iżda min kellu dawn id-depożiti ma setax iħaddimhom fl-ekonomija. Ir-raġuni kienet li l-Gvern ma ridx li barra l-ewwel maħfra tingħata wkoll maħfra oħra biex min kien evada jingħata wkoll il-vantaġġ ta’ gwadann akbar għax ikun jista’ jħaddem flusu hu stess bla xkiel.
Il-Gvern ukoll ma riedx li tiżdied l-inflazzjoni bil-kbir jekk dawn l-flus joħorġu kollha fil-beraħ f’daqqa. Min ried iħaddimhom fil-verità seta’ imma kien jitlef il-privileġġ li kellu li ma jkunx investigat minn tat-taxxi dwar kif kienu oriġinaw dawn il-flus.
Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-mijiet ta’ miljuni għalhekk baqgħu maqbuda fil-banek. Ma jfissirx li għall-ekonomija dawn kienu jew huma reqdin. Il-banek iħaddmuhom bħala bażi għas-self li jagħmel kull bank lill-individwi, lill-kummerċjanti u l-industrijalisti kif ukoll bil-kbir permezz ta’ self lill-iżviluppaturi tal-proprjetà. Il-qliegħ jagħmluh dawn in-negozjanti u l-istess banek kummerċjali.
Issa llum qegħdin f’sitwazzjoni fejn il-Gvern irid jara x’se jagħmel. Diġà ktibt darb’oħra li d-dħul ta’ l-Ewro jista’ jiffaċilita il-ħruġ ta’ dawn il-flus barra minn Malta. Dan għaliex la l-flus kollha Maltin fil-banek isiru Ewro jkun aktar faċli li toħroġhom u titrassferihom barra minn Malta. Jista’ jkun li dan mhux ħażin għall-ekonomija, aktar u aktar jekk qabel jinħarġu titħallas taxxa ta’ darba jew taxxa fuq il-qligħ li jagħmel meta jħaddimhom barra. Jiġifieri mingħajr ma nonfħu aktar l-inflazzjoni interna jinħoloq dħul ġdid għal Malta u għas-sistema fiskali iżda ma jinħoloqx xogħol ġdid f’Malta.
Jista’ jkun iżda li tinstab soluzzjoni oħra kif dawn il-flus jitħaddmu f’Malta b’mod intelliġenti. Il-Gvern jista’ idaħħal li għandu jdaħħal bla esaġerazzjoni u fl-ewwel stadju l-flus ikunu ndirizzati lejn attività jew lejn strumenti finanzjarji li jkunu jistgħu jassorbuhom bla effett negattiv fuq ir-rata ta’ l-inflazzjoni u lanqas fuq il-prezzijiet tal-proprjetà.
Id-diskussjoni dwar dan għandha tinfetaħ beraħ u bla ebda skruplu żejjed. Nistgħu nagħlqu għajnejna, niskruplaw iżżejjed u ma nagħmlu xejn. Jibqa’ jgawdi min qalagħhom u ħbihom, għalkemm mhux daqs kemm jixtieq.
Jibqgħu jaqilgħu wkoll il-banek għax kif għidt, miljuni kbar diġa qegħdin depożitati hemm. Iżda l-kumplament tas-soċjetà ma tgawdi xejn ħlief is-sodisfazzjon li min żgarra fil-passat mhux qed igawdi wisq minn dnubietu.
Jien nemmen li din il-kwistjoni m’għandhiex tibqa’ taħt it-tapit għax sempliċiment nibżgħu nsemmuha. Li ma nagħmlu xejn hi soluzzjoni. Iżda żgur mhux l-aħjar waħda għal pajjiżna. L-ekonomija Maltija tiflaħ attività ekonomika ħafna iktar milli għandna jekk irridu nibqgħu nirristrutturaw, noħolqu xogħol ġdid u ngħollu konsistentament l-għixien tal-Maltin.
Ma jfissirx li l-iżvilupp għandna nimmirawh lejn il-qasam tal-kostruzzjoni, kif żġur li jsir jekk is-soluzzjoni tkun waħda sempliċi u mhux ippjanata. L-iżvilupp għandna niffokawh fuq proġetti ġodda li jsaħħu t-turiżmu, l-infrastruttura u l-industrija bil-bini ta’ aktar fabbriki. Hemm ħafna pożittiv x’jista’ jsir b’dawn il-flus.
Kapaċi nsibu soluzzjoni flimkien li minnha Malta aktar tgawdi milli titlef. Mhux tant biex tagħmel pjaċir lil min evada iżda biex nagħmlu pjaċir lilna nfusna.
Ejja ma nżidux din il-kwistjoni mal-ħafna oħrajn mhux solvuti għax sempliċiment nibżgħu nieħdu deċiżjoni.
L-2007 trid tkun is-sena li l-Gvern ta’ Gonzi jibda jieħu deċiżjonijiet aktar ċari u f’anqas żmien.
Is-sistema li tħaddmet s’issa fejn taqla’ fwiedek biex tieħu deċiżjoni trid tinqata’.
Nawgura s-sena t-tajba lill-qarrejja kollha.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt