TONI
L-ewwel kellna lil Terri Schiavo fl-Amerika. Issa għandna lil Piergiorgio Welby fl-Italja. Piergiorgio kien isofri mill-marda tad-distrofija muskolari progressiva. Spiċċa fis-sodda speċi ta’ kaboċċa; anki l-kordi vokali marrulu u lanqas għajnejh ma seta’ jċaqlaq. Kull organu essenzjali li kellu f’ġismu waqaf jaħdem u kienu l-magni minn barra li qegħdin iżommuh ħaj.
Kien qiegħed ‘jgħix’ fit-teorija biss. Mill-bqija kien ħaj, iżda mejjet. Sakemm bħalma dejjem jiġri f’sitwazzjonijiet bħal dawn, wieħed mit-tobba tiegħu ma felaħx aktar u fuq talba ta’ Welby stess, temmlu ħajtu billi tefa’ l-magni kollha. Għal darb’oħra f’sitwazzjoni bħal din tqanqlet il-kontroversja fuq l-ewtanasja, it-tneħħija tal-ħajja bi ħniena u umanità.
Iżda l-aktar ħaġa li kexkxitni fil-każ ta’ Piergiorgio Welby kien il-fatt li għax twettqet ix-xewqa tiegħu l-Knisja Kattolika ċaħdet lil niesu milli jidfnuh bir-rit Kattoliku. Wara li Piergiorgio ra l-infern f’din id-dinja, skond il-Knisja, issa anki wara mewtu jinsab fl-infern.
Issa l-Knisja għandha t-tagħlim tagħha u temmen li ħajjet il-bniedem Alla biss jista’ jeħodha, bħalma taha. F’dan il-każ ma nafx min kien qiegħed jeħodha kontra dan it-tagħlim, jekk hux min miet skond in-natura jew min kontra kull liġi tan-natura baqa’ jżomm lil Piergiorgio ħaj artifiċjalment. Jiena nemmen li jekk hemm Alla li jirraġuna ried li Welby jmut bl-aktar mod naturali li ħoloq Hu stess. Li wieħed iżomm ħaj fuq magni kontra r-rieda tiegħu huwa kontra dak li jrid Alla li jsir b’mod naturali.
Indipendentement minn dak li jaħseb Alla u l-Knisja Kattolika, kull bniedem li jinsab fi stat ta’ uġigħ jew wieħed ta’ veġetazzjoni permanenti, għandu jkollu dritt li jtemm mhux ħajtu iżda x-xorta u l-kwalità miżera ta’ ħajja li jsib ruħu fiha.
Id-dritt għall-mewt f’dawn ix-xorta ta’ kundizzjonijiet huwa wieħed li jappartjeni lil min ikun għaddej minn esperjenza ta’ din ix-xorta u ta’ ħadd aktar. Jekk kellna nargumentaw li d-dritt tal-ħajja huwa sagru għax ġej minn Alla allura l-Papa għandu jirrifjuta li jiekol kull xorta ta’ laħam u bhejjem imsajrin għax għalija dak kollu li hu ħaj ġej minn Alla u għandu jiġi rispettat.
Meta nitkellmu fuq dan id-dritt inkunu qegħdin nitkellmu fuq ċirkostanzi li l-ewwel għandhom jiġu aċċettati u stabbiliti b’mod definit.
Id-dritt ta’ l-ewtanasja ma jingħatax lil dawk li jkunu għaddejjin minn żmien momentarju, anki jekk forsi daqsxejn fit-tul, ta’ uġigħ. Dan ma jingħatax lil dawk li saħħithom tkun ikkumplikat ruħha iżda għadhom kapaċi jwettqu funzjonijiet importanti fil-ħajja. Forsi dawn f’mument ta’ disprament iħossu li għandhom ineħħu ħajjithom b’idejhom iżda s-suwiċidju mhux l-ewtanasja. Din ta’ l-aħħar timplika t-tmiem tal-ħajja b’assistenza ta’ ħaddieħor.
Fl-Olanda għandhom liġijiet li jippermettu l-ewtanasja. Liġijiet li jikkontrollaw b’mod strett din is-sitwazzjoni. Għandu l-ewwel jiġi aċċertat li s-sitwazzjoni li jkun fiha l-marid hija waħda permanenti u irriversibbli. Ir-rieda ta’ min jitlobha għandha tiġi dikjarata quddiem nutar u ma jkunx hemm xi dubji dwar iċ-ċirkostanzi ta’ manipulazzjoni min-naħa ta’ qraba u familjari, bħal per eżempju, f’każ fejn il-marid ikun sinjur.
Il-familjari għandu jkollhom id-dritt li jkunu jafu li l-qarib marid tagħhom wera x-xewqa li ħajtu tkun mitmuma u li saħansitra jkollhom l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom. Il-mod kif tintemm il-ħajja għandu jkun bl-aktar mod dinjituż u mingħajr ma toħloq l-ebda tbatija għall-marid. Dawn huma liġijiet li jirrikonoxxu d-dritt ta’ l-individwu li ma jibqax ibati b’mod permanenti jew jgħaddi l-bqija tal-ħajja miżera tiegħu, ħaj iżda mejjet.
F’każ wieħed biss għandi d-dubji tiegħi. Meta l-persuna tkun fi stat ta’ koma permanenti, u allura ma tkunx tista’ tagħti l-kunsens tagħha. Ma nafx kemm id-dritt li tintemm il-ħajja tal-persuna li jkun qed jgħix bl-assistenza jgħaddi għand il-qraba jew l-eqreb familjari, speċjalment jekk il-qraba ma jkunux l-ulied jew il-mara.
F’dan il-każ, il-kontrolli għandhom ikunu ħafna aktar stretti, b’mod speċjali meta jkun jidher li l-qraba jkun jaqblilhom li ħajjet il-marid tintemm. Dan, per eżempju, jidher li kien il-każ ta’ Terri Schiavo. F’din iċ-ċirkostanza għandi dubji kbar kemm tista’ titwettaq ewtanasja fuq persuna li m’għandhiex il-fakultajiet mentali li tapprezza li ħaddieħor qiegħed jiddeċiedi fuq ħajjitha għaliha.
F’mumenti bħal dawn wieħed irid iħares lejn id-dinjità tal-bniedem b’moħħ aktar miftuħ. Anki Kristu fl-ort tal-Ġetsemani talab lill-Missier ineħħi minn quddiemu l-kalċi ta’ l-imrar. Anki Alla beża’ mit-tbatija, aħseb u ara l-bniedem!
PEPPI Għadni ma nistax inneħħi minn moħħi ġrajja li għaddejt minnha sentejn ilu. F’Xarabank konna se niddiskutu l-ewtanasja. Mir-riċerka rriżulta li fl-Isvizzera tista’ tibbukkja biex jekk tkun marid b’mod terminali tmur fil-klinika u jkunu jistgħu jgħinuk tmut.
Niftakar lil Jean Paul quddiemi jċempel f’din il-klinika, jagħmilha ta’ persuna marida, jibbukkja il-mewt tiegħu. Ma stajtx nemmen x’kien qed jingħad min-naħa l-oħra. Leħen mill-iżjed kliniku beda jispjega bl-Ingliż il-proċedura. Qaltlu li jkun importanti li jieħu miegħu ċ-ċertifikati tal-marda terminali li kellu.
Qaltlu wkoll li jippreferu li waqt il-mewt ikun hemm persuna jew il-persuni l-aktar viċin tiegħu. Qaltlu li l-mewt isseħħ billi jixrob xi likwidu li jraqqdu għal dejjem. L-ikbar xokk għalija kien il-mod kliniku li bih bdiet titkellem din il-persuna. Qisha kienet qed tibbukjalu xi operazzjoni żgħira biex ifiq.
Le, ma naqbilx ma din it-tip ta’ ewtanasija. Għalkemm din il-klinika tinsisti li taħdem b’mod volontarju ma stajtx nifhem kif tista’ tibbukkja l-mewt tiegħek minn fuq it-telefon. Ma naqbilx għax anki jekk kultant ikolli tendenza naqbel mad-dritt li individwu għandu jkollu fuq ħajtu, il-fatt li l-Istat ibierek u jħalli min joffri dan is-servizz qed jibgħat messaġġ ġenerali li l-ħajja mhix prezzjuża. Tibbukkja u jgħinuk tneħħiha.
Inkun onest, nitħawwad meta quddiemi nimmaġina persuna tgħajjat bl-uġigħ titlob bil-ħniena biex tmut. Min jien biex niġġudikah jekk lanqas nista’ biss naħseb xi tkun għaddejja minnu din il-persuna?
Fl-istess ħin x’nagħmel jekk jitlobni ngħinu jmut? Issa ngħid li nirrifjuta. Darba għidt hekk lil sieħbi li ra lil missieru jmut b’marda kiefra. Qalli li kien jaħseb bħali sakemm missieru kien jitolbu biex jitlob miegħu biex imut. Qalli, “Pepp, kieku kelli mezz kont ngħinu jmut.” Imbagħad infaqa’ jibki t-telfa ta’ missieru.
Il-każ ta Welby fl-Italja jsir aktar kumplikat. Ta’ 60 sena kellu marda terminali li kuljum kienet qed tipparalizzah u tkissru. Kien ħaj b’mod artifiċjali fuq il-magni. Xtaq imut. Mar il-Qorti fl-Italja u tilifha. It-tabib, fil-preżenza tal-familjari, xorta qalagħlu l-pajp artifiċjali biex imut. L-aħħar kliem ta’ Welby kienu: “Grazzi. Grazzi ħafna.” U miet. It-tabib jaf jeħel sa 15-il sena ħabs.
Hawn tqum mistoqsija: mingħajr il-magni artifiċjali Welby kien imut? Hawn naħseb li persuna għandha dritt tirrifjuta l-medikazzjoni anki jekk taf li tkun se tmut. Iżda xorta jqumu mistoqsijiet kbar.
Kif nistgħu inkunu żġuri li l-persuna li qed tirrifjuta l-kura qegħda f’sensiha u taf x’inhi tagħmel? Bil-marda u bl-uġigħ tista’ ma tkunx f’pożizzjoni sana li tieħu deċiżjoni?
X’jiġri jekk il-persuna tintilef minn sensiha iżda qabel tkun uriet ix-xewqa li tmut flok tibqa’ tbati? Iżda mbagħad min se jilqa’ għall-abbużi li jistgħu jinbtu minn familjari li jkollhom skopijiet ulterjuri?
X’kien jiġri kieku twaqqfu l-magni ta’ persuni b’mard terminali li b’mod inspjegabbli jkunu fiequ?
X’jiġri jekk il-mard terminali jkun fuq it-tfal? Se jkunu l-ġenituri li jiddeċiedu? Huwa ġust li xi ħadd jiddeċiedi għalik biex tmut?
Jekk persuna għandha dritt ittemm ħajjitha għax għandha uġigħ fiżiku allura bl-istess mod din għandha tkun estiża għall-uġigħ mentali? Allura se jibda jkollna kliniċi fejn persuna tkun tista’ tmur tagħmel suwiċidju?
Ibeżżagħni l-messaġġ. Il-ħajja nqisha prezzjuża. Inqisha tiegħi daqs kemm hi ta’ dawk ta’ madwari. Allura filwaqt li ma rridx inkun prużuntuż li niġġudika lil min jagħżel li jmut għax marid jew marida b’mod terminali, ma naqbilx.
Imħawwad. Le, ma naqbilx. Imma...
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt