31 ta' Diċembru 2006
“Ta’ 17-il sena ħatfuni u tefgħuni suldat”
Selam għandha biss 25 sena. Ħarbet mill-Eritrea minħabba t-taqlib intern fil-pajjiż. Meta kellha 17-il sena nħatfet mill-armata u kontra r-rieda tagħha intbgħatet taħdem bħala suldat.
Għal snin sħaħ kellha tara xeni ta’ tfajliet suldati stuprati minn fizzjali rġiel fl-armata. Fl-istess żmien żewġha tefgħuh f’ħabs sempliċiment għax ma kienx jaqbel mal-gvern totalitarju tal-pajjiż. Damet tgħix f’dan it-terrur sakemm fl-aħħar ħarbu flimkien mill-Eritrea bit-tama ta’ ħajja aħjar.
Din hija l-esperjenza ta’ Selam, illum refuġjata f’Malta u li għadha kif spiċċat kors ta’ taħriġ biex jgħinha tintegra aħjar fis-soċjetà Maltija.
Bi flokk blu lewn il-baħar iżraq Selam tħares mistħija lejja. Niltaqa’ magħha biex nitkellmu dwar suġġett partikolari imma minflok insib żagħżugħa bi storja unika.
Għandha 25 sena biss. Xagħarha miġbur fuq wara b’ferq żgħir fil-ġenb. Bejn tbissima ’l hemm u ’l hawn jixirfu snien bojod silġ. Il-kuntrast mal-ġilda skura tagħha hu mill-isbaħ. Tistħajlek tara l-kuntrasti perfetti fuq tila ta’ pittur. Imma fir-riflessi ta’ dawn il-kuluri hemm weġgħat ta’ żagħżugħa li bħal nomada ħarbet minn pajjiż biex tistkenn minn saram kbir.
Selam hija mill-Eritrea, pajjiż li għadda minn numru ta’ gwerer. Il-paċi f’pajjiżha għadha mxellfa sa llum. Meta kien għad kellha 17-il sena biss inħatfet ma’ eluf ta’ żgħażagħ oħra u ntbagħtet suldat. Nipprova nimmaġina lit-tfajla ċkejkna ċkejkna mgħobijja bi xkubetta tqila f’idha.
Tgħidli: “Il-ħajja fl-armata kienet tal-biża’.” Nistaqsiha għaliex. B’Ingliż kważi perfett tistqarr: “Domt tmien snin suldat. Ħafna mis-suldati nisa kienu jispiċċaw stuprati mis-suldati ta’ fuqna. Kont terrorizzata. Bżajt li ħa jistuprawni bħalma ġara lil ħafna nisa suldati oħra. Ma kelli l-ebda garanzija li mhux se ngħaddi mill-istess xorti ħażina.”
Tieqaf għal ftit u tbaxxi għajnejha ’l isfel. Wara ftit it-tfajla tgħolli ħarsitha bil-mod il-mod u tħares lejn il-lemin tal-kamra. Fil-ħabba ta’għajnejha stajt nara uġigħ li forsi mara biss tista’ tifhmu.
Skiet taqtgħu b’sikkina. Imbagħad tkompli: “Ir-raġel tiegħi, fl-istess perjodu, kienu tefgħuh il-ħabs għax ma kienx jaqbel mat-tmexxija totalitarja tal-Gvern.” L-istess ġralhom eluf ta’ persuni oħra. F’perjodu partikolari mat-3,000 student universitarju kienu nħatfu u ntbagħtu kollha l-ħabs. L-Università ngħalqet u minflok inbidlet fi skola militari.
Selam u żewġha maż-żmien fasslu pjan ta’ kif se jaħarbu mill-Eritrea. Nistaqsiha dwar il-vjaġġ li ħadhom sal-Libja li wara wassalhom f’pajjiżna. Twieġeb hekk: “Flimkien ma’ ħbieb tiegħi għamilna diska…din id-diska tiddeskrivi l-uġigħ li ħassejna. Ara ftit id-diska.”
Quddiemi, jien u nikteb dan l-artiklu, għandi l-kanzunetta. L-immigranti semmewha ‘Il-Ġnien ta’ l-Eden’. Jitkellmu dwar kemm batew mhux biss fil-vjaġġ imma anki qabel. Ħafna ħarbu minn gwerra. Waħda minnhom tħaddan magħha tarbija ta’ xahrejn.
Kos, li kieku Malta tinħakem minn gwerra ma tippruvax issalva lil uliedek u taħrab bil-baħar lejn xi pajjiż ieħor? Dan hu l-każ ta’ Selam.
Iż-żagħżugħa llum tgħix f’pajjiżna hekk kif ingħatat status ta’ refuġjata. Tliet xhur ilu welldet tifel, Sam.
L-element ta’ familja jinħass sew. Tistqarr li sakemm qed nagħmlu l-intervista żewġha qed jieħu ħsieb lit-tifel.
Ġurnata biss qabel Selam u l-familja tagħha, flimkien ma’ numru ta’ refuġjati oħra, bdew jgħixu f’appartament fl-Imsida. Huwa wieħed mill-proġetti ta’ Monsinjur Philip Calleja. It-tfajla tistqarr li issa hi ferm aħjar milli tgħix f’Open Centre kif kienet sa ftit tas-sigħat qabel.
L-akbar xewqa tagħha? “Li nsib naħdem. Naf nuża l-komputer u ma niddejjaqx lanqas naħdem bħala salesgirl.”
Salem tistqarr li Malta tibqa’ f’qalbha. “Inħobbha lil Malta. Kienu l-Maltin li salvawni għax id-dgħajsa li kont fuqha nqasmet u kont se negħreq.” Wara ftit sekondi tgħidli li ddispjaċuta fuq fattur wieħed: “Ħafna mill-Maltin ma jħobbux lin-nies Afrikani bħali.”
X’taqbad tgħidilha? Tissummak għax ngħiduha kif inhi, huwa minnu li l-lewn tal-ġilda għadu jdakkar u jifred lis-soċjetà Maltija. Imma kemm hu mportanti li ż-żewġ partijiet jifhmu aħjar lil xulxin.
Il-filosofija ta’ Selam hija unika u għenha tissawwar aktar b’dan il-mod kors ta’ taħrig li temmet b’suċċess f’pajjiżna. L-għan ta’ dan il-kors imtella’ mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tas-Social Welfare kien li jgħin lil dawk li qed ifittxu kenn f’pajjiżna biex jintegraw aħjar fis-soċjetà Maltija.
Għal numru ta’ xhur, tliet darbiet fil-ġimgħa, 107 persuna li qed ifittxu asil (asylum seeker) attendew għal lezzjonijiet differenti. Is-suġġetti varjaw minn informatika, life skills sa kif tħejji ruħek għal interview. Imsieħba f’dan il-proġett kien hemm numru mdaqqas ta’ entitajiet: l-ETC, l-Għaqda tas-Salib l-Aħmar, il-GWU, Dar is-Sliem u Dar il-Qawsalla.
“Kienet esperjenza mill-isbaħ, L-għalliema u aħna l-istudenti konna bħal familja waħda. Tgħallimt ħafna dwar il-Maltin, il-kultura u t-tradizzjonijiet. Dan għandu jgħinni aktar biex nintegra ruħi aħjar fil-komunità Maltija. Yekenyeley. Rhus Hadsh Amet. Grazzi u s-sena t-tajba.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt